LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 10/15 pp. 21-26
  • Għasses Kontra li Tiżviluppa Qalb Supperva

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għasses Kontra li Tiżviluppa Qalb Supperva
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Alla Jieħu Azzjoni Kontra s-​Suppervi
  • ‘Qalbek Saret Supperva’
  • Għasses lil Qalbek Kontra s-​Suppervja
  • Huwa Ħażin li Tkun Kburi?
    Stenbaħ!—1999
  • Il-Prezz tal-Kburija—Kemm Hu Għoli?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Tistaʼ tiġġieled lil Satana u tirbaħlu!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Il-Benefiċċji Meta Tagħmel Paċi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 10/15 pp. 21-26

Għasses Kontra li Tiżviluppa Qalb Supperva

“Alla jopponi lis-​suppervi.”—ĠAKBU 4:6.

1. Agħti eżempju taʼ meta huwa xieraq li tħossok kburi.

QATT kien hemm xi ħaġa li ġagħlitek tħossok kburi? Ħafna minna esperjenzajna dan is-​sentiment pjaċevoli. Il-​fatt li kultant inħossuna kburin m’huwiex ħażin. Per eżempju, meta koppja Kristjana fir-​rapport taʼ l-​iskola taʼ binthom jaqraw li kienet ġabet ruħha sew u li ħadmet iebes, wiċċhom x’aktarx jixgħel tant kemm ikunu sodisfatti b’dak li tkun wettqet. L-​appostlu Pawlu u sħabu ħassewhom kburin bil-​kongregazzjoni l-​ġdida li huma kienu għenu biex tiġi stabbilita għax l-​aħwa kienu baqgħu leali waqt il-​persekuzzjoni.—1 Tessalonikin 1:​1, 6; 2:​19, 20; 2 Tessalonikin 1:​1, 4.

2. Is-​sentimenti taʼ kburija ġeneralment għala m’humiex tajbin?

2 Minn dawn l-​eżempji, nistgħu naraw li l-​kburija tistaʼ tkun sentiment taʼ ferħ li jiġi minn xi azzjoni jew minn xi ħaġa li jkollok. Spiss, però, il-​kburija tirrifletti attitudni taʼ stima mhix xierqa tiegħek innifsek, meta tħossok superjuri minħabba l-​abbiltajiet, l-​apparenza, il-​ġid, jew il-​pożizzjoni tiegħek. Ħafna drabi din tkun tidher minn attitudni arroganti, jew supperva. Żgur li aħna bħala Kristjani għandna ngħassu kontra dan it-​tip taʼ kburija. Għala? Għax aħna twelidna b’tendenza li nkunu egoisti u din writnieha minn missierna Adam. (Ġenesi 8:21) B’riżultat taʼ dan, qlubna jistgħu jqarrqu bina faċilment u jġagħluna nħossuna kburin għal raġunijiet ħżiena. Per eżempju, il-​Kristjani għandhom jirreżistu sentimenti taʼ kburija minħabba r-​razza, il-​ġid, l-​edukazzjoni, l-​abbiltajiet naturali, jew ix-​xogħol li jagħmlu meta mqabblin m’oħrajn. Il-​kburija li tiġi minn affarijiet bħal dawn m’hijiex xierqa u ma togħġobx lil Ġeħova.—Ġeremija 9:22 (9:​23, NW); Atti 10:​34, 35; 1 Korintin 4:7; Galatin 5:26; 6:​3, 4.

3. X’inhi s-​suppervja, u Ġesù x’qal dwarha?

3 Hemm raġuni oħra għala għandna nwarrbu l-​kburija mhix xierqa. Jekk inħalluha tikber f’qalbna, tistaʼ tiżviluppa fina kburija li hi verament taʼ min jistmerrha, jiġifieri s-​suppervja. X’inhi s-​suppervja? Barra li jħossu superjuri għal ħaddieħor, min hu supperv ibaxxi lil oħrajn, lil dawk li hu jqishom bħala inferjuri. (Luqa 18:9; Ġwanni 7:​47-49) Ġesù niżżel is-​“suppervja” flimkien maʼ karatteristiki mill-​agħar oħra li jiġu “mill-​qalb tal-​bniedem” u li “jniġġsu lill-​bniedem.” (Marku 7:​20-23) Il-​Kristjani jistgħu jirrealizzaw kemm hu vitali li jevitaw li jiżviluppaw qalb supperva.

4. Kif nistgħu niġu megħjuna meta nikkunsidraw eżempji mill-​Bibbja dwar is-​suppervja?

4 Meta tikkunsidra xi rakkonti mill-​Bibbja dwar uħud li kienu suppervi tistaʼ tiġi megħjun tevita s-​suppervja. B’hekk, se tkun tistaʼ tara iktar jekk hemmx xi traċċi taʼ sentimenti mhux xierqa taʼ kburija li għandhom mnejn ikunu fik jew li għandhom mnejn jiżviluppaw maż-​żmien. Dan se jgħinek tevita ħsibijiet jew sentimenti li jistgħu jwasslu biex ikollok qalb supperva. B’riżultat taʼ dan, int mhux se tiġi effettwat ħażin meta Alla jaġixxi fi qbil maʼ din it-​twissija: “Jiena mbagħad inneħħi minn ġo nofsok lil dawk fost niesek li jsibu l-​hena tagħhom fil-​kburija [fis-suppervja]; u int ma żżidx titkabbar fuq l-​għolja mqaddsa tiegħi.”—Sofonija 3:11.

Alla Jieħu Azzjoni Kontra s-​Suppervi

5, 6. Il-​Fargħun kif wera li kien supperv, u x’kien ir-​riżultat?

5 Mill-​mod kif Ġeħova ttratta maʼ ħakkiema qawwija bħall-​Fargħun tistaʼ tara kif Hu jqis is-​suppervja. M’hemm l-​ebda dubju li l-​Fargħun kellu qalb supperva. Billi qies lilu nnifsu bħala alla li għandu jiġi meqjum, hu kien jistmerr lill-​ilsiera, l-​Iżraelin. Ikkunsidra l-​mod kif irreaġixxa meta l-​Iżraelin talbuh imorru ‘jagħmlu festa’ għal Ġeħova fid-​deżert. Ir-​risposta li s-​supperv Fargħun ta kienet: “Min hu l-​Mulej, biex jien nismaʼ minn kliemu u nħalli lil Iżrael jitlaq?”—Eżodu 5:​1, 2.

6 Wara li l-​Fargħun esperjenza sitt kastigi, Ġeħova qal lil Mosè biex jgħid lill-​ħakkiem Eġizzjan: “Int għadek imkabbar [taġixxi b’suppervja] mal-​poplu tiegħi, u ma tħallihomx jitilqu.” (Eżodu 9:17) Mosè mbagħad ħabbar is-​sebaʼ kastig—silġ li kellu jeqred l-​art. Malli ħalla lill-​Iżraelin jitilqu wara l-​għaxar kastig, il-​Fargħun biddel fehmtu u ħareġ għal warajhom. Fl-​aħħarnett, il-​Fargħun u l-​armati tiegħu nqabdu fil-​Baħar l-​Aħmar. Immaġina x’ħassew hekk kif l-​ilmijiet bdew neżlin għal fuqhom! Xi rriżulta mis-​suppervja tal-​Fargħun? L-​aqwa truppi tiegħu qalu: “Ħa naħarbu minn quddiem Iżrael, għaliex il-​Mulej qiegħed jiġġieled kontra l-​Eġizzjani!”—Eżodu 14:25.

7. Il-​ħakkiema taʼ Babilonja kif urew li kienu suppervi?

7 Kien hemm ħakkiema oħra li kienu suppervi u li ġew umiljati minn Ġeħova. Wieħed minnhom kien Sanħerib, sultan taʼ l-​Assirja. (Isaija 36:​1-4, 20; 37:​36-38) Eventwalment, l-​Assirja kienet mirbuħa mill-​Babiloniżi, imma żewġ slaten Babiloniżi suppervi ġew umiljati wkoll. Ftakar meta s-​Sultan Beltassar għamel festa li fiha hu u l-​mistidnin irjali tiegħu xorbu mit-​tazzi li ħadu mit-​tempju taʼ Ġeħova, filwaqt li bdew ifaħħru lill-​allat Babiloniżi. F’daqqa waħda, deher sabaʼ taʼ id taʼ raġel u kiteb messaġġ fuq il-​ħajt. Meta ġie mitlub jispjega l-​kitba misterjuża, il-​profeta Danjel fakkar lil Beltassar: “Lil missierek Nabukodonosor, Alla l-​Għoli tah saltna . . . Iżda meta ntrefaʼ [sar supperv] f’qalbu . . . , tniżżel minn fuq it-​tron taʼ saltnatu, u l-​ġieħ tiegħu twarrab minn fuqu. . . . U inti ibnu, Beltassar, int ma ċċekkintx f’qalbek, għad li dan kollu kont tafu.” (Danjel 5:​3, 18, 20, 22) Dik il-​lejla stess, l-​armata Medo-Persjana rebħet lil Babilonja, u Beltassar inqatel.—Danjel 5:30; 6:1 (5:​30, 31, NW).

8. Ġeħova kif ittratta maʼ dawk li kienu suppervi?

8 Aħseb ftit ukoll dwar irġiel oħra li kienu suppervi u li kienu jistmerru lill-​poplu taʼ Ġeħova: il-​ġgant Filisti Gulija, il-​Prim Ministru Persjan Ħaman, u s-​Sultan Erodi Agrippa, li ħakem fuq il-​provinċja tal-​Lhudija. Minħabba s-​suppervja tagħhom, dawn it-​tlett irġiel sofrew mewta umiljanti minn id Alla. (1 Samwel 17:​42-51; Ester 3:​5, 6; 7:10; Atti 12:​1-3, 21-23) Il-​mod kif Ġeħova ttratta maʼ dawn l-​irġiel suppervi jenfasizza din il-​verità: “Qabel il-​qerda tiġi l-​kburija, u qabel il-​waqgħa t-​tkabbir [is-suppervja].” (Proverbji 16:18) Tabilħaqq, m’hemm l-​ebda dubju li “Alla jopponi lis-​suppervi.”—Ġakbu 4:6.

9. Is-​slaten taʼ Tir kif taw prova li kienu tradituri?

9 B’kuntrast mal-​ħakkiema taʼ l-​Eġittu, lAssirja, u Babilonja, is-​sultan taʼ Tir darba kien t’għajnuna għall-​poplu t’Alla. Matul il-​ħakmiet tas-​Sultan David u Salamun, dan is-​sultan ipprovda rġiel tas-​sengħa u materjal għall-​bini rjali u għat-​tempju t’Alla. (2 Samwel 5:11; 2 Kronaki 2:​10-15 [2:​11-16, NW]) B’dispjaċir, maż-​żmien it-​Tirin daru kontra l-​poplu taʼ Ġeħova. X’kien dak li wassal għal dan?—Salm 83:​3-7; Ġoel 4:​4-6 (3:​4-6, NW); Għamos 1:​9, 10.

‘Qalbek Saret Supperva’

10, 11. (a) Min jistaʼ jitqabbel mas-​slaten taʼ Tir? (b) X’kien dak li biddel l-​attitudni tat-​Tirin lejn l-​Iżraelin?

10 Ġeħova ispira lil Eżekjel biex jikxef u jikkundanna d-​dinastija tas-​slaten taʼ Tir. Dan il-​messaġġ li kien indirizzat lis-​“sultan taʼ Tir” fih espressjonijiet li jixirqu kemm lid-​dinastija Tirana u kemm lit-​traditur oriġinali, Satana, li “ma żammx sħiħ fil-​verità.” (Eżekjel 28:12; Ġwanni 8:44) Satana darba kien spirtu leali u parti mill-​organizzazzjoni taʼ wlied tas-​sema taʼ Ġeħova. Permezz t’Eżekjel, Alla Ġeħova wera r-​raġuni bażika għala d-​dinastija Tirana u Satana kienu tradituri:

11 “Fl-​Għeden, il-​ġnien taʼ Alla, kont imdawwar b’kull xorta taʼ ħaġar prezzjuż, . . . [“Int kont il-​kerub midluk tal-​ħarsien,” KŻ] . . . bla ħtija kont f’mixjietek sa minn ħolqienek, sakemm ma nkixifx qerqek. Bil-​kobor tan-​negozju tiegħek imtlejt bl-​inġustizzja u dnibt, u jien . . . [“neqirdek,” KŻ] . . . Qalbek tkabbret [saret supperva] bi ġmielek; ħassart għerfek bi tlellixek.” (Eżekjel 28:​13-17) Iva, is-​suppervja ġagħlet lis-​slaten taʼ Tir ikunu vjolenti mal-​poplu taʼ Ġeħova. Tir saret sinjura ħafna bħala ċentru kummerċjali u saret magħrufa għall-​prodotti sbieħ tagħha. (Isaija 23:​8, 9) Is-​slaten taʼ Tir saru wisq minfuħin bihom infushom, u bdew jaħqru lill-​poplu t’Alla.

12. X’kien dak li wassal lil Satana jibda jqarraq, u x’qed ikompli jagħmel?

12 B’mod simili, l-​ispirtu li sar Satana darba kellu l-​għerf kollu li kien hemm bżonn sabiex ikun jistaʼ jwettaq l-​inkarigu li tah Alla. Minflok ma kien grat, hu ‘tkabbar’ u beda jistmerr il-​mod kif Alla jaħkem. (1 Timotju 3:6) Tant sar minfuħ bih innifsu li beda jixxennaq għall-​qima taʼ Adam u Eva. Din ix-​xewqa mill-​agħar saret fertili u wildet id-​dnub. (Ġakbu 1:​14, 15) Satana ħajjar lil Eva biex tiekol mill-​frott taʼ l-​unika siġra li Alla kien ipprojbixxa. Imbagħad Satana użaha biex iġiegħel lil Adam jiekol mill-​frotta projbita. (Ġenesi 3:​1-6) Għalhekk, l-​ewwel koppja umana rrifjutat id-​dritt t’Alla li jaħkem fuqha, u biex ngħidu hekk, huma bdew iqimu lil Satana. Is-​suppervja tiegħu m’għandhiex limiti. Hu pprova jħajjar lill-​ħlejjaq intelliġenti kollha fis-​sema u fl-​art, inkluż lil Ġesù Kristu, biex jagħtuh qima u jwarrbu s-​sovranità taʼ Ġeħova.—Mattew 4:​8-10; Rivelazzjoni 12:​3, 4, 9.

13. X’inhu r-​riżultat tas-​suppervja?

13 Għalhekk, tistaʼ tara kif is-​suppervja toriġina minn Satana; hija r-​raġuni bażika għad-​dnub, is-​sofferenza, u l-​korruzzjoni fid-​dinja taʼ llum. Bħala “l-​alla taʼ din is-​sistema,” Satana jkompli jqanqal sentimenti m’humiex xierqa taʼ kburija u suppervja. (2 Korintin 4:4) Hu jaf li żmien qasir baqagħlu, u għalhekk hu jiggwerra kontra l-​Kristjani veri. Il-​mira tiegħu hi li jdawwarhom ’il bogħod minn Alla, u li jsiru jħobbu lilhom infushom, minfuħin bihom infushom, u suppervi. Il-​Bibbja bassret li dawn il-​karatteristiki egoistiċi kienu se jkunu komuni f’dawn “l-​aħħar jiem.”—2 Timotju 3:​1, 2; Rivelazzjoni 12:​12, 17.

14. Ġeħova skond liema regola jittratta mal-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu?

14 Min-​naħa tiegħu, Ġesù Kristu b’kuraġġ kixef ir-​riżultat ħażin li s-​suppervja taʼ Satana kkawżat. Minn taʼ l-​inqas fi tliet okkażjonijiet u quddiem l-​għedewwa li kienu jippretendu li kienu twajba, Ġesù stabbilixxa r-​regola li biha Ġeħova jittratta lill-​umanità: “Għax kulmin jitgħolla jiġi umiljat u min jumilja ruħu jitgħolla.”—Luqa 14:11; 18:14; Mattew 23:12.

Għasses lil Qalbek Kontra s-​Suppervja

15, 16. X’ġagħal lil Ħagar issir supperva?

15 Għandek mnejn innotajt li l-​eżempji tas-​suppervja li ssemmew hawn fuq kienu kollha dwar irġiel prominenti. Jindika dan li n-​nies ordinarji ma jistgħux isiru suppervi? Żgur li le. Ikkunsidra dak li ġara fid-​dar t’Abraham. Il-​patrijarka ma kellux iben bħala eredi, u l-​mara tiegħu, Sara, kienet kbira wisq biex ikollha t-​tfal. Id-​drawwa kienet li raġel li kien fis-​sitwazzjoni t’Abraham kien jiżżewweġ mara oħra biex ikun jistaʼ jkollu t-​tfal. Alla ppermetta dawn iż-​żwiġijiet għax ma kienx għadu wasal iż-​żmien biex jistabbilixxi mill-​ġdid il-​livell oriġinali għaż-​żwieġ bejn l-​aduraturi veri tiegħu.—Mattew 19:​3-9.

16 Tant ħeġġitu martu, li Abraham qabel li jipproduċi eredi minn Ħagar, il-​qaddejja Eġizzjana taʼ Sara. Bħala t-​tieni mara t’Abraham, Ħagar tqalet. Hi kellha għalxiex tkun vera grata għall-​pożizzjoni onorabbli tagħha. Minflok, hi ħalliet lil qalbha ssir supperva. Il-​Bibbja tirrakkonta: “Malli ntebħet li tqalet, lil sidtha ma stmathiex aktar.” Din l-​attitudni ġabet ħafna ġlied fid-​dar t’Abraham tant li Sara spiċċat biex keċċietha lil Ħagar. Imma kien hemm soluzzjoni għall-​problema. L-​anġlu t’Alla ħeġġeġ lil Ħagar: “Erġaʼ lura lejn sidtek, u oqgħod għaliha [“umilja ruħek taħt idha,” NW].” (Ġenesi 16:​4, 9) Milli jidher, Ħagar applikat dan il-​parir, biddlet l-​attitudni tagħha lejn Sara, u saret antenata taʼ ġens kbir ħafna.

17, 18. Għala lkoll kemm aħna għandna ngħassu kontra s-​suppervja?

17 Il-​każ taʼ Ħagar juri li meta l-​pożizzjoni taʼ xi ħadd tinbidel għall-​aħjar, dak li jkun jistaʼ jsir supperv. It-​tagħlima hi li anki Kristjan li juri li għandu qalb tajba waqt li jkun qed jaqdi lil Alla jistaʼ jsir supperv malli jikseb il-​ġid jew l-​awtorità. Din l-​attitudni tistaʼ tiżviluppa jekk oħrajn ifaħħruh għas-​suċċess, l-​għerf, jew l-​abbiltajiet tiegħu. Iva, Kristjan għandu jibqaʼ għassa sabiex iżomm is-​suppervja ’l bogħod minn qalbu. Dan hu speċjalment minnu jekk ikollu suċċess jew jingħata xi responsabbiltà.

18 L-​akbar raġuni għala għandna nevitaw is-​suppervja hi minħabba l-​mod kif Alla jħares lejn din il-​karatteristika. Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Għajnejn merfugħa [suppervi] u qalb imkabbra; dan hu s-​sinjal tal-​ħżiena, u hu dnub.” (Proverbji 21:4) Taʼ interess, il-​Bibbja twissi b’mod partikulari lill-​Kristjani li huma “għonja f’din is-​sistema” biex ma “jitkabbrux,” jew ma jkunux suppervi. (1 Timotju 6:17; Dewteronomju 8:​11-17) Dawk il-​Kristjani li m’humiex għonja għandhom jevitaw li jkollhom “għajn għajjura,” u għandhom jiftakru li s-​suppervja tistaʼ tiżviluppa f’kulħadd—sinjur u fqir.—Marku 7:​21-23; Ġakbu 4:5.

19. Għużżija b’liema mod ħassar ir-​reputazzjoni tajba tiegħu?

19 Is-​suppervja kif ukoll karatteristiki mill-​agħar oħra jistgħu jħassru relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Per eżempju, ikkunsidra l-​bidu tal-​ħakma tas-​Sultan Għużżija: “U għamel is-​sewwa f’għajnejn il-​Mulej . . . Kien ifittex lil Alla . . . U sakemm dam ifittex il-​Mulej, Alla kien jagħtih ir-​riżq.” (2 Kronaki 26:​4, 5) Biss, b’dispjaċir is-​Sultan Għużżija ħassar ir-​reputazzjoni tajba tiegħu għax “qalbu tkabbret [saret supperva] sa tħassar.” Tant sar minfuħ bih innifsu li daħal fit-​tempju biex joffri l-​inċens. Meta l-​qassisin wissewh biex ma jagħmilx dan l-​att taʼ prużunzjoni, Għużżija “xegħel bil-​korla.” B’riżultat taʼ dan, Ġeħova laqtu bil-​ġdiem, u miet mingħajr l-​approvazzjoni t’Alla.—2 Kronaki 26:​16-21.

20. (a) Ir-​reputazzjoni tajba taʼ Ħeżekija għala kienet fil-​periklu? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 Mill-​eżempju tas-​Sultan Ħeżekija tistaʼ tinnota kuntrast. F’okkażjoni minnhom, ir-​reputazzjoni mill-​aqwa taʼ dan is-​sultan kienet fil-​periklu li titħassar għax “qalbu saret supperva.” (NW) B’ferħ, “Ħeżekija umilja ruħu mill-​kburija [mis-suppervja] taʼ qalbu” u reġaʼ kiseb l-​approvazzjoni t’Alla. (2 Kronaki 32:​25, 26) Innota li kienet l-​umiltà li għelbet is-​suppervja taʼ Ħeżekija. Iva, l-​umiltà hija l-​oppost tas-​suppervja. Għalhekk, fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw kif nistgħu nikkultivaw u nżommu l-​umiltà Kristjana.

21. Il-​Kristjani umli lejn xiex jistgħu jħarsu bil-​quddiem?

21 Biss, jalla qatt ma ninsew ir-​riżultati ħżiena kollha li tistaʼ ġġib magħha s-​suppervja. Ladarba “Alla jopponi lis-​suppervi,” ejja nkunu determinati li nwarrbu s-​sentimenti taʼ kburija mhix xierqa. Hekk kif nistinkaw biex inkunu Kristjani umli, nistgħu nħarsu bil-​quddiem lejn li nsalvaw mill-​jum il-​kbir t’Alla, meta s-​suppervi u r-​riżultat taʼ l-​għemejjel tagħhom se jitneħħew minn fuq l-​art. Imbagħad “titniżżel is-​suppervja tal-​bniedem; u dakinhar, jitgħolla waħdu lMulej.”—Isaija 2:17.

Punti għall-​Meditazzjoni

• Kif tiddeskrivi persuna supperva?

• X’inhi l-​oriġini tas-​suppervja?

• X’jistaʼ jġiegħel lil dak li jkun isir supperv?

• Għala għandna ngħassu lilna nfusna kontra s-​suppervja?

[Stampa f’paġna 23]

Is-​suppervja tal-​Fargħun wasslitu biex jiġi umiljat

[Stampa f’paġna 24]

Il-​pożizzjoni mtejba taʼ Ħagar wasslitha biex issir supperva

[Stampa f’paġna 25]

Ħeżekija umilja lilu nnifsu u reġaʼ kiseb l-​approvazzjoni t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja