Salm
104 Jien* se nfaħħar lil Ġeħova.
Ġeħova Alla tiegħi, int kbir ħafna.
2 Int imdawwar bid-dawl bħallikieku bil-ħwejjeġ;
Int frixt is-sema bħal drapp tat-tined.
4 Int tagħmel lill-anġli, il-qaddejja tiegħek, b’saħħithom.*
Int tagħmilhom bħal nar li jaħraq.
5 Int qegħedt l-art fuq il-pedamenti tagħha;
Din qatt mhu se tiċċaqlaq minn postha.
6 Int għattejtha b’ilmijiet fondi bħallikieku b’libsa.
L-ilmijiet għattew il-muntanji.
7 Meta għajjatt magħhom, l-ilmijiet ħarbu;
Meta semgħu r-ragħad tiegħek, ħarbu ppanikjati.
8 Dawn marru fil-post li għażiltilhom int,
U l-muntanji għolew u l-widien niżlu.
9 Int għamilt limitu għall-ilmijiet li ma jistgħux jaqbżuh.
B’hekk qatt mhu se jerġgħu jgħattu l-art.
10 Int tibgħat l-ilma fil-widien;
Dan jgħaddi minn bejn il-muntanji.
11 Minnu jixorbu l-annimali slavaġ;
Il-ħmir slavaġ ma jibqgħux bil-għatx.
12 L-għasafar jagħmlu l-bejta ħdejn l-ilma;
Huma jgħannu minn qalb il-friegħi tas-siġar b’saħħithom.
13 Int qed issaqqi l-muntanji mill-kmamar taʼ fuq tiegħek.
L-art mimlija bil-frott tax-xogħol tiegħek.
14 Int qed tkabbar il-ħaxix għall-imrieħel,
U tagħti l-ħxejjex lin-nies.
Int qed tagħmel dan biex l-art tipproduċi ikel,
15 Inbid li jferraħ qalb in-nies,
Żejt li jagħmel wiċċ in-nies ileqq,
U ħobż li jagħtihom is-saħħa.
16 Ġeħova, is-siġar taċ-ċedri tal-Libanu li ħawwilt int
Għandhom ħafna ilma.
17 Hemmhekk l-għasafar jagħmlu l-bejta.
Id-dar taċ-ċikonja qiegħda fis-siġar tal-ġnibru.
18 Il-muntanji għoljin huma għall-mogħoż tal-muntanji;
Il-blat jistkennu fih il-fniek tad-deżert.
19 Int għamilt il-qamar biex juri l-istaġuni;
Ix-xemx taf sew meta għandha tinżel.
20 Int iġġib id-dlam u jibda l-lejl.
Dak il-ħin, l-annimali slavaġ kollha tal-foresta joħorġu.
21 L-iljuni b’saħħithom jgħajtu waqt li jfittxu x’jieklu.
Huma jfittxu l-ikel li tipprovdilhom int.
22 Meta titlaʼ x-xemx,
Huma jmorru lura fil-post fejn joqogħdu u jimteddu hemm.
23 In-nies joħorġu għax-xogħol
U jibqgħu jaħdmu sa filgħaxija.
24 Kemm għamilt affarijiet Ġeħova!
Int għamilthom kollha bl-għerf tiegħek.
L-art hi mimlija b’dak li għamilt.
25 Hemm il-baħar li hu kbir u wiesaʼ,
Mimli b’ħafna ħlejjaq kbar u żgħar.
27 Il-ħlejjaq kollha jistrieħu fuqek
Biex tagħtihom l-ikel meta jkollhom bżonnu.
28 Dawn jieklu li tagħtihom.
Meta tiftaħ idek, jixbgħu bl-affarijiet tajbin li tipprovdilhom.
29 Jekk taħbi wiċċek minnhom, huma jitħawdu.
Jekk tiħdilhom in-nifs,* imutu u jerġgħu jsiru trab.
30 Jekk tibgħat l-ispirtu qaddis tiegħek, dawn jiġu maħluqin,
U int terġaʼ tagħti l-ħajja lill-art.
31 Il-glorja taʼ Ġeħova se tibqaʼ għal dejjem.
Ġeħova se jifraħ b’dak li għamel.
32 Hu jħares lejn l-art, u din titriegħed;
Imiss il-muntanji, u dawn idaħħnu.
33 Jien se nkanta lil Ġeħova tul ħajti kollha;
Se nfaħħar bil-kant* lill-Alla tiegħi sakemm indum ħaj.
34 Jalla jieħu pjaċir b’dak li naħseb.*
Jien se nifraħ b’Ġeħova.