L-Aħbar Tajba Skont Marku
12 Imbagħad beda jkellimhom billi juża l-eżempji: “Raġel ħawwel għalqa bid-dwieli, għamel ċint madwarha, ħaffer post fejn jagħsar l-għeneb, u bena torri. Imbagħad ħallieha f’idejn il-bdiewa u siefer. 2 Meta kien iż-żmien li jinqataʼ l-għeneb, hu bagħat ilsir għand il-bdiewa biex jiġborlu sehmu mill-frott. 3 Imma huma qabduh, sawtuh, u bagħtuh b’idu vojta. 4 U reġaʼ bagħtilhom ilsir ieħor, u lil dan tawh ġo rasu u umiljawh. 5 U hu bagħat ieħor, u lil dan qatluh. Jerġaʼ bagħat ħafna oħrajn, u lil min sawtuh u lil min qatluh. 6 Hu kien fadallu tifel għażiż. Għalhekk bagħtu għandhom u qal, ‘Lit-tifel tiegħi għandhom jirrispettawh.’ 7 Imma l-bdiewa qalu bejniethom, ‘Dan li se jiret l-għalqa tad-dwieli. Ejja noqtluh, u nieħdu l-wirt aħna.’ 8 Għalhekk qabduh, qatluh, u tefgħuh ’il barra mill-għalqa tad-dwieli. 9 X’se jagħmel sid l-għalqa tad-dwieli? Hu jmur u joqtol lill-bdiewa, u jagħti l-għalqa tad-dwieli lil ħaddieħor. 10 Qatt ma qrajtu l-iskrittura li tgħid li l-ġebla li warrbu l-bennejja saret l-iktar ġebla importanti* tal-bini? 11 Ma qrajtux li din ġejja mingħand Ġeħova* u hi tal-għaġeb għalina?”
12 L-iskribi u l-qassisin importanti xtaqu jarrestawh,* għax kienu jafu li qed jgħid għalihom fl-eżempju, imma peress li beżgħu min-nies, telqu ’l hemm.
13 Imbagħad, bagħtu lil xi Fariżej u xi wħud li kienu jappoġġaw lil Erodi biex iġiegħlu lil Ġesù jgħid xi ħaġa li jistgħu jakkużawh biha. 14 Kif waslu, qalulu: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid il-verità, ma tipprovax tingħoġob man-nies, u ma turix preferenzi, imma int tgħallem il-verità dwar Alla. Skont il-Liġi, għandna* nħallsu t-taxxa lil Ċesari jew le? 15 Peress li nduna li huma ipokriti, qalilhom: “Għala qed tfittxu fuqiex takkużawni? Ġibuli dinar* ħa narah.” 16 Huma tawh dinar, u hu qalilhom: “Dan il-wiċċ u l-isem taʼ min huma?” Wiġbuh: “Taʼ Ċesari.” 17 Imbagħad qalilhom: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” U huma baqgħu mistagħġbin.
18 Issa s-Sadduċej, li ma kinux jemmnu bl-irxoxt, marru u staqsewh: 19 “Għalliem, Mosè kitbilna li jekk xi ħadd imut u ma jkollux tfal, ħuh għandu jiżżewweġ lill-mara tiegħu u jkollu t-tfal għal ħuh. 20 Kien hemm sebaʼ aħwa. L-ewwel wieħed iżżewweġ, imma miet mingħajr tfal. 21 U t-tieni wieħed iżżewwiġha, imma miet mingħajr tfal, u anki t-tielet wieħed hekk ġralu. 22 U s-sebgħa li huma ma kellhomx tfal. Imbagħad mietet il-mara wkoll. 23 Fl-irxoxt, il-mara taʼ min se tkun peress li żżewġuha s-sebgħa li huma?” 24 Ġesù qalilhom: “Hu għalhekk li għandkom żball, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas kemm hi kbira l-qawwa t’Alla. 25 Għax meta jqumu mill-mewt, la l-irġiel u lanqas in-nisa mhu se jiżżewġu, imma se jkunu bħall-anġli. 26 Imma dwar li l-mejtin jiġu mqajmin, ma qrajtux fil-ktieb taʼ Mosè x’qallu Alla ħdejn l-għollieqa, ‘Jien l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb’? 27 Hu l-Alla tal-ħajjin u mhux tal-mejtin. Intom għandkom żball kbir.”
28 Wieħed mill-iskribi mar u semagħhom jiddiskutu, u peress li kien jaf li wiġibhom b’mod tajjeb, staqsieh: “Liema hu l-iktar kmandament importanti?”* 29 Ġesù wieġbu: “L-iktar wieħed importanti hu dan, ‘Ismaʼ Iżrael, Ġeħova* l-Alla tagħna hu Ġeħova* wieħed, 30 u għandek tħobb lil Ġeħova* l-Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek* kollha, b’moħħok kollu, u b’saħħtek kollha.’ 31 It-tieni hu dan, ‘Ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.’ M’hemmx kmandament aqwa minn dawn.” 32 L-iskriba qallu: “Għalliem, int tkellimt tajjeb fi qbil mal-verità, ‘Hemm Alla wieħed, u m’hemm ħadd ħliefu’; 33 u li wieħed iħobbu b’qalbu kollha, b’moħħu kollu, u b’saħħtu kollha, u li jħobb lil ħaddieħor bħalu nnifsu hu ħafna aħjar mill-offerti sħaħ tal-ħruq u s-sagrifiċċji kollha.” 34 Meta Ġesù ra li wieġeb b’għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod milli tidħol fis-Saltna t’Alla.” Imma ħadd ma kellu l-kuraġġ jistaqsih xi ħaġa oħra.
35 Madankollu, waqt li Ġesù kompla jgħallem fit-tempju, staqsa: “L-iskribi kif jgħidu li l-Kristu hu bin David? 36 Permezz tal-ispirtu qaddis, David stess qal, ‘Ġeħova* qal lill-Mulej tiegħi: “Oqgħod bilqiegħda fuq il-lemin tiegħi sakemm inpoġġi l-għedewwa tiegħek taħt saqajk.”’ 37 David stess irrefera għalih bħala Mulej, allura kif jistaʼ jkun li hu t-tifel tiegħu?”
U l-folla kbira kienet qed tieħu pjaċir tisimgħu. 38 Waqt li kien qed jgħallem, qal: “Oqogħdu attenti mill-iskribi li jħobbu jippassiġġaw bi lbiesi twal, li jridu li n-nies isellmulhom fis-suq, 39 li jridu s-siġġijiet taʼ quddiem* fis-sinagogi, u li jridu l-iktar postijiet importanti fl-ikliet taʼ filgħaxija. 40 Huma jaħtfu d-djar* tar-romol u jgħidu talb twil għal għajn in-nies. Dawn se jirċievu kastig akbar.”
41 Imbagħad poġġa fejn setaʼ jara l-kaxxi tal-kontribuzzjonijiet u beda jinnota kif il-folla bdiet titfaʼ l-flus fihom. Ħafna nies sinjuri bdew jitfgħu ħafna muniti. 42 U marret armla fqira u tefgħet żewġ muniti żgħar taʼ ftit valur.* 43 Għalhekk, għajjat lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Naċċertakom li din l-armla fqira tefgħet iktar flus mill-oħrajn kollha. 44 Għax huma lkoll tefgħu miż-żejjed li għandhom, imma hi, għalkemm fqira, tefgħet il-flus kollha, kulma kellha biex tgħix.”