Lill-Kolossin
3 Imma jekk Alla takom il-ħajja* mal-Kristu, ibqgħu fittxu dak li hemm fis-sema, fejn il-Kristu qiegħed bilqiegħda fuq il-lemin t’Alla. 2 Ibqgħu ffokati fuq dak li hemm fis-sema, u mhux fuq dak tal-art. 3 Għax intom mittu, u ħajjitkom inħbiet mal-Kristu għax dan jaqbel maʼ dak li jrid Alla. 4 Meta l-Kristu, li jagħti l-ħajja,* juri l-qawwa tiegħu,* imbagħad intom ukoll se tidhru li għandkom sehem mill-qawwa tiegħu.
5 Għalhekk, neħħu kull xewqa ħażina* li tistaʼ twassal għall-immoralità sesswali,* nuqqas taʼ ndafa, xewqa sesswali bla kontroll, xewqa ħażina, u regħba, li hi tip t’idolatrija.* 6 Alla se jkun irrabjat maʼ dawk li jagħmlu dawn l-affarijiet. 7 Intom hekk kontu tagħmlu qabel. 8 Għandkom twarrbu wkoll il-korla, ir-rabja, il-ħażen, it-tgħajjir, u l-kliem oxxen. 9 Tigdbux lil xulxin. Inżgħu l-personalità l-qadima flimkien mad-drawwiet tagħha, 10 u ilbsu l-personalità l-ġdida, li permezz tal-għarfien eżatt qed tiġġedded skont ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha. 11 Min jilbes il-personalità l-ġdida ma tagħmillux differenza jekk dak li jkun ikunx Grieg* jew Lhudi, ċirkonċiż jew le, barrani jew Skita,* ilsir jew ħieles. Għal Kristu huma l-istess u hu ħaġa waħda magħhom.
12 Minħabba li intom il-magħżulin t’Alla u intom il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu, uru* ħniena tenera, qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u paċenzja. 13 Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb, anki jekk xi ħadd ikollu għal xiex igerger kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova* ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll. 14 Imma minbarra dawn l-affarijiet kollha, uru l-imħabba, għax l-imħabba tgħaqqad lin-nies kollha flimkien.
15 Ukoll, ħallu l-paċi tal-Kristu tmexxi fi qlubkom,* għax Alla għażilkom biex tkunu ġisem wieħed u fil-paċi. U uru li tapprezzaw. 16 Ħallu t-tagħlim tal-Kristu jaħdem fikom għalkollox u jagħmilkom għorrief. Komplu għallmu u inkuraġġixxu* lil xulxin billi tkantaw is-salmi, tfaħħru lil Alla, tkantaw għanjiet spiritwali b’mod li turu li tapprezzaw, u tkantaw lil Ġeħova* fi qlubkom. 17 Kulma tgħidu jew tagħmlu, agħmluh f’isem il-Mulej Ġesù, u rringrazzjaw lill-Alla l-Missier permezz tiegħu.
18 Nisa, kunu sottomessi lejn ir-raġel tagħkom bħalma d-dixxipli tal-Mulej għandhom ikunu. 19 Irġiel, ibqgħu ħobbu lill-mara tagħkom u tirrabjawx* magħha. 20 Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax il-Mulej jieħu gost b’dan. 21 Missirijiet, iddejqux lit-tfal tagħkom, biex ma jaqtgħux qalbhom. 22 Ilsiera, obdu mill-qalb lis-sidien tagħkom* f’kollox, mhux biss meta jkunu qed jarawkom biex tingħoġbu,* imma b’rispett kbir lejn* Ġeħova.* 23 Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom* kollha bħallikieku għal Ġeħova,* u mhux għall-bnedmin. 24 Agħmlu dan għax tafu li mingħand Ġeħova* se tirċievu l-wirt bħala rigal. Kunu lsiera tas-Sid, li hu Kristu. 25 Min jagħmel il-ħażen żgur se jiġi kkastigat għal dak li jkun għamel, għax Alla ma jurix preferenzi.