It-Tieni Ittra lill-Korintin
8 Ħuti, irridukom tkunu tafu dwar il-qalb tajba kbira li Alla wera mal-kongregazzjonijiet tal-Maċedonja. 2 Huma kienu qed ibatu minħabba prova kbira. Imma minkejja l-faqar kbir tagħhom, huma ġew imqanqlin minn ferħ kbir u wrew li kienu sinjuri spiritwalment minħabba li kienu ġenerużi ħafna. 3 Huma taw kulma setgħu, saħansitra ħafna iktar milli setgħu. Jien stess xhud taʼ dan. 4 Minn jeddhom, huma baqgħu jitolbuna bil-ħniena biex ikollhom il-privileġġ li jagħtu rigal mill-qalb u li jkollhom sehem f’li jgħinu lill-qaddisin. 5 Huma għamlu iktar milli stennejna. Huma stinkaw b’qalbhom kollha biex jaqdu lill-Mulej u għenu lilna bħalma jrid Alla. 6 Għalhekk, inkuraġġejna lil Titu biex ilesti l-inkarigu li kellu fostkom, jiġifieri li jiġbor ir-rigali li intom kontu lesti li tagħtu mill-qalb. 7 Intom tispikkaw f’kollox, bħal fil-fidi, fl-abbiltà li titkellmu, fl-għarfien, fl-entużjażmu kollu tagħkom, u fl-imħabba li rċivejtu mingħandna. Bl-istess mod, jalla tispikkaw ukoll fir-rigal li tagħtu mill-qalb.
8 Mhux qed ngħidilkom hekk biex nikkmandakom, imma rridkom tkunu tafu kemm oħrajn huma lesti li jaħdmu, u wkoll ridt inkun naf kemm verament tħobbu lil ħaddieħor. 9 Intom tafu l-qalb tajba kbira tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li għalkemm kien sinjur sar fqir għalikom, biex b’hekk issiru sinjuri permezz tal-faqar tiegħu.
10 Din hi l-opinjoni tiegħi: Li tagħmlu dan il-ġbir hu taʼ benefiċċju għalikom, peress li sena ilu bdejtuh u wrejtu li tixtiequ tagħmluh. 11 Għalhekk, lestu dan il-ġbir skont kemm tistgħu bl-istess ħeġġa li kellkom meta bdejtu. 12 Alla jieħu gost b’mod speċjali b’rigal li jingħata mill-qalb, għax hu jistenna li persuna tagħti dak li tistaʼ, u mhux dak li ma tistax. 13 Mhux qed ngħid li rrid nagħmilha diffiċli għalikom u ħafifa għal oħrajn, 14 imma biex kulħadd ikun indaqs. Bħalissa ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes tagħhom, ħalli ’l quddiem iż-żejjed tagħhom ukoll jagħmel tajjeb għan-nieqes tagħkom, u b’hekk kulħadd ikun indaqs. 15 Dan hu bħalma hemm miktub fl-Iskrittura: “Min għandu ħafna, m’għandux iżżejjed, u min għandu ftit, m’għandux in-nieqes.”
16 Aħna nirringrazzjaw lil Alla li Titu jimpurtah minnkom bħalna. 17 Fil-fatt, hu mhux biss aġixxa fuq dak li għednielu, imma hu verament xtaq li jagħmel dan. Għalhekk ġej għandkom minn jeddu. 18 Imma aħna se nibagħtu miegħu wkoll lill-ħu li hu mfaħħar mill-kongregazzjonijiet kollha talli jipprietka l-aħbar tajba. 19 Mhux hekk biss, imma hu ġie inkarigat mill-kongregazzjonijiet kollha biex jivvjaġġa magħna ħalli nġibu dan ir-rigal. Aħna se nqassmuh biex jiġi mfaħħar il-Mulej u biex nuru li aħna lesti biex ngħinu. 20 B’hekk nevitaw li niġu kkritikati fuq kif qed inqassmu din il-kontribuzzjoni ġeneruża li tajtu. 21 Għax aħna ‘nieħdu ħsieb kollox bl-onestà, mhux biss quddiem Ġeħova* imma anki quddiem in-nies.’
22 Iktar minn hekk, magħhom qed nibagħtu lil ħuna li spiss rajnieh jaħdem iebes f’ħafna affarijiet, imma issa qed jaħdem ħafna iktar iebes minħabba l-fiduċja kbira li għandu fikom. 23 Imma jekk xi ħadd jistaqsi min hu Titu, għidulu li hu l-ħabib tiegħi u ħaddiem miegħi għall-interessi tagħkom. Jekk xi ħadd jistaqsi dwar l-aħwa li hemm miegħu, għidulu li huma appostli tal-kongregazzjonijiet u jfaħħru lil Kristu. 24 Għalhekk, uruhom li tħobbuhom u uru lill-kongregazzjonijiet għala ftaħarna bikom.