It-Tieni Ittra taʼ Pietru
2 Minkejja dan, kien hemm profeti foloz fost il-poplu t’Alla, kif se jkun hemm ukoll għalliema foloz fostkom. Dawn bil-moħbi se jġibu firdiet li jeqirdu l-fidi tagħkom u huma saħansitra se jgħidu li ma jafux lill-wieħed* li xtrahom. B’hekk se jiġu meqrudin mill-ewwel. 2 Iktar minn hekk, ħafna qed jimitaw il-kondotta ħażina bla mistħija* tagħhom, u minħabba fihom, oħrajn qed imaqdru t-tagħlim veru. 3 Ukoll, peress li huma rgħiba jieħdu vantaġġ minnkom bi kliem qarrieq. Imma l-ġudizzju tagħhom, li kien deċiż żmien twil ilu, mhux se jdum. Huma żgur se jinqerdu.
4 Alla żgur li ma żammx lura milli jikkastiga lill-anġli li dinbu. Hu tefagħhom f’Tartaru* u rabathom bi ktajjen* fi dlam ċappa sakemm jiġu ġġudikati. 5 Hu ma żammx lura milli jikkastiga d-dinja taʼ żmien Noè. Imma lil Noè, li kien jipprietka s-sewwa, żammu ħaj flimkien maʼ sebgħa oħra meta ġab dulluvju fuq dinja taʼ nies ħżiena. 6 Hu kkastiga l-bliet taʼ Sodoma u Gomorra billi ġabhom irmied. B’hekk ta eżempju lin-nies ħżiena taʼ x’se jiġri. 7 Imma hu salva lir-raġel ġust Lot, li kien imdejjaq ħafna minħabba l-kondotta ħażina bla mistħija* taʼ nies li jagħmlu l-ħażen. 8 Iva, dan ir-raġel ġust kuljum kien iħossu mdejjaq ħafna* minħabba l-affarijiet ħżiena li ra u semaʼ min-nies li kien joqgħod fosthom. 9 Għalhekk, Ġeħova* jaf kif isalva mill-provi lil dawk li huma leali lejh, u jaf ukoll kif iżomm il-ħżiena biex jinqerdu f’jum il-ġudizzju, 10 speċjalment lil dawk li jagħmlu s-sess m’oħrajn biex jiddiżonorawhom u li jmaqdru lill-awtorità.
Dawn l-uħud iħobbu jisfidaw u rashom iebsa. Huma ma jibżgħux imaqdru lill-uħud glorjużi,* 11 filwaqt li l-anġli, għalkemm għandhom iktar saħħa u qawwa, ma jakkużawx lil dawn l-għalliema foloz u lanqas jgħajruhom, minħabba li jirrispettaw lil Ġeħova.* 12 Imma dawn in-nies, li huma bħal annimali bla raġuni, li jaġixxu bl-istint, u twieldu biex jinqabdu u jinqatlu, imaqdru affarijiet li ma jifhmux fihom. Minħabba l-ħażen li jagħmlu, se jinqerdu, 13 iva, huma se jiġu kkastigati minħabba l-mod ħażin taʼ kif ġabu ruħhom.
Huma jieħdu pjaċir jissodisfaw ix-xewqat ħżiena tagħhom, anki fid-dawl tal-ġurnata. Dawn itebbgħu u jħammġu l-kongregazzjoni. Waqt l-ikliet kbar magħkom, jieħdu pjaċir* iqarrqu b’oħrajn b’tagħlim falz. 14 Huma jixtiequ ħafna jagħmlu adulterju* u ma jistgħux jieqfu jagħmlu d-dnub. Dawn iħajru lil dawk li huma dgħajfin fil-fidi.* Qalbhom mimlija regħba. Huma se jiġu kkastigati minn Alla. 15 Peress li telqu t-triq it-tajba, huma ġew imqarrqin. Huma għamlu bħal Balgħam bin Begħor, li għamel dak li hu ħażin u xtaq ħafna li jirċievi l-ħlas li kienu se jagħtuh. 16 Imma ġie kkoreġut talli kien qed jagħmel dak li hu ħażin. Għalkemm l-annimali ma jitkellmux, il-ħmara tal-profeta kellmitu b’leħen taʼ bniedem u pprovat twaqqfu milli jagħmel din il-ġennata.
17 Huma bħal għajn tal-ilma niexfa u bħal sħab immexxi minn maltempata qawwija, u hemm lest għalihom id-dlam ċappa. 18 Huma jgħidu affarijiet li jinstemgħu impressjonanti imma ma jiswew għal xejn. Huma jagħmlu dak li hu ħażin bla mistħija* u jġiegħlu n-nies jerġaʼ jkollhom xewqat ħżiena, billi jħajruhom jagħmlu l-affarijiet ħżiena li għadhom kif waqfu jagħmlu. 19 Dawn l-għalliema foloz iwegħduhom il-libertà, imma huma stess ilsiera tad-dnub. Għax jekk persuna tkun iddominata minn xi ħadd, hi tkun ilsira tiegħu.* 20 Jekk wara li jkunu ġew megħjunin biex jaħarbu l-prattiki ħżiena tad-dinja permezz tal-għarfien eżatt dwar il-Mulej u Dak li Jsalvana, Ġesù Kristu, imma mbagħad jerġgħu jagħmluhom, u dawn l-affarijiet jegħlbuhom, is-sitwazzjoni tagħhom tkun agħar minn kif kienet qabel ma saru jafu bit-tagħlim veru. 21 Kien ikun aħjar għalihom li kieku ma sarux jafu sew it-triq it-tajba milli wara li jsiru jafu biha telqu l-kmandament qaddis li kienu rċivew. 22 Dak li ġralhom juri li dan il-proverbju hu veru: “Il-kelb mar lura u kiel dak li qalaʼ, u l-ħanżira maħsula reġgħet marret titmiegħek fit-tajn.”