L-Aħbar Tajba Skont Luqa
21 Hekk kif Ġesù kien qed iħares lejn il-kaxxi tal-kontribuzzjonijiet, hu nnota lis-sinjuri jitfgħu l-kontribuzzjoni tagħhom. 2 Imbagħad innota armla fqira titfaʼ żewġ muniti żgħar taʼ ftit valur,* 3 u qal: “Naċċertakom li din l-armla fqira tefgħet iktar flus mill-oħrajn kollha. 4 Għax huma tefgħu miż-żejjed li għandhom, imma hi tefgħet kulma kellha biex tgħix avolja fqira.”
5 Iktar tard, meta xi wħud kienu qed jitkellmu dwar it-tempju u dwar kif inhu mżejjen b’ġebel sabiħ u b’affarijiet iddedikati lil Alla, 6 hu qal: “Se jiġi żmien meta dawn l-affarijiet kollha li qed taraw se jitwaqqgħu u ma tibqax ġebla fuq oħra.” 7 Imbagħad staqsewh: “Għalliem, meta se jiġru dawn l-affarijiet, u x’se jkun is-sinjal li juri li dalwaqt se jiġru?” 8 Hu qal: “Oqogħdu attenti li ma tiġux imqarrqin, għax ħafna se jiġu u jużaw ismi u jgħidu, ‘Jien il-Kristu,’ u, ‘Iż-żmien hu qrib.’ Tmorrux warajhom. 9 Iktar minn hekk, meta tisimgħu bi gwerer u diffikultajiet,* tibżgħux. Għax l-ewwel iridu jiġru dawn l-affarijiet, imma t-tmiem mhux se jiġi mill-ewwel.”
10 Imbagħad qalilhom: “Se jkun hemm il-ġlied bejn poplu u ieħor u bejn pajjiż u ieħor. 11 Se jkun hemm terremoti kbar, u f’post wara l-ieħor ikun hemm nuqqas taʼ ikel u mard li jittieħed. In-nies se jaraw affarijiet tal-biżaʼ u sinjali kbar mis-sema.
12 “Imma qabel ma jiġri dan kollu, in-nies se jarrestawkom u jippersegwitawkom, billi jiħdukom fis-sinagogi biex tiġu ġġudikati u jitfgħukom il-ħabs. Minħabba ismi, se jiħdukom quddiem ir-rejiet u l-mexxejja. 13 Permezz t’hekk intom tagħtu xhieda lill-oħrajn. 14 Għalhekk, kunu determinati li ma toqogħdux tipprattikaw minn qabel x’se tgħidu biex tiddefendu lilkom infuskom, 15 għax jien se nagħtikom l-għerf u ngħinkom tkunu tafu xi tridu tgħidu. B’hekk dawk li jiħduha kontrikom ma jkunux kapaċi jwiġbukom. 16 Iktar minn hekk, saħansitra l-ġenituri tagħkom, ħutkom, il-qraba, u l-ħbieb tagħkom se jtellgħukom il-qorti,* u lil xi wħud minnkom se joqtlukom. 17 Ukoll, in-nies kollha se jobogħdukom minħabba ismi. 18 Imma lanqas xagħra minn tagħkom mhu se tintilef. 19 Jekk tissaportu sal-aħħar issalvaw ħajjitkom.*
20 “Madankollu, meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bl-armati kkampjati, tkunu tafu li dalwaqt tinqered. 21 Imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija għandhom jaħarbu lejn il-muntanji, dawk li jkunu f’nofsha għandhom jitilqu, u dawk li jkunu fil-kampanja m’għandhomx jidħlu fiha, 22 għax f’dawn il-ġranet Alla se jiġġudika lin-nies,* ħalli jsir kulma hemm miktub. 23 Ħa jkun żmien ikrah għan-nisa tqal u għal dawk li jkunu qed jieħdu ħsieb xi tarbija. Għax se jkun hemm inkwiet kbir f’din l-art u dan il-poplu se jiġi kkastigat. 24 Huma se jinqatlu bix-xabla u jittieħdu bħala lsiera għand il-popli kollha; u l-popli* se jirfsu fuq Ġerusalemm sakemm iż-żmien tal-popli* jgħaddi.
25 “Ukoll, se jkun hemm sinjali fix-xemx, il-qamar, u l-istilel. Il-popli tal-art se jgħaddu minn tbatija kbira, għax ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħoss qawwi tal-baħar imqalleb. 26 In-nies se jagħtihom ħass ħażin bil-biżaʼ u bl-ansjetà minħabba dak li se jiġri fuq l-art, għax l-affarijiet li hemm fis-sema se jitheżżu. 27 Imbagħad in-nies se jaraw lili, Bin il-bniedem, ġej fi sħaba b’qawwa u glorja kbira. 28 Imma xħin jibdew jiġru dawn l-affarijiet, kunu sodi u kuraġġużi,* għax dan ifisser li dalwaqt se tiġu meħlusin.”
29 Imbagħad ġabilhom dan l-eżempju: “Innotaw is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħrajn kollha. 30 Meta taraw li qed jarmu, tkunu tafu li dalwaqt is-sajf. 31 Bl-istess mod, meta taraw dawn l-affarijiet jiġru, kunu afu li s-Saltna t’Alla* hi qrib. 32 Naċċertakom li dawn l-affarijiet kollha se jiġru qabel ma tmut din il-ġenerazzjoni. 33 Is-sema u l-art se jispiċċaw, imma dak li ngħid jien se jibqaʼ għal dejjem.
34 “Oqogħdu attenti li ma tkunux moħħkom f’li tieklu u tixorbu żżejjed u tkunux ansjużi żżejjed dwar l-affarijiet tal-ħajja, għax inkella dak il-jum jiġi f’daqqa u bla ma tkunu qed tistennewh, 35 bħal meta annimal jinqabad f’nassa. Jien qed ngħidilkom hekk, għax dan il-jum se jeffettwa lil dawk kollha li jgħixu fuq l-art. 36 Għalhekk, ibqgħu għassa u itolbu bil-ħniena l-ħin kollu ħalli jirnexxilkom taħarbu minn dawn l-affarijiet kollha li se jiġru u toqogħdu quddiemi, Bin il-bniedem.”
37 Matul il-ġurnata hu kien jgħallem fit-tempju, imma kien iqattaʼ l-lejl fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ. 38 U kmieni filgħodu, in-nies kollha kienu jmorru biex jisimgħuh fit-tempju.