Lill-Galatin
1 Jien, Pawlu, ġejt inkarigat appostlu mhux mill-bnedmin jew permezz taʼ xi bniedem, imma permezz taʼ Ġesù Kristu u Alla l-Missier, li qajmu mill-mewt. 2 Jien u l-aħwa kollha li hawn miegħi nsellu għall-kongregazzjonijiet tal-Galazja:
3 Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi. 4 Hu ta ħajtu biex jinħafrulna dnubietna. B’hekk, ikun jistaʼ jsalvana minn din id-dinja* mill-agħar fi qbil maʼ dak li jrid l-Alla tagħna u Missierna, 5 li lilu għandha tingħata l-glorja għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.
6 Jien nistagħġeb li intom kontu lesti daqshekk malajr li titilqu lill-Alla* li għażilkom permezz tal-qalb tajba kbira taʼ Kristu, biex taċċettaw messaġġ ieħor bħallikieku kien l-aħbar tajba. 7 M’hemmx aħbar tajba oħra. Imma hemm xi wħud li qed jaqilgħulkom l-inkwiet u jridu jgħawġu l-verità tal-aħbar tajba dwar il-Kristu. 8 Madankollu, anki jekk aħna jew xi anġlu mis-sema kellu jxandrilkom aħbar tajba li hi differenti minn dak li xandarnielkom, ħa jkun misħut. 9 Ħa nerġaʼ ngħidilkom dak li għedtilkom, Kull min ixandrilkom aħbar tajba differenti minn dik li aċċettajtu, ħa jkun misħut.
10 Qiegħed jien nipprova nogħġob lill-bnedmin jew lil Alla? Kieku għadni nipprova nogħġob lill-bnedmin, m’iniex ilsir taʼ Kristu. 11 Aħwa, nixtieqkom tkunu tafu li l-aħbar tajba li xandartilkom mhix ġejja min-nies; 12 għax la rċivejtha mingħandhom u lanqas għallmuhieli, imma kien Ġesù Kristu li tahieli.
13 Naturalment, intom smajtu dwar kif kont inġib ruħi qabel fil-Ġudaiżmu, li kont nippersegwita bl-aħrax lill-kongregazzjoni t’Alla u nħarbatha. 14 Jien kont qed nagħmel ħafna iktar progress fil-Ġudaiżmu minn ħafna Lhud tampari, għax kont bil-wisq iktar żeluż minnhom għat-tradizzjonijiet taʼ missirijieti. 15 Imma Alla ppermettieli li nitwieled u għażilni permezz tal-qalb tajba kbira tiegħu. Hu kien kuntent 16 jużani biex inxandar l-aħbar tajba dwaru lin-nies taʼ popli oħra, ħalli huma jsiru jafu lil Ibnu. Meta għażilni biex nagħmel dan, jien ma tlabt il-parir taʼ ħadd.* 17 U lanqas tlajt Ġerusalemm biex nieħu parir mingħand dawk li kienu appostli qabli, imma mort l-Arabja u mbagħad mort lura Damasku.
18 Kien tliet snin wara li tlajt Ġerusalemm biex nara lil Kefa,* u bqajt miegħu 15-il ġurnata. 19 Imma ma rajt lil ħadd mill-appostli l-oħra, ħlief lil Ġakbu ħu l-Mulej. 20 Issa dwar l-affarijiet li qed niktbilkom, naħilfilkom quddiem Alla li m’iniex nigdeb.
21 Wara dan mort fir-reġjuni tas-Sirja u ċ-Ċiliċja. 22 Imma d-dixxipli taʼ Kristu fil-kongregazzjonijiet tal-Lhudija ma kinux jafuni personalment. 23 Huma kienu semgħu dwari: “Ir-raġel li qabel kien jippersegwitana u li kien iħarbat il-kongregazzjonijiet,* issa qed ixandar l-aħbar tajba.” 24 Għalhekk, bdew ifaħħru lil Alla minħabba dak li ġrali.