L-Ewwel Ittra lill-Korintin
16 Issa dwar il-ġbir għall-qaddisin, għandkom timxu mad-direzzjoni li tajt lill-kongregazzjonijiet tal-Galazja. 2 Fl-ewwel ġurnata taʼ kull ġimgħa, kull wieħed minnkom għandu jwarrab xi ħaġa skont kemm jaffordja. B’hekk, il-ġbir ma jsirx meta niġi jien. 3 Meta niġi, nibgħat lill-irġiel li ssuġġerejtu fl-ittri tagħkom biex jieħdu r-rigal ġeneruż tagħkom Ġerusalemm. 4 Imma jekk ikun jaqbel li mmur jien ukoll, immorru hemm flimkien.
5 Jien se niġi ħdejkom wara li nkun għaddejt mill-Maċedonja, għax beħsiebni ngħaddi minn hemm. 6 Jistaʼ jkun li noqgħod ftit magħkom, forsi saħansitra x-xitwa kollha. Imbagħad tkunu tistgħu tiġu miegħi biċċa mit-triq għal fejn inkun sejjer. 7 Ma rridx narakom biss jien u għaddej. Qed nittama li nqattaʼ xi żmien magħkom, jekk Ġeħova* jrid. 8 Imma jien se nibqaʼ Efesu sal-Festa taʼ Pentekoste, 9 għax ingħatatli opportunità kbira* biex nagħmel iktar fix-xogħol tal-Mulej. Però hemm ħafna li jopponu.
10 Jekk jasal Timotju, ilqgħuh u kkoperaw miegħu ħalli ma jkollux dwar xiex jinkwieta waqt li jkun magħkom. Hu qed jaħdem għal Ġeħova* bħali. 11 Tħallu lil ħadd imaqdru. Morru miegħu biċċa mit-triq fil-paċi,* ħalli jiġi għandi. Jien qed nistennieh flimkien mal-aħwa l-oħra.
12 Jien ħeġġiġt ħafna lil ħuna Apollo biex jiġi għandkom mal-aħwa l-oħra. Hu ma kienx beħsiebu jiġi issa, imma meta jkollu l-opportunità se jiġi.
13 Ibqgħu attenti, żommu l-fidi tagħkom soda, kunu kuraġġużi* u sodi. 14 Agħmlu kollox bl-imħabba.
15 Ħuti, intom tafu li dawk mid-dar taʼ Stefanas kienu l-ewwel li bdew jemmnu* fl-Akaja u huma dejjem lesti biex jaqdu lill-qaddisin. 16 Inħeġġiġkom biex tkomplu tikkooperaw maʼ nies bħal dawn u maʼ dawk kollha li qed jaħdmu iebes u jaqdu flimkien magħhom. 17 Jien ferħan li Stefanas, Fortunatu, u Akajku qegħdin miegħi. Huma għenuni ħafna meta intom ma kontux hawn. 18 Huma inkuraġġew ħafna lili u lilkom.* Għalhekk, uru l-apprezzament tagħkom għal nies bħal dawn.
19 Il-kongregazzjonijiet tal-Asja sellew għalikom. Akwila u Priska u l-kongregazzjoni li tiltaqaʼ fid-dar tagħhom isellu għalikom mill-qalb bħala dixxipli tal-Mulej. 20 L-aħwa kollha jsellu għalikom. Ilqgħu lil xulxin bi mħabba.*
21 Jien, Pawlu, nibgħat inselli għalikom billi qed niktbilkom jien stess.
22 Jekk xi ħadd ma jħobbx lill-Mulej, ħa jkun misħut. Ejja Mulej, jekk jogħġbok! 23 Jalla l-Mulej Ġesù jurikom qalb tajba kbira. 24 Nixtieq nibgħat l-imħabba tiegħi lilkom kollha li intom dixxipli taʼ Kristu Ġesù.