Għoti li Jġib il-Ferħ
GENIVAL, li jgħix f’belt fqira fil-grigal tal-Brażil, kien imantni lil martu u lil uliedu bil-paga miżera li kien jaqlaʼ bħala gwardjan fi sptar. Minkejja din it-tbatija, Genival kien iħallas id-dieċmi b’mod kuxjenzjuż. “Xi drabi l-familja tiegħi kienet torqod bil-ġuħ,” jiftakar hu waqt li beda jogħrok l-istonku, “imma jien ridt nagħti l-aħjar li stajt lil Alla, kien x’kien is-sagrifiċċju li kelli nagħmel.”
Wara li safa bla xogħol, Genival baqaʼ jħallas id-dieċmi. Il-qassis ħeġġu biex iġarrab lil Alla billi jagħti donazzjoni kbira. Il-qassis iggarantielu li Alla żgur kien se jbierku. Għalhekk, Genival iddeċieda li jbigħ id-dar u jagħti l-flus kollha lill-knisja.
Genival m’huwiex l-uniku wieħed li jagħti b’tant sinċerità. Ħafna nies li huma verament foqra jħossu li hu d-dmir tagħhom li jagħtu d-dieċmi għaliex qed jiġu mgħallmin mill-knejjes tagħhom li l-Bibbja hekk tgħid. Huwa dan minnu?
Id-Dieċmi u l-Liġi
Il-kmandament biex jitħallsu d-dieċmi kien parti mil-Liġi li Alla Jehovah ta lit-12-il tribù taʼ Iżrael tal-qedem iktar minn 3,500 sena ilu. Dik il-Liġi kienet titlob li l-għexur taʼ l-uċuħ tar-rabaʼ u tas-siġar tal-frott u l-għexur miż-żjieda fil-merħliet jingħataw lit-tribù taʼ Levi bħala appoġġ għas-servizz tagħhom fit-tabernaklu.—Levitiku 27:30, 32; Numri 18:21, 24.
Jehovah aċċerta lill-Iżraelin li l-Liġi ‘ma kellhiex tkun tqila għalihom.’ (Dewteronomju 30:11) Dment li huma kienu josservaw fedelment il-kmandamenti taʼ Jehovah, inkluż id-dieċmi, huma kellhom il-wegħda tiegħu li jkollhom ħsad abbundanti. Dieċma oħra fis-sena kienet titwarrab għal dak li setaʼ jinqalaʼ u normalment din kienet tintuża meta l-ġens kien jiltaqaʼ għall-festi reliġjużi. B’hekk ‘il-barrani, l-iltim u l-armla’ setgħu jieklu sakemm jixbgħu.—Dewteronomju 14:28, 29; 28:1, 2, 11-14.
Il-Liġi ma speċifikatx piena għal min kien jonqos li jħallas id-dieċmi, imma kull wieħed mill-Iżraelin kien taħt obbligu morali kbir li jappoġġa l-qima vera b’dan il-mod. Fil-fatt, Jehovah akkuża lill-Iżraelin li ttraskuraw id-dieċmi fi żmien Malakija li ‘kienu qed jisirquh fid-dieċmi u fl-offerti.’ (Malakija 3:8) Tistaʼ din l-akkuża tapplika għall-Kristjani li ma jħallsux id-dieċmi?
Sewwa, ikkunsidra dan. Il-liġijiet taʼ pajjiż normalment ma jkunux validi barra l-pajjiż. Per eżempju, il-liġi li tobbliga lis-sewwieqa fil-Britannja biex isuqu fuq ix-xellug ma tapplikax għas-sewwieqa ġo Franza. Bl-istess mod, il-liġi li kienet tirrikjedi d-dieċmi kienet parti minn patt esklużiv bejn Alla u l-ġens taʼ Iżrael. (Eżodu 19:3-8; Salm 147:19, 20) L-Iżraelin biss kienu marbutin b’dik il-liġi.
Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li Alla ma jinbidel qatt, xi kultant dak li jirrikjedi jinbidel. (Malakija 3:6) Il-Bibbja tgħid b’mod ċar li l-mewt taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju fis-sena 33 E.K. ‘ħassret’ jew qerdet il-Liġi u magħha l-“Liġi li jieħdu l-għexur.”—Kolossin 2:13, 14; Efesin 2:13-15; Lhud 7:5, 18.
L-Għoti Kristjan
Madankollu, xorta kien għad hemm bżonn taʼ kontribuzzjonijiet biex jappoġġaw il-qima vera. Ġesù kien inkariga lid-dixxipli tiegħu biex ‘ikunu xhieda sa truf l-art.’ (Atti 1:8) Hekk kif l-għadd taʼ dawk li bdew jemmnu beda jikber, hekk ukoll kiber il-bżonn għal għalliema u indokraturi Kristjani biex iżuru u jsaħħu lill-kongregazzjonijiet. Kultant kien ikun hemm bżonn li jieħdu ħsieb lin-nisa romol, l-iltiema, u xi wħud oħra li kienu jkunu fil-bżonn. Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kif kienu jlaħħqu maʼ l-ispejjeż li kien hemm?
Għall-ħabta tas-sena 55 E.K., sar appell lill-Ġentili li kienu saru Kristjani fl-Ewropa u fl-Asja Minuri għan-nom tal-kongregazzjoni fil-Lhudija li kienet ftaqret. Fl-ittri tiegħu lill-kongregazzjoni f’Korintu, l-appostlu Pawlu jiddeskrivi kif ġiet organizzata din “il-ġabra għall-qaddisin.” (1 Korintin 16:1) Forsi tibqaʼ miblugħ kemm għandu x’jirrivela l-kliem taʼ Pawlu dwar l-għoti Kristjan.
L-appostlu Pawlu ma qagħadx juża ħafna kliem biex jipperswadi lill-aduraturi sħabu biex jagħtu xi ħaġa. Fil-fatt, il-Kristjani fil-Maċedonja, li kienu għaddejjin minn “sofferenza” u “faqar bla tarf,” kellhom ‘jitolbuh b’ħeġġa kbira din il-grazzja, jiġifieri, li jissieħbu f’dan il-ministeru taʼ għajnuna lill-qaddisin.’—2 Korintin 8:1-4.
Huwa minnu li Pawlu inkuraġġixxa lill-Korintin li kienu tat-tajjeb biex jimitaw lil ħuthom fil-Maċedonja li tant kienu ġenerużi. Minkejja dan, xogħol taʼ referenza josserva li hu ‘żamm lura milli joħroġ xi direttivi imma minflok ipprefera jitlob, jissuġġerixxi, jinkuraġġixxi, jew jappella. Kieku qagħad jisforzahom lill-Korintin, huma ma kinux se jagħtu minn rajhom u bl-imħabba.’ Pawlu kien jaf li “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ,” u mhux lil min jagħti ‘fuq qalbu jew bilfors.’—2 Korintin 9:7.
Fidi kbira u għarfien flimkien maʼ mħabba ġenwina għal sħabhom Kristjani kienu se jqanqlu lill-Korintin biex jagħtu minn rajhom.—2 Korintin 8:7, 8.
“Skond Ma Jidhirlu Hu minn Rajh”
Minflok ma ta xi ammont jew persentaġġ speċifiku, Pawlu sempliċement issuġġerixxa li ‘kull wieħed . . . , kull l-ewwel tal-ġimgħa, iwarrab xi ħaġa u jfaddalha skond ma jistaʼ.’ (1 Korintin 16:2, korsiv tagħna.) Peress li kienu jippjanaw u jwarrbu ċertu ammont fuq bażi regulari, il-Korintin, meta jasal Pawlu, ma kinux se jħossuhom imġagħlin jagħtu fuq qalbhom jew skond kif iħossuhom dak il-ħin. Id-deċiżjoni taʼ kemm kellu jagħti kull Kristjan kellha tkun deċiżjoni privata, “skond ma jidhirlu hu minn rajh.”—2 Korintin 9:5, 7.
Sabiex setgħu jaħsdu bl-abbundanza, il-Korintin kellhom jiżirgħu bl-abbundanza. L-ebda suġġeriment dwar li wieħed jagħti iktar milli jiflaħ ma sar. ‘Biex il-piż . . . ma jaqax kollu fuqkom,’ assigurahom Pawlu. Il-kontribuzzjonijiet kienu ‘jingħoġbu [aċċettabbli, NW] skond ma għandu dak li jkun, u mhux skond li ma għandux.’ (2 Korintin 8:12, 13; 9:6) F’ittra li kiteb iktar tard, l-appostlu wissa: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb . . . dawk tal-familja tiegħu, dan ċaħad il-fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Pawlu ma inkuraġġiex it-tip taʼ għoti li kien imur kontra dan il-prinċipju.
Huwa sinifikanti li Pawlu ra li ssir “ġabra għall-qaddisin” li kienu fil-bżonn. Fl-Iskrittura ma nsibux li Pawlu jew xi appostli oħra organizzaw ġbir jew irċivew xi dieċmi biex jiffinanzjaw il-ministeru tagħhom stess. (Atti 3:6) Għalkemm Pawlu kien dejjem grat għall-għotjiet li kienu jibagħtulu l-kongregazzjonijiet, hu b’mod kuxjenzjuż kien jevita li ma jitfax tagħbija fuq ħutu.—1 Tessalonikin 2:9; Filippin 4:15-18.
L-Għoti Volontarju Llum
Jidher ċar li matul l-ewwel seklu s-segwaċi taʼ Kristu kienu jagħtu għotjiet volontarji, u mhux id-dieċmi. Madankollu, forsi titħasseb dwar jekk id-dieċmi għadhomx l-aħjar mod kif jistaʼ jiġi finanzjat ix-xogħol taʼ l-ippridkar u kif tingħata l-għajnuna lill-Kristjani fil-bżonn.
Ikkunsidra dan li ġej. Fl-1879 l-edituri taʼ din ir-rivista stqarrew bil-miftuħ li huma qatt ma kienu se “jitolbu jew jagħmlu petizzjoni lil xi bnedmin għall-appoġġ.” Kienet din id-deċiżjoni taʼ tfixkil għall-isforzi tax-Xhieda taʼ Jehovah biex ixerrdu l-verità tal-Bibbja?
Bħalissa, ix-Xhieda taʼ Jehovah iqassmu Bibbji, kotba Kristjani, u pubblikazzjonijiet oħra f’235 pajjiż. It-Torri taʼ l-Għassa, rivista t’edukazzjoni Biblika, fil-bidu kellha distribuzzjoni taʼ 6,000 kopja kull xahar b’lingwa waħda. Minn dak in-nhar ’l hawn, din bdiet toħroġ kull ħmistax u bdew jiġu stampati iktar minn 24,000,000 kopja f’146 lingwa. Biex jorganizzaw ix-xogħol edukattiv tagħhom tal-Bibbja madwar id-dinja, ix-Xhieda bnew jew kisbu ċentri għall-amministrazzjoni f’110 pajjiżi. Iżjed minn hekk, bnew eluf taʼ postijiet lokali għal-laqgħat kif ukoll swali kbar għall-assembleat biex ikunu jistgħu jilqgħu fihom lil uħud li jkunu interessati li jirċievu iktar tagħlim mill-Bibbja.
Filwaqt li l-prijorità tagħhom hija li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tan-nies, ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jittraskurawx il-bżonnijiet materjali taʼ l-aduraturi sħabhom. Meta ħuthom iħabbtu wiċċhom maʼ l-effetti tal-gwerer, terremoti, nuqqas taʼ xita, u maltempati, huma jkunu pronti biex jipprovdu l-għajnuna medika, l-ikel, il-ħwejjeġ, u affarijiet essenzjali oħra. Dawn jiġu finanzjati permezz tad-donazzjonijiet mogħtija minn Kristjani individwali u mill-kongregazzjonijiet.
Minbarra li huma effettivi, il-kontribuzzjonijiet volontarji jserrħu xi ftit mill-piż taʼ dawk li jkunu foqra bħal Genival, li ssemma qabel. B’xorti tajba, qabel ma Genival biegħ id-dar tiegħu, żaritu Maria, waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah li kienet ministru full-time. “Dik il-konversazzjoni salvat lill-familja tiegħi minn ħafna tbatija bla bżonn,” jiftakar Genival.
Genival skopra li x-xogħol tal-Mulej ma kienx jiddependi mid-dieċmi. Fil-fatt, il-ħlas tad-dieċmi m’għadux ħtieġa Skritturali. Hu tgħallem li l-Kristjani jitbierku meta jagħtu b’ġenerożità, però m’humiex obbligati li jagħtu iktar milli jifilħu.
Il-fatt li Genival kien jagħti b’mod volontarju regolarment ġablu ferħ veru. Hu jesprimi ruħu b’dan il-mod: “Kemm jekk nagħti 10 fil-mija u kemm jekk le, jien inħossni kuntent b’dak li nagħti, u jien ċert li Jehovah hu kuntent ukoll.”
[Kaxxa/Stampi f’paġna 6]
Kienu l-Missirijiet Bikrin tal-Knisja Jgħallmu dwar id-Dieċmi?
“Min hu sinjur fostna jgħin lil min hu fil-bżonn . . . Dawk li huma tat-tajjeb, u disposti, jagħtu dak li jaħsbu li hu xieraq.”—The First Apology, Ġustinu Martri, ċ. 150 E.K.
“Il-Lhud tabilħaqq kellhom id-dieċmi tal-prodotti tagħhom konsagrati Lilu, imma dawk li rċivew il-ħelsien [il-Kristjani] warrbu dak kollu li kienu jippossiedu għall-iskopijiet tal-Mulej, . . . bħalma aġixxiet dik l-armla fqira li tefgħet l-għajxien kollu tagħha fit-teżor t’Alla.”—Against Heresies, Irenew, ċ. 180 E.K.
“Għalkemm aħna għandna l-kaxxa tat-teżor tagħna, din mhix magħmula minn flus tax-xiri, bħal taʼ xi reliġjon li għandha prezz. Fil-jum tax-xahar, jekk irid, kull wieħed jitfaʼ donazzjoni żgħira; imma biss jekk jogħġbu, u biss jekk jistaʼ: għax ma jsir xejn bilfors; kollox hu volontarju.”—Apology, Tertuljanu, ċ. 197 E.K.
“Hekk kif il-knisja kompliet tikber u ħarġu diversi istituzzjonijiet, sar neċessarju li jsiru liġijiet li jassiguraw l-appoġġ xieraq u permanenti tal-kleru. Il-ħlas tad-dieċmi ġie adottat mil-Liġi l-Qadima . . . L-iktar leġislazzjoni pożittiva bikrija dwar is-suġġett tidher li tinsab fl-ittra taʼ l-isqfijiet li ltaqgħu f’Tours fis-sena 567 u l-[kanoni] tal-Konċilju taʼ Macon fis-sena 585.”—The Catholic Encyclopedia.
[Sors]
Munita, xellug fuq: Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampa f’paġna 5]
Għoti volontarju jġib il-ferħ
[Stampi f’paġna 7]
Kontribuzzjonijiet volontarji jiffinanzjaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar, l-għajnuna li tingħata f’emerġenza, u l-bini taʼ swali għal-laqgħat