Ġeremija
17 “Id-dnub taʼ Ġuda hu miktub b’pinna tal-ħadid.
Hu mnaqqax b’ponta taʼ djamant fuq qalbhom
U fuq il-qrun tal-artali tagħhom,
2 Filwaqt li t-tfal tagħhom jiftakru fl-artali u l-arbli sagri*
Ħdejn siġar b’saħħithom u fuq għoljiet,
3 U fuq il-muntanji fil-kampanja.
Ir-riżorsi u l-ġid kollu li għandek se nagħtihom lill-għedewwa tiegħek.
Iva, l-affarijiet li hemm fil-postijiet għoljin tiegħek minħabba d-dnub fit-territorji kollha tiegħek.
4 Għax trid, int se titlaq il-wirt li tajtek.
U jien se nġiegħlek taqdi lill-għedewwa tiegħek f’art li ma tafx biha,
Għax int kebbist ir-rabja tiegħi bħan-nar.*
Dan se jaqbad għal dejjem.”
5 Hekk jgħid Ġeħova:
“Misħut il-bniedem* li jafda f’sempliċi bnedmin,
Li jistrieħ fuq il-qawwa tan-nies,
U li jitlaq lili, Ġeħova.
6 Hu se jsir bħal siġra waħedha fid-deżert.
Hu mhux se jgawdi affarijiet tajbin,
Imma se jgħix f’postijiet xotti fix-xagħri,
F’art mielħa fejn ma jistaʼ jgħix ħadd.
8 Hu se jsir bħal siġra mħawla ħdejn l-ilmijiet,
Li l-għeruq tagħha jaslu sax-xmara.
Hu mhux se jħoss is-sħana tax-xemx taħraq,
Imma l-weraq tiegħu se jibqaʼ jħaddar.
Fis-sena tan-nixfa, mhux se jkun ansjuż
U se jibqaʼ jagħmel il-frott.
Min jistaʼ jifhimha?
10 Jien, Ġeħova, qed infittex fil-qalb,
Neżamina l-ħsibijiet,*
U nagħti lil kull wieħed skont kif jaġixxi
U skont dak li jagħmel.
11 Bħal għasfur salvaġġ* li jiġbor dak li ma jkunx bied hu,
Hekk hu min jakkwista l-ġid b’mod diżonest.
Fl-aqwa taʼ ħajtu, hu se jitilfu,
U fl-aħħar taʼ ħajtu, se juri li hu bla sens.”
12 Il-post tas-santwarju tagħna
Hu t-tron glorjuż li kien fl-għoli mill-bidu.
13 Ġeħova, int it-tama t’Iżrael.
Dawk kollha li jitilquk se jkollhom jistħu.
Dawk li jħalluk* biex isiru apostati qishom se jiġu miktubin fit-trab,
Għax huma telqu lilek, Ġeħova, il-wieħed li tagħti l-ilma tal-ħajja.
14 Ġeħova, fejjaqni, u jien infiq.
Salvani, u jien insalva,
Għax jien lilek infaħħar.
15 In-nies qed jgħiduli:
“Għala dak li qal Ġeħova għadu ma twettaqx?
Ħa jiġri issa.”
16 Imma jien bqajt nimxi warajk bħala ragħaj,
U ma xtaqtx li jiġi l-jum tad-diżastru.
Int taf sew kulma għedt;
Dan kollu ġara quddiemek.
17 Tħallinix inkun imwerwer billi titlaqni.
Int ir-refuġju tiegħi f’jum id-diżastru.
18 Ħa jkollhom jistħu dawk li jippersegwitawni,
Imma lili tħallinix nistħi.
Ħa jkollhom jitwerwru,
Imma lili tħallinix nitwerwer.
Ġib fuqhom il-jum tad-diżastru,
U farrakhom u eqridhom għalkollox.
19 Ġeħova qalli: “Mur u oqgħod fil-bieb tal-poplu li minnu jidħlu u joħorġu r-rejiet taʼ Ġuda, u fil-bibien kollha taʼ Ġerusalemm. 20 Għandek tgħidilhom, ‘Isimgħu dak li jgħid Ġeħova, rejiet taʼ Ġuda, nies kollha taʼ Ġuda, u intom kollha li toqogħdu Ġerusalemm, li tidħlu minn dawn il-bibien. 21 Hekk jgħid Ġeħova: “Araw li ma ġġorru l-ebda tagħbija f’jum is-Sabat jew tidħlu biha mill-bibien taʼ Ġerusalemm. 22 M’għandkomx toħorġu b’xi tagħbija mid-dar tagħkom f’jum is-Sabat u m’għandkom tagħmlu l-ebda tip taʼ xogħol. Żommu s-Sabat qaddis, bħalma kkmandajt lil missirijietkom. 23 Imma huma la semgħu u lanqas taw kas,* u b’ras iebsa ma ridux jobdu jew jaċċettaw id-dixxiplina.”’
24 “‘Ġeħova jgħid, “Imma jekk tobduni f’kollox u ma ddaħħlu l-ebda tagħbija mill-bibien taʼ din il-belt f’jum is-Sabat u żżommu s-Sabat qaddis billi ma tagħmlu l-ebda xogħol, 25 imbagħad ir-rejiet u l-prinċpijiet li jpoġġu fuq it-tron taʼ David ukoll se jidħlu minn dawn il-bibien tal-belt rekbin fuq karru u żwiemel, huma, il-prinċpijiet tagħhom, in-nies taʼ Ġuda, u dawk li joqogħdu Ġerusalemm. U f’din il-belt dejjem ikun hemm nies jgħixu fiha. 26 U n-nies se jiġu fid-dar taʼ Ġeħova mill-bliet taʼ Ġuda, mill-postijiet taʼ madwar Ġerusalemm, mill-art taʼ Benjamin, mill-għoljiet, mir-reġjun muntanjuż, u min-Negeb.* Huma se jġibu offerti sħaħ tal-ħruq, sagrifiċċji, offerti taċ-ċereali,* inċens abjad, u sagrifiċċji taʼ ringrazzjament.
27 “‘“Imma jekk ma tobdunix billi ma żżommux is-Sabat qaddis u ġġorru tagħbijiet u ddaħħluhom mill-bibien taʼ Ġerusalemm f’jum is-Sabat, jien se naħraq il-bibien tagħha bin-nar, u dan se jaħraq u jġib fix-xejn it-torrijiet iffortifikati taʼ Ġerusalemm u mhux se jintefa.”’”