Ħares lil Qalbek
“Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja l-ħajja.”—PROVERBJI 4:23.
1, 2. Għala għandna bżonn inħarsu ’l qalbna?
RAĠEL xiħ fuq gżira fil-Karibew ħareġ minn fejn kien qed jistkenn waqt uragan. Hekk kif ta daqqa t’għajn madwaru u ra l-ħsara li kienet saret, innota li s-siġra enormi li kienet ilha għaxriet taʼ snin ħdejn il-bieb taʼ barra tiegħu ma kinitx għadha hemm. ‘Kif jistaʼ jkun,’ ħaseb bejnu u bejn ruħu, ‘anki s-siġar iżgħar minnha li hawn fil-viċin baqgħu sħaħ!’ Titwila lejn dak li kien għad fadal miz-zokk tas-siġra tatu t-tweġiba. Dik is-siġra li tant kienet tidher b’saħħitha kienet tmermret minn ġewwa, u l-maltempata sempliċement kienet kixfet dan it-taħsir.
2 Xi traġedja tkun meta adoratur veru li tant ikun jidher li hu sod fil-mod taʼ ħajja Kristjan iċedi għal xi prova tal-fidi! Bir-raġun kollu, il-Bibbja tgħid li “qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu.” (Ġenesi 8:21) Dan ifisser li mingħajr għassa kontinwa, anki l-iktar qlub tajbin jistgħu jiġu mħajrin jagħmlu dak li hu ħażin. Ladarba l-ebda qalb umana imperfetta m’hi meħlusa kompletament mit-taħsir morali, għandna bżonn niħduh bis-serjetà l-parir: “Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha.” (Proverbji 4:23) Għalhekk, kif nistgħu nħarsuha l-qalb figurattiva tagħna?
Eżami Regulari Huwa Essenzjali
3 Jekk tmur għand tabib biex tagħmel vista ġenerali, x’aktarx li dan se jeżaminalek qalbek. Qiegħda s-saħħa ġenerali tiegħek, inkluż qalbek, turi li qed tieħu biżżejjed sustanzi? Kif inhi l-pressjoni tad-demm? Qalbek tħabbat tajjeb? Qiegħed int tagħmel biżżejjed eżerċizzju? Hija qalbek għaddejja minn ħafna stress żejjed?
4 Jekk il-qalb letterali għandha bżonn tiġi eżaminata regolarment, xi ngħidu għall-qalb figurattiva tiegħek? Jehovah jeżaminaha. (1 Kronaki 29:17) U hekk għandna nagħmlu aħna. Kif? Billi nagħmlu mistoqsijiet bħal: Qalbi qed tieħu biżżejjed ikel spiritwali permezz taʼ studju persunali regulari u attendenza għal-laqgħat? (Salm 1:1, 2; Lhud 10:24, 25) Hu l-messaġġ taʼ Jehovah għal qalbi bħal “nar jaqbad, magħluq f’għadmi,” li jqanqalni biex nieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar dwar is-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli? (Ġeremija 20:9; Mattew 28:19, 20; Rumani 1:15, 16) Inħossni mqanqal biex nistinka iżjed u nieħu sehem f’xi aspett tal-ministeru full-time meta jkun possibbli? (Luqa 13:24) Għal liema tip t’ambjent qed nesponi l-qalb figurattiva tiegħi? Qed infittex ħbiberija maʼ dawk li qalbhom hi magħquda fil-qima vera? (Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33) Jalla nkunu ħfief biex ninnotaw kwalunkwe nuqqas u nieħdu passi mill-ewwel biex nirranġawh.
5 Taʼ spiss inġarrbu provi tal-fidi. Dawn jagħtuna l-opportunità biex naraw kif inhi l-kundizzjoni taʼ qalbna. Mosè qal lill-ġens taʼ Iżrael li kien wasal biex jidħol fl-Art Imwiegħda: “Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek f’qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu jew le.” (Dewteronomju 8:2) Xi kultant ma nibqgħux mistagħġbin bis-sentimenti, bix-xewqat, jew bir-reazzjonijiet li jkollna meta niffaċċjaw xi sitwazzjoni jew tentazzjoni mhux mistennija? Ċertament, il-provi li Jehovah jippermetti li jkollna jistgħu jgħinuna nsiru konxji tad-difetti tagħna, u b’hekk jagħtuna l-opportunità biex intejbu fejn hemm bżonn. (Ġakbu 1:2-4) Jalla qatt ma nonqsu li nirriflettu u nitolbu dwar il-mod kif nirreaġixxu għall-provi!
X’Juri d-Diskors Tagħna?
6 Kif nistgħu niddeterminaw x’ngħożżu f’qalbna? Ġesù qal: “Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb taʼ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.” (Luqa 6:45) Dak li ġeneralment nitkellmu dwaru jindika ċar maʼ xiex inhi marbuta qalbna. Id-diskors tagħna jaqaʼ taʼ sikwit fuq l-affarijiet materjali u s-suċċessi fil-ħajja? Jew nitkellmu iktar dwar affarijiet spiritwali u miri teokratiċi? Minflok ma noqogħdu nitkellmu dwar l-iżbalji taʼ ħaddieħor, għandna aħna t-tendenza li b’imħabba nagħlqu għajnejna għalihom? (Proverbji 10:11, 12) Għandna ħabta nitkellmu iktar dwar x’qed jagħmel ħaddieħor iżda ftit li xejn dwar kwistjonijiet spiritwali u morali? Jistaʼ dan ikun sinjal li qed indeffsu mneħirna fl-affarijiet persunali taʼ ħaddieħor?—1 Pietru 4:15.
7 Ikkunsidra dak li ġara ġo familja kbira. L-għaxar subien il-kbar taʼ Ġakobb “ma kellhomx ħila jkellmuh bis-sliem” lil Ġużeppi, ħuhom iżgħar minnhom. Għala? Huma kienu mikulin bl-għira għax kien il-favorit taʼ missierhom. Iktar tard, meta Ġużeppi kien imbierek b’ħolm divin li ta prova li hu kellu l-approvazzjoni taʼ Jehovah, huma “aktar bagħduh.” (Ġenesi 37:4, 5, 11) B’kattiverija, huma biegħu lil ħuhom fil-jasar. Imbagħad, biex jipprovaw jaħbu l-ħażen tagħhom, huma qarrqu b’missierhom billi ġagħluh jaħseb li Ġużeppi kien inqatel minn annimal salvaġġ. Ħut Ġużeppi naqsu li jħarsu ’l qalbhom f’dik l-okkażjoni. Jekk min-naħa tagħna nsibuha faċli biex nikkritikaw lil oħrajn, jistaʼ dan ikun sinjal li aħna għajjurin jew invidjużi f’qalbna? Irridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn għal dak kollu li joħroġ minn fommna u nkunu pronti li nqaċċtu mill-għeruq kwalunkwe tendenza ħażina.
8 Għalkemm “ma jistax ikun li Alla jigdeb,” il-bnedmin imperfetti għandhom it-tendenza li jigdbu. (Lhud 6:18, Saydon) “Qarrieq hu kull bniedem,” ilmenta s-salmista. (Salm 116:11) Saħansitra l-appostlu Pietru gideb u ċaħad lil Ġesù tliet darbiet. (Mattew 26:69-75) Jidher ċar li rridu noqogħdu attenti biex nevitaw il-gideb, għax Jehovah jobogħdu “lsien giddieb.” (Proverbji 6:16-19) Jekk qatt inċedu għall-gideb, ikun għaqli li naraw x’kien il-kaġun. Kien minħabba l-biżaʼ mill-bniedem? Kien minħabba l-biżaʼ mill-kastig? Forsi ma ridniex nidhru koroh? Jew il-problema nibtet minħabba egoiżmu sfaċċat? Ikun x’ikun il-każ, kemm ikun xieraq li nirriflettu fuq il-kwistjoni, nammettu umilment in-nuqqas tagħna, u nitolbu bil-ħrara lil Jehovah biex jaħfrilna u jgħinna negħlbu d-dgħjufija tagħna! L-anzjani fil-kongregazzjoni x’aktarx li huma l-aħjar nies li jistgħu jagħtuna din l-għajnuna.—Ġakbu 5:14.
9 Meta s-sultan żagħżugħ Salamun talab għall-għerf u l-għarfien, Jehovah wieġbu: “Billi dan huwa għal qalbek u ma tlabtx għana, ġid u glorja . . . , l-għerf u d-dehen huma mogħtija lilek; u nagħtik ukoll għana, ġid u glorja.” (2 Kronaki 1:11, 12) Mit-talba tiegħu, Jehovah kien jaf x’kellu għal qalbu Salamun. X’juri t-talb tagħna dwar qalbna? Jikxef it-talb tagħna li aħna għatxana għall-għarfien, l-għerf, u d-dehen? (Proverbji 2:1-6; Mattew 5:3, NW) Huma l-interessi tas-Saltna għal qalbna? (Mattew 6:9, 10) Jekk it-talb tagħna huwa taʼ kaf kaf u dejjem bl-istess kantaliena, dan jistaʼ jkun sinjal li għandna bżonn nieħdu l-ħin biex nimmeditaw fuq l-għemejjel taʼ Jehovah. (Salm 103:2) Il-Kristjani kollha għandhom ikunu attenti biex jagħrfu x’qed juri t-talb tagħhom.
X’Juru l-Għemejjel Tagħna?
10 L-importanti huma l-fatti mhux it-tpaċpiċ. Żgur li l-għemejjel tagħna jgħidu ħafna dwar dak li aħna minn ġewwa. Per eżempju, fi kwistjonijiet taʼ moralità, li nħarsu ’l qalbna ma jfissirx biss li nevitaw xi att taʼ żína jew adulterju. Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù stqarr: “Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Kif nistgħu nevitaw li nagħmlu adulterju saħansitra f’qalbna?
11 Il-patrijarka leali Ġob kien taʼ eżempju f’dan ir-rigward għall-irġiel u n-nisa Kristjani miżżewġin. Mingħajr ebda dubju, Ġob kellu kuntatt maʼ nisa iżgħar minnu fil-ħajja taʼ kuljum u saħansitra kien lest li jgħinhom jekk kien ikollhom bżonn. Imma l-ħsieb li jinteressa ruħu fihom b’mod romantiku lanqas biss kien jidħol f’moħħ dan ir-raġel taʼ integrità. Għala? Għaliex hu kien determinat li ma jħarisx lejn mara b’xewqa li jiżni magħha. Hu qal: “Għamilt patt maʼ għajnejja; għalfejn mela għandi naħseb fuq xebba?” (Ġob 31:1, KŻ) Jalla nagħmlu patt simili m’għajnejna u nħarsu ’l qalbna.
12 “Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna,” qal l-Iben t’Alla, “min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna.” (Luqa 16:10) Iva, għandna bżonn neżaminaw il-kondotta tagħna anki f’dawk l-affarijiet li jidhru żgħar fil-ħajja taʼ kuljum, u saħansitra dawk fil-privatezza taʼ djarna. (Salm 101:2) Waqt li nkunu bil-qiegħda d-dar naraw it-televixin, jew imqabbdin maʼ l-Internet, noqogħdu attenti li nimxu fi qbil mat-twissija Skritturali: “Żína u kull xorta taʼ faħx jew regħba, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fostkom, kif jixraq lill-qaddisin. U anqas kliem baxx u kliem iblah, jew ċajt mhux sewwa, kollha ħwejjeġ li ma jixirqux”? (Efesin 5:3, 4) U xi ngħidu għall-vjolenza li tistaʼ tkun disponibbli fuq it-televixin jew fil-logħob tal-kompjuter? “Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin,” jgħid is-salmista, “hu jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa.”—Salm 11:5.
13 “Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra,” wissa Ġeremija. (Ġeremija 17:9) Qalbna tkun tidher li hi mimlija qerq meta noqogħdu nsibu l-iskużi għall-iżbalji tagħna, inċekknu n-nuqqasijiet tagħna, niġġustifikaw difetti serji fil-personalità tagħna, jew niffanfraw bis-suċċessi li jistaʼ jkollna. Qalb imħassra kapaċi turi wkoll wiċċ b’ieħor—xofftejn qarrieqa li jgħidu mod, u għemejjel li juru mod ieħor. (Salm 12:3 [12:2, NW]; Proverbji 23:7) Kemm hu vitali li nkunu onesti hekk kif niflu dak li joħroġ minn qalbna!
Għandna Għajnejna Sempliċi?
14 “Il-musbieħ tal-ġisem hija l-għajn,” qal Ġesù. Hu żied: “Jekk mela għajnek hija safja [“sempliċi,” NW], ġismek kollu jkun imdawwal.” (Mattew 6:22) L-għajn sempliċi ma tiġix aljenata jew żvijata imma tkun iffokata fuq mira waħda, jew skop wieħed. Tabilħaqq, għajnejna jridu jkunu ffokati fuq li ‘nfittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla.’ (Mattew 6:33) X’jistaʼ jiġrilha l-qalb figurattiva tagħna jekk għajnejna ma jibqgħux sempliċi?
15 Ikkunsidra l-kwistjoni taʼ li naqilgħu l-għajxien tagħna. Li nipprovdu l-bżonnijiet għall-familji tagħna huwa ħtieġa Kristjana. (1 Timotju 5:8) Imma xi ngħidu jekk niġu mħajrin biex ikollna dak li huwa taʼ l-aħħar moda, l-aqwa, u l-aħjar ikel, ilbies, kenn, u affarijiet oħrajn? Ma jistax dan ijassrilna qalbna u moħħna, u jġiegħel il-qima tagħna tkun b’nofs qalb? (Salm 119:113, NW; Rumani 16:18) Għala għandna nużaw il-ħin kollu tagħna biex nipprovdu l-bżonnijiet fiżiċi tant li f’ħajjitna ma jkun hemm xejn ħlief familja, xogħol, u affarijiet materjali? Ftakar fil-parir ispirat: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqaʼ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha.”—Luqa 21:34, 35.
16 L-għajn hija mezz taʼ komunikazzjoni importanti għall-moħħ u l-qalb. Dak li tiffoka fuqu jistaʼ jħalli effett qawwi fuq il-ħsibijiet, l-emozzjonijiet, u l-għemejjel tagħna. Bi kliem li jgħinna nagħmlu stampa f’moħħna, Ġesù rrefera għall-qawwa li għandha t-tentazzjoni viżwali: “Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni taʼ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet [“f’Geħenna,” NW].” (Mattew 5:29) Għandna noqogħdu attenti li ma nħallux lil għajnejna jmorru fuq xeni mhux xierqa. Per eżempju, m’għandniex noqogħdu nħarsu lejn materjal li jkun imfassal biex iqanqal passjonijiet u xewqat mhux xierqa.
17 M’għandniex xi ngħidu, il-vista m’hijiex l-uniku sens li bih nikkomunikaw mad-dinja. Sensi oħra, bħal dak tal-mess u tas-smigħ, għandhom l-irwol tagħhom, u aħna rridu noqogħdu attenti wkoll għall-membri l-oħra tal-ġisem li jistgħu jiġu effettwati. L-appostlu Pawlu wissa: “Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu taʼ l-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba, li hi idolatrija.”—Kolossin 3:5.
18 Xewqa ħażina tistaʼ tinbet fil-ħsibijiet moħbija tagħna. Ġeneralment, meta noqogħdu naħsbu fuqha, din ix-xewqa tkompli tikber u tidħol fil-qalb. “Mbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub.” (Ġakbu 1:14, 15) Ħafna jammettu li dan hu l-mod kif taʼ spiss tibda l-masturbazzjoni. Kemm huwa importanti li nkomplu nimlew moħħna b’affarijiet spiritwali! (Filippin 4:8) U jekk jidħlilna xi ħsieb mhux xieraq f’moħħna, għandna nagħmlu minn kollox biex inneħħuh.
‘Aqdi lil Jehovah b’Qalb Sħiħa’
19 Fi xjuħitu, is-Sultan David qal lil ibnu: “Salamun, ibni, agħraf ’l Alla taʼ missierek u aqdih b’qalbek sħiħa u b’rieda soda għaliex il-Mulej jistħarreġ il-qlub u jifhem kull għamla taʼ ħsieb.” (1 Kronaki 28:9) Salamun innifsu talab għal “qalb ubbidjenti.” (1 Slaten 3:9, NW) Madankollu, hu kellu sfida biex jibqaʼ jżomm din il-qalb ubbidjenti matul ħajtu.
20 Jekk irridu nirnexxu f’dan, mhux biss irridu niksbu qalb li togħġob lil Jehovah imma għandna bżonn ukoll inħarsuha. Sabiex inwettqu dan, irridu nżommu t-tfakkiriet tal-Kelma t’Alla f’qalbna—‘fil-qiegħ tagħha.’ (Proverbji 4:20-22) Irridu wkoll niħduha drawwa li neżaminaw qalbna, billi nirriflettu bit-talb dwar x’qed jikxfu kliemna u l-għemejjel tagħna. Iżda x’jiswa li nirriflettu jekk ma nfittxux bis-serjetà l-għajnuna taʼ Jehovah biex nikkoreġu kwalunkwe dgħjufija li nindunaw biha? U kemm hu vitali li ngħassu tajjeb dak li jidħol f’qalbna u f’moħħna permezz tas-sensi tagħna! Meta nagħmlu dan, nistgħu nibqgħu ċerti li ‘s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilna qalbna u moħħna sħaħ fi Kristu Ġesù.’ (Filippin 4:6, 7) Iva, ejja nkunu determinati li nħarsu lil qalbna iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra u naqdu lil Jehovah b’qalb sħiħa.
Tiftakar Int?
• Għala hu importanti li nħarsu ’l qalbna?
• Li noqogħdu attenti għal dak li ngħidu kif jgħinna nħarsu ’l qalbna?
• Għala għandna nżommu għajnejna “sempliċi”?
3, 4. (a) X’mistoqsijiet nistgħu nistaqsu dwar il-qalb letterali? (b) X’jistaʼ jgħinna neżaminaw il-qalb figurattiva tagħna?
5. Xi skop siewi jistaʼ jkollhom il-provi tal-fidi?
6. X’jistgħu jindikaw dwar qalbna s-suġġetti li nħobbu nitkellmu dwarhom?
7. X’nistgħu nitgħallmu mir-rakkont taʼ ħut Ġużeppi dwar li nħarsu ’l qalbna?
8. X’se jgħinna neżaminaw qalbna jekk inċedu u ngħidu xi gidba?
9. X’jistaʼ jikxef it-talb tagħna dwar qalbna?
10, 11. (a) Minfejn joriġinaw l-adulterju u ż-żína? (b) X’se jgħinna biex ‘ma nagħmlux adulterju f’qalbna’?
12. Kif tapplikaha int l-iskrittura taʼ Luqa 16:10 biex tħares lil qalbek?
13. Liema twissija nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw meta nirriflettu fuq dak li joħroġ minn qalbna?
14, 15. (a) X’inhi għajn “sempliċi”? (b) Il-fatt li nżommu għajnejna sempliċi kif jgħinna nħarsu ’l qalbna?
16. Ġesù liema parir ta dwar l-għajn, u għala?
17. Il-fatt li napplikaw Kolossin 3:5 kif jgħinna nħarsu ’l qalbna?
18. X’għandna nagħmlu jekk jiġuna ħsibijiet mhux xierqa f’moħħna?
19, 20. Kif nistgħu nirnexxu fis-servizz tagħna lil Jehovah b’qalb sħiħa?
[Stampi f’paġna 23]
Normalment dwar xiex nitkellmu meta nkunu fis-servizz taʼ l-għalqa, fil-laqgħat, u fid-dar?
[Stampi f’paġna 25]
L-għajn sempliċi ma tiġix aljenata