Matera Belt Taʼ Għamajjar Uniċi Fl-għerien
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FL-ITALJA
MADWAR 50 sena ilu, xi wħud ħasbu li dawk l-għamajjar strambi kienu saru speċi taʼ l-“inferno” taʼ Dante, tant li l-awtoritajiet qatgħuha li jbattluhom min-nies. Illum reġaʼ hemm min joqgħod f’parti minnhom u dawn issa ġew saħansitra inklużi fost il-Wirt Kulturali u Naturali tad-Dinja, imħares mill-UNESCO, l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura.
Fuqiex qed nitkellmu? U għala qajmu tant reazzjonijiet differenti tul iż-żmien? It-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hi sempliċi: is-Sassi (litteralment, “Blat” bit-Taljan) taʼ Matera, lejn in-Nofsinhar taʼ l-Italja, ftit ’il fuq mit-takkuna taż-“żarbuna” taʼ l-Italja. Imma biex inwieġbu t-tieni waħda, irridu nifhmu x’inhuma u nsiru nafu xi ftit mill-istorja tagħhom. Għax ma tiġix magħna hekk kif inżuru s-Sassi u nitgħallmu xi ħaġa dwarhom?
“Fost il-pjanuri Taljani li jqanqlu l-iktar stagħġib,” skond il-kittieb Guido Piovene, hemm is-Sassi li jifformaw, tistaʼ tgħid, belt mogħnija bl-“attrazzjoni taʼ l-inkredibbli.” Biex nieħdu dehra panoramika, immorru f’post fl-għoli li taħtu hemm ħondoq fond. Fuq in-naħa l-oħra taʼ dan l-irdum għammieq, faċċata tagħna, hemm il-belt taʼ Matera. Fid-dawl qawwi tas-sajf, naraw djar iggranfati mal-blat; qishom kibru waħda fuq l-oħra. Hekk kif it-toroq dojoq taʼ bejniethom iserrpu ’l isfel lejn qiegħ il-ħondoq, dawn jifformaw għoqda mħabbla li tixbah xi ftit lit-turġien taʼ xi amfiteatru immens. Il-ħafna toqob fil-blat li qed naraw huma, jew kienu, għamajjar, postijiet fejn joqogħdu n-nies. Fi ftit kliem, dawn huma s-Sassi—djar f’għerien imħaffrin ġol-blat!
Atmosfera Taʼ Barra Minn Hawn
Biex naslu sas-Sassi—iċ-ċentru antik tal-belt taʼ Matera—irridu ngħaddu mill-belt il-moderna, bit-traffiku u l-istorbju tagħha. Hekk kif nidħlu fil-belt l-antika nsibu ruħna qisna qed ngħixu fi żmien ieħor; nidħlu f’atmosfera taʼ barra minn hawn hekk kif il-kaos tal-preżent jibda bil-mod il-mod jinbidel f’dehriet taʼ żmien l-imgħoddi.
Tistenniex li se joħorġu xi nies li jgħixu fl-għerien. Illum, bil-kemm tistaʼ tarahom il-grotot l-antiki oriġinali, għax quddiemhom inbnew faċċati, jekk mhux binjiet sħaħ, bil-ġebla tal-franka fi stili taʼ epoki differenti: medjevali, barokk, u modern. Aħna u mexjin, ix-xena donnha li qed tinbidel il-ħin kollu quddiem għajnejna stess.
Skond l-imgħallmin fl-arkeoloġija, ftit eluf taʼ snin ilu ġew joqogħdu f’din iż-żona gruppi taʼ nies nomadi, li probabbli kienu rgħajja. L-għadd kbir taʼ fetħiet fil-blat imxerrdin fl-inħawi offrew kenn mill-elementi u mill-predaturi. Ħafna mill-għerien malajr saru djar. Sejbiet arkeoloġiċi donnhom jindikaw li n-nies baqgħu jgħixu f’dawn l-inħawi minn dak iż-żmien ’l hawn.
Is-Sassi nfushom, madankollu, bdew jiġu abitati bil-mod il-mod. Fiż-żminijiet Greko-Rumani, kien hemm xi nies joqogħdu fl-iktar naħa għolja tal-blat, iċ-ċentru antik tal-belt li hemm illum. F’dawk iż-żminijiet tal-qedem, jikteb Raffaele Giura Longo, is-Sassi kienu “żewġ widien imħarbtin, żewġ fetħiet fil-blat biswit l-għolja tal-belt l-antika li qiegħda ’l fuq tħares ’l isfel lejn l-irdum tal-ħondoq; ma kienx hemm nies joqogħdu fihom imma . . . kienu miksijin ħdura.” Minn kmieni fil-Medju Evu, bit-tħaffir sistematiku tal-ġebla ratba tal-franka u bil-bini taʼ toroq, imsieraħ u djar bl-użu tal-ġebel miksub mit-tħaffir, is-Sassi bdew jieħdu d-dehra tipika tagħhom.
Kien hemm il-ħtieġa għal djar u postijiet fejn jinżammu l-annimali u fejn isir xogħol konness mat-trobbija taʼ l-annimali, bħalma hi l-produzzjoni tal-ġobon. L-attività ewlenija, madankollu, kienet il-biedja. Ġew stabbiliti ġonna bil-ħxejjex fuq il-wilġiet wesgħin li tħaffru mill-ġenb tal-wied għammieq li jinsab taħt is-Sassi. Għad hemm sinjali taʼ fejn kienu dawn il-wilġiet. Il-biċċa l-kbira tal-ħajja soċjali kienet marbuta maʼ dawk l-inħawi, mal-btieħi li kienu mdawrin minn bosta għamajjar.
Sistema Impressjonanti Taʼ Kif Jinġabar L-Ilma
Jistaʼ jingħad li l-istorja tas-Sassi hija t-taqtigħa simultanja tal-bniedem kontra, u flimkien ma’, il-blat u l-ilma. Għalkemm mhux abbundanti żżejjed, l-ilma tax-xita fix-xitwa kien ikaxkar l-art agrikola tal-wilġiet—mirbuħa b’tant xogħol iebes—hekk kif jgħaddi jiġri maʼ ġnub il-wied. Allura l-abitanti tas-Sassi ħassew il-ħtieġa li jagħmlu kanali għall-ilma tax-xita u jiġbruh.
Imma fejn u kif setaʼ jinġabar? Ħaffru ġwiebi ħdejn il-wilġiet u kaħħluhom sewwa biex ma jgħaddi xejn minnhom. Għadd taʼ kanali u mwieżeb kienu jwasslu l-ilma li setaʼ jinkiseb lejn dawk il-ġwiebi, li għall-ewwel kienu jintużaw għall-biedja iktar milli għal ħaġ’oħra. Skond il-perit Pietro Laureano, l-għadd tagħhom, li kien “ferm akbar mill-għadd t’għerien abitati u minn kemm kellhom bżonn għall-ilma tax-xorb,” jixhed il-fatt li “l-ġwiebi tas-Sassi kienu oriġinalment sistema impressjonanti taʼ kif jinġabar l-ilma għas-saqwi.”
Is-sistema pprovdiet ukoll biżżejjed ilma tax-xorb, u hekk kif il-popolazzjoni bdiet tiżdied, dan il-fattur sar iktar u iktar importanti. Għal dir-raġuni, ġie adottat arranġament inġenjuż. Il-ġwiebi nifduhom maʼ xulxin, kemm dawk fuq l-istess livell u kemm dawk fil-wilġiet fuq livelli differenti. “Bħal sistema taʼ lampiki enormi, ħallew il-likwidu jiġi ppurifikat progressivament hekk kif kien jgħaddi minn ġiebja għal oħra.” L-ilma mbagħad kien jittellaʼ minn xi wieħed mill-ħafna bjar imxerrdin mas-Sassi. Il-bokok taʼ xi wħud minn dawk il-bjar għadhom jidhru sal-lum. Li jkollok tant ilma f’post li altrimenti kien niexef kienet xi ħaġa eċċezzjonali.
Dar Fil-Blat
Hekk kif ninżlu t-taraġ u nsegwu l-labirint taʼ toroq dojoq, nirrealizzaw li dawn l-inħawi antiki nħolqu fuq livelli taʼ nżul, tant li spiss insibu rwieħna mexjin fuq is-soqfa tad-djar li jagħtu għall-wilġa taʼ taħt. F’ċerti postijiet, hemm għaxar livelli t’għamajjar, wieħed fuq l-ieħor. Hawn, il-bniedem jgħix f’kuntatt mill-qrib mal-blat. Sa minn kmieni fis-seklu 13, dawn l-inħawi bdew jissejħu “Sassi” f’dokumenti uffiċjali.
Nieqfu quddiem waħda mill-għamajjar. Il-faċċata elaborata u relattivament moderna m’għandhiex tqarraq bina, għax, maʼ dik oriġinali, hawn ġiet miżjuda daħla iktar riċenti magħmula bil-ġebla tal-franka. Din dar tipika tas-Sassi. Wara li naqbżu l-għatba, ninżlu serje taʼ turġien li jagħtu għal kamra kbira fejn darba kienu jsiru l-biċċa l-kbira taʼ l-attivitajiet domestiċi tal-familja. Ninżlu iktar turġien għat-tieni kamra, li wkoll tagħti għal oħra. Xi kmamar kienu ġwiebi antiki li ntgħamlu abitabbli—billi saddew il-fetħa taʼ fuq, minfejn kien jidħol l-ilma, u ħaffru mal-ġenb tal-wilġa biex ikunu jistgħu jidħlu. Il-kmamar taʼ ġewwanett darba kienu jintużaw biss biex joqogħdu fihom il-bhejjem tat-tagħbija, waqt li l-familja kienet tgħix fil-kmamar iktar qrib lejn id-daħla. Id-dawl u l-arja kienu jiġu minn fetħa kbira fuq il-bieb. M’għandniex xi ngħidu, illum l-abitanti tas-Sassi m’għadhomx iżommu l-bhejjem ġewwa djarhom!
Bosta mill-għamajjar qegħdin taħt il-livell tat-triq. Għala? Għaliex id-daħla u xi wħud mid-djar fl-għerien infushom tħaffru bi ftit xaqlib biex jieħdu li jistgħu mir-raġġi tax-xemx. Fix-xitwa, meta x-xemx kienet tilħaq l-iktar punt baxx fuq ix-xefaq, ir-raġġi tagħha setgħu jidħlu fid-dar, idawluha u jsaħħnuha; fis-sajf ir-raġġi tax-xemx kienu jaslu biss sa l-għatba, u ġewwa kien jibqaʼ frisk u umdu. Mal-ħajt taʼ wara taʼ l-għar li qegħdin inżuru, naraw niċċa skolpita b’ħafna “xkafef.” Dan arloġġ tax-xemx, imfassal biex jindika l-moviment tax-xemx matul is-sena kollha. Meta noħorġu lura barra, inħossu sensazzjoni stramba. L-arja friska ġo l-għar malajr kienet nessietna s-sħana tas-sajf taʼ barra!
Tmermir u Restawr
Apparti l-atmosfera taʼ barra minn hawn, is-Sassi għaddew minn diversi bidliet. Għalkemm baqgħu għal sekli sħaħ nukleu taʼ belt armonjuża u effiċjenti mhux ħażin, xi ħaġa nbidlet fis-seklu 18. Binjiet u toroq ġodda bdew jostakolaw is-sistema effiċjenti taʼ kif jitmexxa l-ilma u dan ħoloq problemi fl-eliminar regulari taʼ l-iskart. Minħabba f’hekk żdied il-mard. Iktar minn hekk, bidliet fl-ekonomija taʼ l-inħawi wasslu għal iktar faqar fost il-familji agrikoli tas-Sassi, li kienu qed isiru dejjem iżjed iffollati.
It-tmermir progressiv taʼ dan il-post li darba kien sabiħ deher inevitabbli. Allura bl-idea li tissolva l-problema darba għal dejjem, ittieħdet deċiżjoni uffiċjali kmieni fis-snin 50 li s-Sassi kellhom jiġu evakwati. Għar-residenti taʼ Matera, li kienu jgħoddu ’l fuq minn 15,000, dik kienet verament esperjenza kerha, speċjalment mil-lat soċjali, billi tkissru ċerti rabtiet intimi taʼ ħbiberija li kienu jeżistu fost il-ġirien.
Ħafna jemmnu, madankollu, li d-dehra inkredibbli taʼ din il-belt pittoreska m’għandhiex tintilef. B’hekk, bis-saħħa taʼ xogħol effiċjenti taʼ restawr, is-Sassi qegħdin bil-mod il-mod jerġgħu jinkisbu u jiġu abitati. Illum, bosta turisti jieħdu pjaċir jesperjenzaw l-atmosfera maħluqa mill-imsieraħ antiki u t-toroq imħabblin tas-Sassi. Jekk qatt tiġi lejn dil-parti tad-dinja, għax ma tiqafx u żżur din il-belt antika bosta taʼ sekli li kibret minn ġol-blat?
[Stampi fʼpaġna 16, 17]
1. Dehra panoramika tas-Sassi taʼ Matera; 2. “l-inħawi,” bil-bir lejn ix-xellug fuq quddiem; 3. ġewwa waħda mill-għamajjar tipiċi; 4. niċċa wżata bħala arloġġ tax-xemx; 5. kanal li darba kien jintuża biex iġorr l-ilma lejn il-ġwiebi