Għala d-Djamanti Jqumu Daqshekk?
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FI SPANJA
IS-SBUĦIJA xi drabi tistaʼ tiskopriha. Drabi oħra din trid tinħoloq. Djamant, madankollu, trid tiskoprih u jrid ukoll jinħoloq.
Djamanti mhux irfinuti huma, bla dubju, ħolqien mill-isbaħ tan-natura. Pressjoni qawwija u temperaturi għoljin taħt qoxort l-art jagħsru biċċiet tal-faħam bil-mod il-mod sakemm dawn isiru kristalli ibsin u jleqqu. Imma dan il-ħaġar rari ma tantx tiskoprih kif ġieb u laħaq. Xi wħud mill-akbar ħofor fl-art magħmulin mill-bniedem—imxerrdin fl-Awstralja, fis-Siberja u fl-Afrika t’Isfel—tħaffru bi tfittxija għal dan il-ħaġar prezzjuż. Biex jinkisbu ftit djamanti li jkunu jiżnu biss madwar 6 grammi, iridu jitħaffru u jingħarblu mal-mitt tunnellata ġebel u materjal ieħor!
Ladarba djamant ikun ġie skopert, nies tas-sengħa jridu b’sabar kbir jiskolpixxu s-sbuħija moħbija tiegħu qabel ikun jistaʼ jżewwaq xi ċurkett jew xi kullana.
Naturalment, dan l-isforz kollu u x-xogħol taʼ esperti ma jitħallasx bis-soldi. Imma l-biċċa l-kbira tan-nisa—u l-irġiel—iħossu li l-ispiża hija vallapena, speċjalment jekk id-djamant jingħata bħala rigal lil waħda għażiża bħala turija taʼ mħabba dejjiema. Is-sbuħija u n-namur għamlu lid-djamant l-iktar kristall li jiswa l-flus fuq l-art.a
Żjara F’Antwerp
Waqt żjara f’Antwerp, belt ġewwa l-Belġju li l-ekonomija tagħha tiddependi l-iktar fuq id-djamanti, interessajt ruħi f’dan il-ħaġar li m’hawnx bħalu. ‘X’inhu,’ għedt bejni u bejn ruħi, ‘li jagħmel lid-djamanti tant jiġbduk? X’inhu s-sigriet taʼ kif isir djamant?’
Biex iwieġeb dawn il-mistoqsijiet, tkellimt maʼ Dirk Loots, li l-familja tiegħu ilha tliet ġenerazzjonijiet taħdem fin-negozju tad-djamanti. “Antwerp insejħulha l-aqwa ħabiba tad-djamant,” hu spjegali, “peress li din il-belt hi waħda miċ-ċentri ewlenin tad-djamanti fid-dinja. Mela int ġejt f’post ideali biex tiskopri s-sigrieti taʼ min jagħmel id-djamant.”
L-ewwelnett, urieni ponn djamanti mhux irfinuti li kien għadu kif xtara. Għalkemm kienu jiswew mat-$350,000, ma tantx kienu jidhru impressjonanti maʼ l-ewwel daqqa t’għajn—iktar kien qishom gozz biċċiet tal-ħġieġ. Imma meta ħarist lejhom sewwa indunajt bit-tlellix ġewwieni li kixef dik is-sbuħija li jkun irid joħroġha fil-beraħ dak li jaqtaʼ d-djamanti. Bdejt nifhem għaliex in-nies jinġibdu lejhom.
“Xi kultant meta nara xi djamant kbir mhux irfinut, inħossni nissaħħar, kważi bħal qisni ninġibed lejh emozzjonalment,” stqarr miegħi Dirk. “Istintivament, inkun irrid nixtriha dik il-ħaġra. Dan ifakkarni fit-tixbieha taʼ Ġesù dwar ir-raġel li sab perla mill-isbaħ, perla li tant kienet perfetta li kien lest ibigħ kulma kellu biex jixtriha. Qatt ma wasalt s’hemm,” qalli bi tbissima, “imma jkolli nammetti li ċertu ħaġar mill-aqwa jqanqal ġibda speċjali, anki għalina li nqattgħu ħajjitna nixtruh u nbigħuh. M’għandniex xi ngħidu, ħaġra mhix irfinuta, tkun kemm tkun impressjonanti, mhux la kemm issir djamant mill-isbaħ.”
Kif Jinħadem Djamant Mhux Irfinut
Kont smajt li ħaġra imprezzabbli tistaʼ ssir frak jekk dak li jnaqqax id-djamant ikun traskurat. Xtaqt inkun naf jekk dan jiġrix spiss. “Mhix ħaġa rari li jiġri hekk,” ammetta Dirk. “U dan jistaʼ jiġri mhux biss meta l-ħaġra tkun qed tiġi maqtugħa. Anki dak li jkun qed jillostraha jistaʼ xi kultant jolqot xi gletz, xi difett intern, u jirrovina l-ħaġra. Aħna dejjem neżaminaw bir-reqqa ħaġra mhux irfinuta permezz taʼ dawl polarizzat, li juri fejn qegħdin il-problemi; imma ebda sistema m’hi perfetta, jiddispjaċini ngħid.
“Għalkemm li titfarraklek ħaġra hija l-iktar ħaġa li tkexkixna, din mhix l-unika diffikultà. Xi drabi l-kulur tal-ħaġra jibda jiskura wara li tkun tnaqqxet u ġiet illostrata, u l-valur tagħha jonqos. U trid tiftakar li minn ħaġra mhix irfinuta spiss ikollna nnaqqxu xi 60 fil-mija jew iktar biex inġibu djamant taʼ l-iprem kwalità.”
Għalija dan kien qisu ħala taʼ ħafna flus, sakemm fhimt dak kollu li hu involut biex wieħed jagħmel djamant. Dirk urieni djamant kbir forma taʼ qalb li kien għadu kif tnaqqax u ġie llostrat. “Qed tarah kemm ilellex?” staqsieni. “Dak in-‘nar’ taʼ ġol-ħaġra m’hu xejn ħlief riflessjoni taʼ dawl.
“Li jrid jagħmel wieħed tas-sengħa hu li jnaqqax il-faċċati kollha b’tali mod li d-dawl jinqabad ġewwa l-ħaġra u mbagħad jirrifletti lura lejn min ikun qed jarah. Xi forom tradizzjonali, bħalma hi l-qatgħa tonda, dan jagħmluh bl-iktar mod effiċjenti. Imma anki disinji elaborati, bħalma hu dan forma taʼ qalb, jimmiraw lejn li jirriflettu kemm jifilħu dawl. Dik hi wara kollox l-arti taʼ min jagħmel djamant. Fil-fatt, wieħed manifattur magħruf tad-djamanti għażel bħala l-motto tiegħu, ‘Is-seħer jinsab fix-xogħol.’”
“Kif tiddeċiedi f’liema forma tnaqqxu d-djamant?” staqsejt lil Dirk. “Nibdew billi nħarsu bir-reqqa lejn il-ħaġra oriġinali li nixtru,” qalli. “U meta ngħidlek bir-reqqa jiġifieri bir-reqqa! Niftakar darba kellna ħaġra kbira li domna xahar neżaminawha qabel għamilna deċiżjoni finali fuq kif għandha tinqataʼ. Xi drabi jkun eħfef għaliex il-ħaġra mhux irfinuta tgħidlek hi x’forma għandha tieħu. F’kull każ l-iskop hu li nsibu l-aħjar forma għal dik il-ħaġra partikulari biex nitilfu mill-inqas minnha. Imma kull faċċata li nnaqqxu—u kull djamant għandu iktar minn 50 faċċata—tkun tfisser telf fil-piż.”
Dirk imbagħad talabni nħares sewwa lejn ħaġra minnhom. “Qed taraha dik l-impurità fuq il-lemin tal-ħaġra?” staqsieni, waqt li għaddieli lenti li jużaw il-ġojjelliera. Stajt nara ftit linji żigużajk, bħal dawk taʼ mera mxaqqa, f’waħda mill-irkejjen tad-djamant. “Imperfezzjonijiet bħal dawk inaqqsu ferm il-valur tad-djamant. M’għandniex xi ngħidu, id-difett jistaʼ jinqataʼ barra, imma dan għandu mnejn ikun ifisser li nitilfu wisq mill-ħaġra. Jekk id-difett ma jidhirx mingħajr lenti, xorta nistgħu nbigħu l-ħaġra bi prezz irħas.”
Xtaqt inkun naf għaliex ħaġriet ċkejknin bħal dawn jiswew tant flus. Jidher ċar li hemm diversi fatturi involuti.
“Il-frażi wżata ħafna li ‘djamant hu għal dejjem’—għalkemm tintuża bħala riklam—hija ġeneralment vera,” qal Dirk. “Id-djamanti ma jiqdimux, u t-tlellix tagħhom ma jitbielx. Huma rari, għalkemm mhux rari daqs kemm kienu, u huma verament mill-isbaħ—bla dubju taʼ xejn! Imma forsi l-iktar ħaġa importanti li tiddetermina l-valur tagħhom hija d-domanda għad-djamanti mad-dinja kollha. Din tiddependi l-iktar fuq ir-riklamar.
“Mara għala trid ċurkett tad-djamanti?” staqsa Dirk bi tbissima. “Probabbli li tagħmel konnessjoni bejn id-djamanti u l-imħabba romantika. Djamant hu xi ħaġa speċjali, xi ħaġa li tistaʼ tgħożżha għal dejjem, biex tfakkarha f’imħabbet min tahulha, imħabba li hi tittama li ddum sakemm idum id-djamant. Din l-idea, jew mistiċiżmu, kif isejħulha xi wħud, ġiet imrawma b’sengħa kbira. Fl-1995 intefqu mal-$180,000,000 biex jitwassal dan il-messaġġ, messaġġ li jġiegħel lin-nies mad-dinja kollha jixtru d-djamanti.”
Il-Valur Taʼ Djamant
“Naħseb li l-valur taʼ djamant irfinut jiddependi fuq id-daqs tiegħu,” għedt jien. “Mhux daqshekk sempliċi,” wieġeb Dirk. “In-negozjanti tad-djamanti jħobbu jgħidu li l-valur tad-djamant jiddependi fuq erbaʼ fatturi: il-qatgħa, il-karat, il-lewn u ċ-ċarezza. Kull wieħed minn dawn għandu x’jaqsam mas-sbuħija—u b’hekk il-valur—tal-ħaġra.
“Ejja nibdew bil-qatgħa. Qatgħa tajba hija biċċa xogħol taʼ arti, skultura fiċ-ċokon, tistaʼ tgħid. Ħares ħarsa sewwa lejn dak id-djamant forma taʼ qalb li kont qed tammira. Il-forma mhix waħda ħafifa biex taħdimha, u hi waħda li tinħtieġlek li tissagrifika iktar mill-ħaġra oriġinali minn forom oħra. Innota kif il-faċċati nħadmu b’simetrija biex itejbu s-sbuħija taʼ din il-ħaġra prezzjuża. Nistgħu ngħidu li dan id-djamant partikulari għandu qatgħa mill-aqwa.
“Għall-ewwel int bqajt impressjonat bid-daqs tiegħu, u mhux taʼ b’xejn la qed nitkellmu fuq ħaġra kbira taʼ 8 karat. Karat hu ekwivalenti għal tnejn minn kull għaxar parti taʼ gramma, bil-ħaqq, u allura nsiru nafu kemm hemm karat sempliċement billi niżnu l-ħaġra. Ġeneralment, iktar ma djamant ikollu karat iktar ikun jiswa, imma l-valur tiegħu jiddependi wkoll fuq il-lewn u fuq iċ-ċarezza.
“Issib djamanti taʼ kull lewn u għamla, bħalma stajt tinnota mill-pakkett taʼ ħaġar mhux irfinut li wrejtek qabel. L-ewwel ħaġa li nagħmlu hi li nagħżluhom skond il-kulur, billi l-bojod huma dawk li jiswew l-iktar. Għalkemm, hemm xi ftit ħaġar li għandhom dawk li nsejħulhom ilwien ħelwin, bħar-roża, il-blu, jew l-aħmar; u dawn iġibu prezzijiet ogħla mill-bojod, peress li huma rari ferm.
“Fl-aħħar, irridu nistmaw il-ħaġra skond iċ-ċarezza tagħha. Jekk ħaġra tiġi kklassifikata bħala bla difett, dan ikun ifisser li meta tħares ġewwa l-ħaġra—saħansitra b’lenti—ma tara ebda imperfezzjoni. B’hekk, il-qatgħa, iċ-ċarezza, u l-lewn taʼ djamant jistgħu jkunu importanti daqs kemm hu l-piż f’karat. Biex nagħtik eżempju, fl-1995, ħareġ għall-wiri dak li x’aktarx hu l-akbar djamant (546.67 karat) li qatt inħadem. Imma minkejja d-daqs tiegħu—kważi daqs ballun tal-golf—dan mhux l-iktar djamant għali fid-dinja, minħabba ċ-ċarezza inferjuri u l-lewn kannella safrani tiegħu.”
Qabel tlaqt minn Antwerp, tkellimt maʼ Hans Wins, li ilu involut fl-industrija tad-djamanti għal 50 sena. Ridt nistaqsi l-aħħar mistoqsija, X’inhi dik il-ħaġa li lil djamant tagħmlu tant speċjali?
“Id-djamanti ż-żgħar ma tantx insibhom eċċitanti—dawn jistgħu saħansitra jitfasslu fuq magna,” weġibni. “Imma d-djamanti l-kbar jaffaxxinawni. Kull ħaġra hi differenti—ħolqien uniku magħsur mill-faħam tul miljuni taʼ snin taʼ pressa vulkanika. Meta tistudjaha l-ħaġra tkun tistaʼ attwalment tara l-linji tat-tkabbir, xi ħaġa bħal dawk f’zokk taʼ siġra. Negozjant taʼ esperjenza kapaċi saħansitra jgħidlek minn liema minjiera ġiet.
“Manifattur tad-djamanti jħares lejn ħaġra bħal din bl-istess mod li skultur iħares lejn blokka rħam. Diġà jkun qed jara f’moħħu x’jistaʼ joħloq. Fl-immaġinazzjoni tiegħu, ikun qed inaqqax u jillixxa sakemm toħroġ ħaġra prezzjuża taʼ l-għaġeb. Nispera li meta d-djamant isib il-post aħħari tiegħu fuq xi ċurkett jew xi kullana, sidu jieħu l-istess pjaċir bih.”
Fl-aħħar mill-aħħar, hu għalhekk li min jagħmel djamant ma jagħmlux għalxejn.
[Nota taʼ taht]
a Raġuni ewlenija għall-prezz għoli tad-djamanti hi l-kontroll minn monopolju mmexxi mill-Organizzazzjoni Ċentrali tal-Bejgħ.
[Stampi fʼpaġna 15]
Djamant taʼ 8 karat għamla taʼ qalb (il-ħaġar mhux skond id-daqs)
Qatgħa għamla taʼ lanġasa
Qatgħa msejħa “kappell tal-Kardinal”
Jitqies il-karat taʼ ħaġar mhux minqux
Jintgħażlu d-djamanti mhux irfinuti skond il-kulur
L-eżaminar tal-faċċati biex jiġi ddeterminat jekk hemmx bżonn taʼ iktar lostru