Ġenna Ħielsa Mill-inkwiet Sempliċement Ħolma?
“X’PAĊI hawn!” Il-veduta mill-foresta taʼ l-arżnu li qiegħda fuq Redfish Lake fl-istat taʼ Idaho, l-Istati Uniti, kienet tassew serena. “Eżatt kif nimmaġina li tkun il-ġenna,” qal il-vjaġġatur.
Ix-xemx bdiet tiddi qawwija fuq il-kosta tan-Nofsinhar tal-gżira Mediterranja taʼ Ċipru. Il-mewġ beda jħaxwex bil-mod max-xatt. Bil-qiegħda f’restorant fuq il-quċċata taʼ rdum u b’din il-veduta quddiemu, il-viżitatur esklama: “Din hi l-ġenna!”
Ħafna minna jgħożżu memorji taʼ xeni bħal dawn. Imma r-residenti jirrealizzaw li ambjent bħal ġenna ħafna drabi jostor ir-realtajiet ħorox tal-ħajja taʼ kuljum: nirien fl-għoljiet bil-boskijiet fit-tarf tar-Rocky Mountains, tniġġis tal-baħar li jeffettwa lill-ħut u fl-aħħar mill-aħħar lill-bniedem—biex ma nsemmux il-konflitti internazzjonali u interkomunali li jheddu l-ħajja.
Ġenna—X’inhi?
Int kieku kif timmaġina li tkun ġenna? The New Shorter Oxford English Dictionary joffri bħala l-ewwel definizzjoni tiegħu: “Il-ġnien t’Għeden deskritt f’Ġen[esi] 2, 3.” Dan jirreferi għad-deskrizzjoni, li tinsab fl-ewwel ktieb tal-Bibbja, tar-reġjun fejn Alla poġġa lill-ewwel bniedem, Adam. F’dik il-Ġenna oriġinali, siġar “li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel” kienu jikbru bl-abbundanza.—Ġenesi 2:9.
It-tieni definizzjoni taʼ din il-kelma fid-dizzjunarju torbot il-kelma “ġenna” maʼ “Sema, fit-teoloġija Kristjana u Musulmana” imma mbagħad iżżid: “Issa prinċipalment poet[ika].” Għall-vjaġġatur u l-viżitatur tagħna, madankollu, il-ġenna kienet “reġjun taʼ sbuħija jew għaxqa li tisboq,” it-tielet definizzjoni tad-dizzjunarju.
Sir Thomas More, l-istatista Britanniku tas-seklu 16, kiteb ktieb intitolat Utopia li fih iddeskriva pajjiż immaġinarju fejn il-liġijiet, il-gvern, u l-kundizzjonijiet soċjali kienu perfetti. Tant ma kienx reali li llum Webster’s New Collegiate Dictionary jagħti definizzjoni waħda taʼ “Utopja” bħala “skema mhix prattika għal titjib fis-soċjetà.”
Għas-segwaċi taʼ Jim Jones, il-mexxej tas-setta People’s Temple, Utopja kienet biċċa art lixxa fil-ġungla taʼ Guyana. B’dispjaċir, fl-1978 din il-ġenna tant ittamata saret ix-xena tal-mewt taʼ iktar minn 900 minnhom—esperjenza li twaħħax tabilħaqq! Bħala riżultat, in-nies xi kultant jorbtu l-kunċett taʼ ġenna maʼ setet strambi li l-prattiċi tagħhom jaħsdu u jinkwetaw lil dak li jkun.
F’dinja fejn il-kriminalità u l-vjolenza huma taʼ theddida, fejn il-mard jhedded kemm lill-adulti kif ukoll lit-tfal, u fejn il-mibegħda u d-differenzi reliġjużi jifirdu l-komunitajiet, postijiet sbieħ, ħafna drabi ma jkunu xejn iktar minn sempliċement kisja minn barra. Mhux taʼ b’xejn li n-nies jaħsbu li l-ġenna m’hi xejn ħlief ħolma! Imma dan ma waqqafx lil xi nies milli jipprovaw isibu jew saħansitra jagħmlu ġenna għalihom infushom. Kemm kellhom suċċess?