Il-Ħarsa Tal-Bibbja
Kif Tistaʼ Tibżaʼ minn Alla taʼ Mħabba?
“HIENI L-BNIEDEM LI JIBŻAʼ MILL-MULEJ.”—Salm 112:1.
JEKK “Alla hu mħabba,” bħalma tiddeskrivih il-Bibbja, għala għandu jkun neċessarju li tibżaʼ minnu? (1 Ġwann 4:16) L-imħabba u l-biżaʼ ġeneralment huma meqjusin bħala inkompatibbli. Mela, liema rwol għandu jkollu l-biżaʼ fir-relazzjoni tagħna maʼ Alla? Għala tibżaʼ minn Alla taʼ mħabba? Ħarsa mill-qrib lejn kif il-kelma “biżaʼ” tintuża fil-Bibbja tistaʼ tipprovdilna fehma aħjar fuq din il-kwistjoni.
Fil-biċċa l-kbira tal-lingwi kelma waħda jistaʼ jkollha diversi tifsiriet, jiddependi mill-kuntest. Nagħtu każ, f’xi lingwi wieħed jistaʼ jgħid: “Inħobbu l-ġelat” kif ukoll, “Inħobbhom ’l uliedi.” Hemm differenza kbira fl-intensità u fit-tipi taʼ mħabba li qed jiġu espressi. B’mod simili, il-Bibbja titkellem dwar tipi differenti taʼ biżaʼ. Meta tuża l-kelma f’konnessjoni mal-qima taʼ Alla, mhux qed tirreferi għal waħx, qatgħa, jew sens taʼ kastig imminenti. Minflok, il-biżaʼ minn Alla jittrasmetti sentimenti pożittivi—stagħġib, reverenza, u rispett profond. Dawn l-emozzjonijiet nobbli huma marbutin maʼ l-imħabba u l-attrazzjoni lejn Alla, mhux xi istint biex taħrab jew tistaħba minnu.
Il-biżaʼ minn Alla jwarrab biżaʼ terrifikanti u tiranniku. Is-salmista kiteb dwar il-bniedem li jibżaʼ minn Alla: “Xejn ma jibżaʼ minn aħbar ħażina; qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej.” (Salm 112:7) L-ebda theddid minn bnedmin mill-agħar jew minn Satana nnifsu ma jistgħu jegħlbu r-rispett u r-reverenza profondi tagħna lejn Jehovah. (Luqa 12:4, 5) Lanqas m’għandna għalfejn nibżgħu nersqu lejn Alla fit-talb. Minflok, f’dan il-kuntest, “l-imħabba . . . tkeċċi l-biżaʼ ’l barra.”—1 Ġwann 4:18.
Is-Smewwiet u l-Maestà taʼ Alla
Is-Sultan David tal-qedem kien raġel li jibżaʼ minn Alla. Hu kien mgħaġġeb meta kien qed jikkontempla dwar is-sbuħija u l-komplessità tal-ħolqien. Hu esklama: “Infaħħrek; għax tal-biżaʼ u tal-għaġeb jien magħmul: tal-għaġeb huma l-egħmejjel tiegħek; u dan ruħi tafu tajjeb.” (Salm 139:14, KŻ) Waqt li kien qiegħed jiċċassa lejn is-sema bil-lejl, hu esklama: “Is-smewwiet ixandru l-glorja taʼ Alla.” (Salm 19:2 [19:1, NW]) Timmaġina li David kien imbeżżaʼ minn din l-esperjenza? Għall-kuntrarju, din qanqlitu biex ikanta tifħir lil Jehovah.
L-għarfien miżjud li għandna llum dwar is-smewwiet jagħtina raġuni saħansitra iktar qawwija biex nistagħġbu. Dan l-aħħar, astronomi li wżaw it-Teleskopju Hubble Space ittawlu fil-fond fis-smewwiet iktar minn kwalunkwe bniedem qabilhom. Għażlu parti mis-sema li dehret vojta għal teleskopji fuq l-art u ffokaw il-Hubble fuq żona li fiha biss daqs ramla fina jekk iżżommha ’l bogħod f’idek. L-istampa li rriżultat kienet iffollata, mhux bi kwiekeb individwali, imma b’galassji—sistemi vasti li jikkonsistu f’biljuni taʼ kwiekeb—li qatt qabel ma kienu dehru mill-bniedem!
Il-kobor, il-misteri, u l-għeġubijiet taʼ l-univers jimmeraviljaw lil wieħed li jkun qiegħed josservah bl-attenzjoni. Madankollu, għeġubijiet bħal dawn huma sempliċi rifless tal-glorja u l-qawwa tal-Ħallieq. Il-Bibbja ssejjaħ lil Alla Jehovah l-“Missier, l-għajn tad-dawl” u tgħidilna li hu qiegħed “jgħodd in-numru tal-kwiekeb; kollha jsejjħilhom b’isimhom.”—Ġakbu 1:17; Salm 147:4.
L-immensità taʼ l-univers tistaʼ tidher ukoll mill-ħin meħud minn ġrajjiet ċelestjali. Id-dawl mill-galassji ffotografati mit-Teleskopju Hubble Space kien ilu jivvjaġġa fl-ispazju għal biljuni taʼ snin! M’għandniex inħossuna mgħaġġbin u jkollna reverenza profonda lejn il-Wieħed li għamel il-kwiekeb meta nqisu kemm aħna ġodda u ċkejknin meta mqabblin mal-permanenza tas-smewwiet? (Isaija 40:22, 26) Li nirrealizzaw li dak Alla li ħalaq dan kollu ‘jiftakar fil-bniedem u jaħseb fih’ ukoll, iżid l-istima tagħna lejn il-Ħallieq tagħna u jagħmilna nkunu rridu nsiru nafuh u nogħġbuh. (Salm 8:4, 5 [8:3, 4, NW]) Rispett u apprezzament sublimi bħal dan huwa dak li l-Bibbja ssejjaħlu l-biżaʼ taʼ Alla.
Alla li Jaħfer
Aħna lkoll imperfetti. Saħansitra meta nipprovaw nagħmlu t-tajjeb, aħna nidinbu bla ma rridu. Meta jiġri hekk, għandna nibżgħu li nitilfu l-favur taʼ Alla? Is-salmista kiteb: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ? Imma għandek hemm il-maħfra, biex hekk inqimuk fil-biżaʼ tiegħek.” (Salm 130:3, 4) Li l-‘Grandjuż li Għamilna’ għandu jkun daqshekk qalbu tajba u jaħfer, jispira apprezzament u rispett profondi fl-adoraturi tiegħu.—Isaija 54:5-8, NW.
Il-biżaʼ minn Alla jimmotivana biex nagħmlu t-tajjeb kif ukoll biex inżommu lura milli nagħmlu dak li Alla jgħid li huwa ħażin. Ir-relazzjoni tagħna maʼ Missierna tas-sema tistaʼ titqabbel maʼ dik taʼ missier uman twajjeb, mat-tfal tiegħu. Xi drabi, it-tfal forsi ma jiftakrux għala missierhom ma jkunx iridhom jilagħbu fit-triq. Xorta waħda, meta jkunu se jiġru għal wara l-ballun f’nofs triq li jgħaddi minnha t-traffiku, il-ħsieb tal-projbizzjoni taʼ missierhom iżommhom lura—x’aktarx isalvahom mill-mewt. Bl-istess mod, meta adult jibżaʼ minn Jehovah dan jistaʼ jżommu lura milli jikkommetti att li jistaʼ jirrovina l-ħajjiet—tiegħu stess u dawk taʼ oħrajn.—Proverbji 14:27.
Biżaʼ mill-Ġudizzju taʼ Alla
B’kuntrast maʼ dan, persuna li l-kuxjenza tagħha ma żżommhiex lura milli tweġġaʼ lil Alla għandha għalfejn tkun beżgħana f’mod differenti ħafna. Sewwa sew bħalma gvernijiet umani jikkastigaw nies kriminali, Alla għandu d-dritt jaġixxi kontra dawk li jagħmlu l-ħażin apposta u ma jindmux. Minħabba li Alla temporanjament qiegħed jippermetti l-ħażen xi wħud qegħdin jiħraxu iżjed f’korsa ħażina. Imma l-Bibbja turi b’mod ċar li xi darba dalwaqt hu se jneħħi l-elementi ħżiena kollha mill-art. (Salm 37:9, 10; Koħèlet 8:11; 1 Timotju 5:24) L-uħud mill-agħar li ma jindmux għandhom raġun jibżgħu mill-kastig taʼ Alla. Madankollu, dan it-tip taʼ biżaʼ m’huwiex ix-xorta taʼ biżaʼ li tirrikkmanda l-Bibbja.
Minflok, il-Bibbja tassoċja l-biżaʼ minn Jehovah maʼ affarijiet sbieħ fil-ħajja—il-kant, il-ferħ, it-tama, l-għerf, l-għomor twil, il-fiduċja, il-prosperità, l-isperanza, u s-sliem, biex insemmu biss ftit.a Jekk inkomplu mexjin fil-biżaʼ taʼ Jehovah, se ngawdu barkiet bħal dawn għal dejjem.—Dewteronomju 10:12-14.
[Nota taʼ taħt]
a Ara Eżodu 15:11; Salm 34:12, 13 [34:11, 12, NW]; 40:4 [40:3, NW]; 111:10; Proverbji 10:27; 14:26; 22:4; 23:17, 18; Atti 9:31.
[Sors tal-Istampa fʼpaġna 26]
Korteżija taʼ l-Osservatorju Anglo-Awstraljan, ritratt minn David Malin