L-ilma U Saħħtek
“MA TISTAX tafda fuq meta jaqbdek l-għatx biex tkun taf kemm ilma għandu bżonn ġismek,” tgħid ir-rivista Health. Madankollu, li tixrob ħafna ilma huwa essenzjali għall-benesseri fiżiku u emozzjonali tagħna, kif ukoll għall-apparenza tagħna. Ġisimna kontinwament jitlef l-ilma permezz taʼ l-għaraq, id-dmugħ, u l-awrina kif ukoll permezz tan-nifs. Dan il-fluwidu mitluf għandu jiġi ssostitwit. X’inhu l-ammont meħtieġ? Ħafna awtoritajiet jirrikkmandaw li tixrob minn taʼ l-inqas tmien tazzi—nofs gallun—kuljum.
Għala? L-ilma huwa vitali biex iġorr nutrijenti ġewwa ġisimna u biex jelimina ħmiġijiet. Huwa neċessarju biex jirregola t-temperatura tagħna u biex jillubrika l-ġogi tagħna. “Saħansitra l-inqas nuqqas taʼ ilma jistaʼ jħallik għajjien . . . jew marid,” tinnota r-rivista Health. “It-telf taʼ l-ilma huwa l-kaġun li spiss jiġi injorat taʼ l-għeja.” Ir-rivista tirrikkmanda: “Tkunx imqarraq min-natura likwida tal-kafè u t-tè, tas-soft drinks li jkollhom il-kafeina, u taʼ l-alkoħol; dawn attwalment jikkontribwixxu biex jintilef l-ilma.” Il-kafeina u l-alkoħol jaħdmu bħala dijuretiċi u jġagħlu lill-ġisem jitlef l-ilma.
Barra minn hekk, “il-ġilda tiegħek għandha bżonn taʼ l-ilma biex tibqaʼ ratba u flessibbli.” Biex jgħinu f’dan, moisturizers jistgħu wkoll jiġu applikati. Imma dawn ma jżidux l-ilma li hemm f’ġisimna. Minflok, iħallu lega protettiva li tgħin biex jinżamm l-ilma li jkun hemm diġà fil-ġilda. Hekk kif nikbru, li nżommu dan l-ilma jsir iktar importanti peress li maż-żmien il-ġilda tagħna titlef xi ftit mill-abbiltà tagħha li tagħmel dan.
B’sogħba, fil-parti l-kbira tad-dinja, sforz konsiderevoli huwa meħtieġ biex jinkiseb biżżejjed ilma safi u nadif. Imma dan l-isforz huwa vallapena. Kun ċert li tixrob ħafna ilma, u ħu vantaġġ minn dan il-mod sempliċi biex tkun tistaʼ tidher u tħossok fl-aħjar tiegħek!