Il-Likwidu Prezzjuż tal-Ħajja—l-Ilma
LIL waħda mara Samaritana li kienet qiegħda ttellaʼ l-ilma minn bir, Ġesù kellimha dwar għajn taʼ l-ilma li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 4:14) Filwaqt li l-ilma li tkellem dwaru huwa simboliku, f’sens letterali l-ilma huwa essenzjali għall-ħajja, u l-ossiġnu biss huwa iktar essenzjali minnu f’dan ir-rigward. Persuna tistaʼ tgħix għal bosta ġimgħat mingħajr ikel imma madwar ħamest ijiem biss mingħajr ilma!
Kważi tliet kwarti mill-piż taʼ ġisimna huwa ilma. Per eżempju, il-moħħ huwa 75 sa 85 fil-mija ilma, u l-muskoli huma 70 fil-mija. Fost affarijiet oħra, l-ilma jgħinna niddiġerixxu u nassorbu l-ikel, għax iġorr is-sustanzi liċ-ċelluli. Ineħħi s-sustanzi velenużi u tniġġis ieħor, jgħin lill-ġogi u lill-musrana l-ħoxna, u jirregola t-temperatura tal-ġisem. Iżda kont taf li meta tixrob ħafna ilma jistaʼ wkoll jgħin biex tnaqqas il-piż?
Ixrob l-Ilma biex Tonqos
L-ewwelnett, l-ilma m’għandux kaloriji, m’għandux xaħam u kolesterol, u m’għandux ħafna sodju. It-tieni, jekk tixrob l-ilma jinqatagħlek l-aptit. It-tielet, l-ilma jgħin lill-ġisem biex iħaddem ix-xaħam maħżun. Kif? Mela, meta l-kliewi ma jkollhomx biżżejjed ilma, ma jkunux jistgħu jaħdmu tajjeb. Il-fwied jagħmel xi xogħol minflok il-kliewi, imma dan ifixkel l-abbiltà li jħaddem ix-xaħam b’mod effettiv. B’hekk, ix-xaħam jibqaʼ maħżun fil-ġisem, u tispiċċa żżid fil-piż. Għalhekk, it-Tabib Donald Robertson taċ-Ċentru tan-Nutriment fi Scottsdale, Arizona, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerika, jgħid, “biex tonqos huwa importanti li tixrob biżżejjed ilma. Jekk dawk li qegħdin jipprovaw jonqsu ma jixorbux biżżejjed ilma, il-ġisem ma jkunx jistaʼ jħaddem sew ix-xaħam.”
Veru, ħafna drabi meta l-ġisem iżomm l-ilma jikkaġuna żjieda fil-piż. Għalhekk, dawk il-persuni li ġisimhom għandu tendenza li jżomm l-ilma jaħsbu li s-soluzzjoni hi li ma jixorbux daqshekk ilma. Madankollu, ikun qed jiġri l-kuntrarju. Meta l-ġisem iħoss nuqqas taʼ ilma, jipprova jżomm kull qatra ilma li jsib billi jaħżinha f’postijiet bħas-saqajn, l-idejn, jew ir-riġlejn. Għalhekk, l-esperti fil-qasam tan-nutriment jirrikkmandaw li nagħtu lil ġisimna dak li għandu bżonn—ilma biżżejjed. U żomm f’moħħok li iktar ma tieħu melħ, ġismek iktar se jżomm ilma biex jgħaddih.
Agħti l-Ilma lil Ġismek
Kuljum, madwar żewġ litri ilma jiġu mneħħijin mill-ġilda, il-pulmuni, l-intestini, u l-kliewi. Kuljum nitilfu madwar nofs litru likwidu sempliċement meta nitfgħu n-nifs ’il barra. Jekk dan l-ilma ma jiġix sostitwit, nitilfu l-ilma taʼ ġo fina. Xi sinjali li jindikaw dan huma uġigħ taʼ ras, għeja, uġigħ fil-muskoli, awrina skura, intolleranza għas-sħana tax-xemx, u ħalq u għajnejn xotti.
Allura kemm għandna bżonn nixorbu ilma? It-Tabib Howard Flaks, speċjalista tal-piż żejjed, jgħid: “L-inqas li persuna b’saħħitha għandha tixrob kuljum huwa minn tmien sa għaxar tazzi taʼ kwart taʼ litru. Għandek bżonn tixrob iktar jekk tagħmel ħafna eżerċizzju jew jekk tgħix f’pajjiż fejn tagħmel ħafna sħana. Ukoll, nies li għandhom piż żejjed għandhom jixorbu tazza żejda għal kull 10 kilogrammi li jaqbżu l-piż li suppost ikollhom.” Madankollu, xi wħud issa jgħidu li huwa biżżejjed li tixrob l-ilma meta jaqbdek l-għatx, għalkemm jekk tkun bl-għatx ħafna, dan ikun jindika li ġismek kellu bżonn l-ilma minn ħafna qabel.
Tistaʼ tixrob affarijiet oħrajn minflok l-ilma? Filwaqt li jistaʼ jkun tajjeb li tħallat l-ilma mas-sugu tal-frott u tal-ħaxix, dawn ikun fihom il-kaloriji. Ukoll, dawk il-likwidi li għandhom ħafna zokkor u ħalib iġagħlu lill-ġisem ikun irid iktar ilma, għax l-ilma huwa bżonnjuż biex jiddiġerihom. Ix-xorb li fih l-alkoħol u l-kafeina, bħal kafè u t-te, iġiegħel lil dak li jkun jagħmel ħafna awrina u minħabba dan ikun hemm bżonn iktar xorb taʼ ilma biex jerġaʼ jinkiseb dak li jkun intilef. M’hemm l-ebda sostitut għal dan il-likwidu prezzjuż, l-ilma. Għalhekk, għax ma tmurx tixrob tazza ilma issa?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 15]
Suġġerimenti biex Tixrob Iktar Ilma
● Ġorr flixkun ilma.
● Ixrob tazza maʼ kull ikla.
● Ixrob qabel, waqt, u wara li tagħmel xi eżerċizzju.
● Meta tieħu waqfa mix-xogħol, ixrob ilma minflok kafè.
● Biex l-ilma tal-vit ikollu togħma aħjar, żidlu l-meraq tal-lumi jew uża filter.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 14]
Ritratt: www.comstock.com