LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 1/8 pp. 16-19
  • It-​tip Taʼ Ħwejjeġ Li Nilbsu Jagħmel Wisq Differenza?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-​tip Taʼ Ħwejjeġ Li Nilbsu Jagħmel Wisq Differenza?
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Moda x’Tesprimi?
  • X’Inhu Jiġrilha l-​Kodiċi taʼ l-​Ilbies?
  • Għala Din l-​Ossessjoni Bihom Infushom u bl-​Identità?
  • Liebes Jien kif Suppost?
  • Ilbes bil-​“Għaqal”
  • Il-​mod kif tilbes jigglorifika lil Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Ġeħova Jinteressah minn Kif Nilbsu u Nidhru
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Inkunu Modesti fl-Ilbies u d-Dehra
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
  • Jien kif nidher?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1999
g99 1/8 pp. 16-19

It-​tip Taʼ Ħwejjeġ Li Nilbsu Jagħmel Wisq Differenza?

“MA NAFX x’se naqbad nilbes!” Idoqqlok għal widnejk dan l-​appell għall-​għajnuna? M’għandniex xi ngħidu, il-​manifatturi tal-​ħwejjeġ tal-​moda huma dejjem ħerqanin biex jgħinuk​—jew aħjar iħawduk—​bil-ħwejjeġ tagħhom taʼ l-​aħħar moda.

Biex iktar jagħmluhielek diffiċli, illum il-​ġurnata t-​tendenza hija li minflok ma jħajruk tiddandan bl-​aħjar ilbies, jinkuraġġuk biex tilbes każwali. Dwar din il-​moda taʼ taħt fuq tas-​snin disgħin, editorjal fuq il-​moda jgħid hekk: “Iserraħlek moħħok li tkun taf li mhux talli hija xi ħaġa aċċettabbli li tidher mikdud, bi ħwejjeġ qodma, milbusin elf darba u bla kulur, imma hija xi ħaġa mixtieqa.”

Tabilħaqq, f’dawn l-​aħħar snin, ir-​reklamar sfrenat, il-​protagonisti tat-​televiżjoni, in-​nies taʼ madwarna, l-​avvanz tagħna nfusna, u wkoll ix-​xenqa għall-​identità, kollha ħallew il-​marka tagħhom fuq xi ħwejjeġ nilbsu, u b’mod speċjali fuq iż-​żgħażagħ. Xi wħud minnhom saħansitra jisirqu biex jilbsu tal-​moda.

Ħafna stili popolari tas-​snin disgħin joriġinaw minn kulturi estremi taʼ ftit żmien ilu bħalma kien il-​moviment tal-​hippies fis-​soċjetà tal-​punent tas-​snin sittin. Id-​daqna, ix-​xagħar twil u mgerfex, u l-​ħwejjeġ imkemmxin u żmattati kienu jimplikaw ċaħda tal-​valuri tradizzjonali. Imma l-​ilbies tar-​ribelljoni kebbes ukoll konformità ġdida, pressjoni ġdida mill-​individwi taʼ madwarna.

L-ilbies sar għodda li biha wieħed jidentifika ruħu b’mod iktar miftuħ u espressiv. Il-​ħwejjeġ, speċjalment it-​T-shirts, saru kartelluni li jirriklamaw bla ħoss xi sport popolari u eroj taʼ l-​isports, umoriżmu, ħelsien mill-​illużjoni, aggressività, moralità​—jew in-​nuqqas tagħha—​u prodotti kummerċjali. Jew inkella jistgħu jixxokkjaw. Ikkunsidra titlu li deher dan l-​aħħar fi Newsweek: “Il-​Brutalità bħala Messaġġ fuq il-​Ħwejjeġ taż-​Żgħażagħ.” L-​artiklu jikkwota lil wieħed taʼ 21 sena jgħid fuq it-​T-shirt tiegħu: “Jien nilbsu għaliex juri lin-​nies f’liema burdata nkun. M’iniex se nħalli lil ħaddieħor jgħidli x’għandi nagħmel u kulma rrid hu li jħalluni fil-​kwiet.”

Il-messaġġi stampati fuq it-​T-shirts jistgħu jvarjaw minn persuna għall-​oħra. Madankollu l-​konformità​—maʼ l-​identità taʼ grupp jew maʼ l-​ispirtu prevalenti tar-​ribelljoni, l-​attitudni taʼ jien l-​ewwel u qabel kollox, in-​nuqqas taʼ kontroll, jew il-​vjolenza—​hija evidenti. Wieħed disinjatur jagħmel toqob fil-​ħwejjeġ b’xi arma tan-​nar skond fejn ikunu jixtiquhom il-​klijenti. “Jistgħu jagħżlu toqob taʼ pistola, toqob taʼ xkubetta, jew toqob taʼ maxingann,” jgħid hu. “Dan huwa sempliċement mod kif tgħaddi messaġġ permezz tal-​ħwejjeġ.”

Il-​Moda x’Tesprimi?

“Ġeneralment il-​ħwejjeġ huma mod kif tidentifika ruħek maʼ xi tribù partikulari fis-​soċjetà,” tgħid Jane de Teliga, kuratriċi tal-​moda fil-​Powerhouse Museum, f’Sydney, l-​Awstralja. Hi tkompli: “Agħżel it-​tribù li tixtieq tidentifika ruħek miegħu u mbagħad ilbes b’tali mod biex taqbel miegħu.” Dr. Dianna Kenny, għalliema tal-​psikoloġija fl-​Università taʼ Sydney, qalet li bħala mezz sabiex jiġu kklassifikati n-​nies, il-​ħwejjeġ huma importanti daqs ir-​reliġjon, ir-​rikkezzi, ix-​xogħol, l-​affiljazzjoni etnika, l-​edukazzjoni, u l-​indirizz tad-​dar. Skond ir-​rivista Jet, qamet tensjoni razzjali ġewwa skola fl-​Istati Uniti fejn il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​istudenti kienu Bojod. L-​inkwiet beda “meta l-​istudenti bniet Bojod bdew jagħmlu xagħarhom malji, jilbsu ħwejjeġ wesgħin, u jimitaw modi oħrajn tal-​‘hip-hop’ peress li dawn il-​modi kienu assoċjati man-​nies Suwed.”

It-tribaliżmu huwa evidenti wkoll f’ċerti sottokulturi, bħal per eżempju fix-​xena tal-​mużika: “F’ħafna każi,” tgħid ir-​rivista Maclean’s, “l-​ilbies jaqbel mal-​mużika favorita taʼ dak li jkun: dawk li jħobbu r-​reggae jilbsu l-​kuluri u l-​brieret jgħajtu tal-​Ġamajka, filwaqt li dawk li jippreferu l-​grunge rock jiddandnu b’barnużi taʼ l-​iskijing u qomos iċċangjati.” Imma tkun liema varjetà tkun, id-​dehra taʼ lbies kif ġie ġie, każwali, u żmattat, magħrufa bħala grunge, tistaʼ tqumlek kemxa flus ġmielha.

X’Inhu Jiġrilha l-​Kodiċi taʼ l-​Ilbies?

“Kollox huwa l-​kontra taʼ dak li wieħed jistaʼ jaħseb,” jgħid il-​ġurnalist Woody Hochswender. “Il-​moda taʼ l-​irġiel, li qabel kienet iggvernata minn kodiċi stretta, issa saret dejjem iżjed bla kontroll . . . Donnu kollox għandu jidher daqs li kieku lbist xi xkora.” Madankollu, din it-​tendenza tistaʼ f’ċerti każi tikxef l-​attitudni taʼ li tiġi taqaʼ u tqum minn kulħadd. Jew tistaʼ tirrifletti nuqqas taʼ rispett lejk innifsek jew nuqqas taʼ rispett lejn ħaddieħor.

F’artiklu dwar kif l-​istudenti jħarsu lejn l-​għalliema, il-​ġurnal Perceptual and Motor Skills jispjega li “għalkemm dak l-​għalliem li kien jilbes il-​jeans kien meqjus bħala li jġib xi ftit taʼ l-​umoriżmu fil-​klassi, l-​opinjonijiet tiegħu kienu l-​inqas li jagħtu kashom u taʼ spiss kien jintgħażel bħala l-​għalliem li donnu ma jaf xejn.” L-​istess ġurnal jikkummenta li “dik l-​għalliema li kienet tilbes il-​jeans kienu jieħdu pjaċir biha, kienet avviċinabbli, ma tantx kienet meqjusa li taf ħafna, ftit li xejn tqanqal ir-​rispett, ma kellhiex dehra taʼ għalliema, u ġeneralment kienet il-​preferuta taʼ kulħadd.”

Sadattant, fid-​dinja tan-​negozju, insibu messaġġ ieħor mgħoddi permezz tal-​moda: l-​ilbies tal-​poter. F’dawn l-​aħħar snin kien hemm ħafna iktar nisa li xtaqu jilħqu pożizzjonijiet ogħla fix-​xogħol tagħhom. “Jien nilbes biex nattakka,” tgħid Marie, waħda mlaħħqa f’kumpanija li tippubblika l-​kotba. “Irrid nispikka. Irrid nuri lili nnifsi bħala xi ħaġa fantastika,” hi tkompli. Marie hi onesta f’li turi li moħħha huwa biss fiha nfisha.

Il-ħwejjeġ tal-​moda popolari bla ma jridu jsibu ruħhom fil-​knejjes ukoll. Xi wħud minn dawk li huma konxji ħafna tal-​moda wżaw saħansitra l-​knisja fejn imorru huma sabiex juru lil kulħadd l-​aħħar tibdila li jkunu xtraw. Madankollu, illum, il-​membri tal-​kleru, filwaqt li jkunu mlibbsin bl-​ilbies wiesaʼ u twil tagħhom, taʼ spiss iħarsu ’l isfel mill-​pulptu u jaraw knisja mimlija nies lebsin il-​jeans u l-​papoċċi jew ilbies ieħor taʼ l-​aħħar moda.

Għala Din l-​Ossessjoni Bihom Infushom u bl-​Identità?

Il-​psikologi jgħidu li l-​ħwejjeġ tal-​moda​—speċjalment fost iż-​żgħażagħ—​huma aspett taʼ egoċentriżmu, fis-​sens li dak li jkun jużahom biex jiġbed l-​attenzjoni fuqu. Huma jiddeskrivuhom bħala “t-​tendenza kronika min-​naħa taʼ l-​adolexxent li jara lilu nnifsu bħala ċ-​ċentru taʼ l-​attenzjoni taʼ ħaddieħor.” Fil-​fatt, l-​individwu jkun qed jgħid: “Jien naħseb li int ossessjonat bija daqskemm jien ossessjonat bija nnifsi.”​—American Journal of Orthopsychiatry.

Filosofiji li jpoġġu lill-​bniedem fiċ-​ċentru taʼ kollox u li jqisu lil Alla irrilevanti ġabu ’l quddiem ukoll ir-​raġunar (li taʼ spiss id-​dinja tal-​kummerċ tippromwovih) li int, l-​individwu, int l-​iktar persuna importanti fl-​univers. Il-​problema hi li issa hawn kważi sitt biljuni minn dawn in-​nies ‘l-​iktar importanti.’ Miljuni taʼ nies fir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu spiċċaw biex ċedew taħt dan l-​attakk materjalistiku, u qed jiġru wara “ħajja komda hawn u issa.” (Qabbel it-​2 Timotju 3:​1-5.) Żid maʼ dan kollu t-​tmermir tal-​familja u taʼ l-​imħabba ġenwina, u m’għandniex niħduha bi kbira li ħafna nies, b’mod partikulari ż-​żgħażagħ, qed jiggranfaw maʼ kull tibna sabiex isibu sens taʼ identità u sigurtà.

Madankollu, dawk l-​uħud li jimpurtahom mill-​ilbies li jilbsu u l-​waqfa tagħhom quddiem Alla jistaqsu awtomatikament: Sa liema punt għandi nimxi mal-​kodiċi li dejjem jinbidlu taʼ l-​ilbies? Kif inkun naf jekk l-​ilbies tiegħi jkunx xieraq? Qiegħed dan jgħaddi messaġġi li jħawdu jew saħansitra żbaljati dwari?

Liebes Jien kif Suppost?

Dak li nilbsu huwa essenzjalment kwistjoni t’għażla persunali. Il-​gosti individwali tagħna jvarjaw, bħalma jvarjaw il-​mezzi finanzjarji tagħna. U d-​drawwiet ivarjaw minn post għal ieħor, minn pajjiż għal ieħor, u minn klima għal oħra. Imma hi x’inhi s-​sitwazzjoni tiegħek, żomm f’moħħok dan il-​prinċipju: “Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-​sema.” (Koħèlet 3:​1) Fi kliem ieħor, ilbes skond l-​okkażjoni. U t-​tieni ħaġa, ‘kun umli fl-​imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.’​—Mikea 6:8.

Dan ma jfissirx li trid tilbes bi skruplu imma, pjuttost, b’tali mod li jkun “[i]lbies xieraq” u li jirrifletti l-​“għaqal.” (1 Timotju 2:​9, 10) Taʼ spiss, dan ifisser sempliċement li turi r-​rażna, kwalità li r-​rivista Working Woman tassoċjaha maʼ gosti tajbin u maʼ l-​eleganza. Bħala regola ġenerali, tħalli qatt li l-​ilbies tiegħek ikun l-​ewwel ħaġa li tiġi nnotata meta tidħol ġo xi kamra, u b’hekk tħalli impatt qawwi fuqhom. Working Woman tgħid: “Ilbes . . . b’tali mod li n-​nies ikunu jistgħu jaraw lil hinn minn ħwejġek u jaraw x’issarraf bħala individwu.”

Il-​ġurnal Perceptual and Motor Skills jgħid: “Ġabra taʼ kotba, li jeżaminaw l-​irwol li għandhom il-​ħwejjeġ f’li joħolqu stampa taʼ dak li jilbishom u l-​messaġġ li dawn jgħaddu lil ħaddieħor, tindika li l-​ilbies huwa kejl importanti li jużaw in-​nies sabiex jifformaw l-​ewwel ġudizzju dwar xi ħaddieħor.” Fuq din il-​linja taʼ ħsieb, waħda mara bejn l-​erbgħin u l-​ħamsin sena, li qabel kienet tixxala bil-​poter li kellha biex tattira lin-​nies b’dak li kienet tilbes, tgħid: “Dan kollu kien joħloqli problemi enormi għax dan il-​mod taʼ lbies ma kienx jaqtaʼ linja bejn il-​ħajja professjonali u dik privata tiegħi. Dejjem kien ikun hemm xi rġiel tan-​negozju li kienu jkunu jriduni mmur niekol magħhom.” Waħda accountant innotat dan rigward stili opposti: “Jien rajt kif l-​irġiel iġibu ruħhom maʼ dawk in-​nisa li jilbsu b’mod każwali, jew b’tali mod li jsiru qishom irġiel. Lil dawn iqisuhom bħala nisa aggressivi li dejjem lesti biex jattakkaw l-​iktar punt dgħajjef taʼ xi ħadd u jsibuha iktar diffiċli ħafna biex jinnegozjaw maʼ l-​irġiel.”

Tfajla żagħżugħa jisimha Jeffie indunat li kienet qed tgħaddi messaġġi li jħawdu meta qatgħet xagħarha skond l-​aħħar moda. “Jien qistu sempliċement bħala xi ħaġa ‘differenti’ mis-​soltu,” hi tgħid. “Imma n-​nies bdew jistaqsuni, ‘Imma int veru waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah?’ u ġegħluni nistħi.” Jeffie kellha tistaqsi lilha nfisha xi mistoqsijiet penetranti. Tabilħaqq, m’huwiex minnu li “mill-​milja tal-​qalb” m’huwiex biss ħalqna li jitkellem imma wkoll l-​ilbies u l-​maxta tagħna? (Mattew 12:34) L-​ilbies tiegħek x’juri​—qalb lesta biex tiġbed l-​attenzjoni lejn il-​Ħallieq jew lejk innifsek ?

Ilbes bil-​“Għaqal”

Ikkunsidra, ukoll, l-​effett li l-​ħwejjeġ iħallu fuqek. L-​ilbies tal-​poter u l-​ilbies esaġerat jistgħu jagħmluk tħossok li int xi ħadd, l-​ilbies żmattat jistaʼ jsaħħaħ ħsibijiet negattivi li għandek dwarek innifsek, u t-​T-shirts bl-​attur jew bl-​istilla taʼ l-​isports favoriti tiegħek jew xi eroj ieħor jistgħu jimbottawk biex tqim lil dawn l-​eroj​—idolatrija. Iva, ħwejġek jitkellmu m’oħrajn—​u jgħidulhom dwarek.

Ħwejġek x’inhuma jgħidu dwarek jekk int qed tilbes biex timpressjona jew biex tisseduċi? Qiegħed b’hekk issaħħaħ xi karatteristiċi li suppost qiegħed tissielet biex tegħleb? Iktar minn hekk, x’tip taʼ persuna qed tipprova tattira? Il-​parir iddokumentat f’Rumani 12:3 (NW) jistaʼ jgħinna biex negħlbu l-​egoċentriżmu, il-​vanità, u l-​ħsibijiet negattivi. Hemmhekk l-​appostlu Pawlu jwissina ‘biex ma naħsbux dwarna nfusna iktar milli huwa neċessarju li naħsbu; imma biex naħsbu sabiex ikollna moħħ f’loku.’ Li jkollna “moħħ f’loku” jfisser li nkunu sensibbli.

Dan huwa speċjalment importanti għal dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà u fiduċja. L-​eżempju tagħhom għandu influwenza qawwija ħafna fuq oħrajn. Naturalment, dawk li qed jirsistu għal privileġġi taʼ servizz fil-​kongregazzjoni Kristjana u n-​nisa Kristjani tagħhom bl-​istess mod juru fl-​ilbies u l-​maxta tagħhom attitudni modesta u rispettabbli. Żgur li qatt ma nixtiequ nkunu bħal dak ir-​raġel li Ġesù identifika fit-​tixbieha tiegħu tal-​festa tat-​tieġ: “Mela jidħol is-​sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-​mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-​festa tat-​tieġ.” Malli sar jaf li dan ir-​raġel ma kellu l-​ebda raġuni valida biex jilbes b’daqshekk nuqqas taʼ rispett, “is-​sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu, ‘Orbtulu riġlejh u jdejh u waddbuh ’il barra.’”​—Mattew 22:​11-​13.

B’hekk, huwa importanti li l-​ġenituri, bil-​kliem u bl-​eżempju, jikkultivaw ġewwa wliedhom attitudni xierqa u gosti tajbin fejn jidħol l-​ilbies. Dan jistaʼ jfisser li xi kultant il-​ġenituri jkollhom ikunu xi ftit ibsin meta jirraġunaw mat-​tifel jew it-​tifla tagħhom. Imma kemm huwa taʼ inkuraġġiment meta niġu mfaħħrin bla mistenni għal-​livell għoli fl-​ilbies u l-​kondotta tagħna u tat-​tfal!

Iva, il-​qaddejja taʼ Jehovah nħelsu mill-​vanità, mill-​moda li tiswa l-​flus, u mill-​ossessjoni bihom infushom. Huma għandhom il-​prinċipji divini biex jiggwidawhom, u mhux l-​ispirtu tad-​dinja. (1 Korintin 2:12) Jekk int timxi maʼ dawn il-​prinċipji, m’għandux ikun wisq diffiċli biex tagħżel x’se tilbes. Barra minn hekk, l-​istess bħal gwarniċ li jixraq mar-​ritratt, ħwejġek la se jifgaw il-​personalità tiegħek u lanqas se jinsultawha. U iktar ma tipprova tkun bħal Alla, iktar se tikkultiva sbuħija spiritwali li l-​ebda gwardarobba m’hi kapaċi tagħtik.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja