Il-Warda tal-Passjoni kif Ħadet Isimha?
GĦAL liema passjoni qed nirreferu? Milli jidher m’hijiex xi passjoni romantika.
L-istorja kollha hi li lura fis-seklu 16, din il-pjanta ngħatat isimha minn xi qassisin Kattoliċi Rumani. Dawn qalu li xi partijiet tal-fjura kienu jfakkruhom fil-passjoni, jew tbatija, u l-mewt taʼ Ġesù Kristu. Ifli l-istampa sewwa, u forsi tkun tistaʼ tifhem l-ispjegazzjoni tagħhom. Huma qalu li l-ħames petali u l-ħames sepalijiet donnhom petali tal-fjura jirrappreżentaw l-għaxar appostli leali li baqgħu maʼ Kristu waqt it-tbatija tiegħu. (Huma qablilhom iħallu barra lil Ġuda, it-traditur, u lil Pietru, li ċaħad lil Kristu tliet darbiet.) Huma saħansitra raw il-kuruna tax-xewk taʼ Kristu f’dik li qisha kuruna taʼ xagħar li hemm ftit ’il fuq mill-petali. Il-ħames stamijiet (strutturi maskili li jipproduċu t-trab tad-dakkir) kienu jirrappreżentaw il-ħames pjagi li jingħad li kellu Kristu. It-tliet filamenti, li huma twal iktar mill-ovarju, jispiċċaw fi stigma donnha buttuna, u b’hekk pjuttost jixbhu lil xi musmar b’ras kbira. Dawn kien jingħad li jirrappreżentaw l-imsiemer li ntużaw fl-esekuzzjoni taʼ Ġesù. Dawk il-qassisin ċertament li ma kinux neqsin mill-immaġinazzjoni!
Meta skoprew din il-fjura sabiħa, din kienet tikber f’dik li issa nsejħulha l-Amerka Latina. Illum hija kultivata f’ħafna partijiet tad-dinja, inkluż ħafna ġonna botaniċi. Id-dijametru tagħha jvarja minn 13 sa 150 millimetru, u hemm varjetà kbira taʼ kuluri.
Hemm bejn wieħed u ieħor 400 speċi taʼ ward tal-passjoni, li normalment jikbru fir-reġjuni iktar sħan tad-dinja. Uħud minnhom saħansitra jipproduċu frott li jistaʼ jittiekel, li jistaʼ jkun kemxejn qares jew inkella ħelu manna. Dan il-frott jistaʼ jintuża biex isir il-juice, il-marmellata, u saħansitra l-ġelat. Il-granadilla ġganteska tixbah lill-qargħa u għandha mnejn tkun tiżen xi tliet kilogrammi u nofs.
Bħalma tistaʼ tifhem, hemm wisq iktar x’tistaʼ titgħallem dwar fjura minn dak li jidher mad-daqqa t’għajn. U hemm xi 250,000 speċi t’anġjospermi jew pjanti li jipproduċu l-fjuri! X’suġġett dak għal student akkanit tal-florikultura!
[Dijagramma f’paġna 23]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
SEPALIJIET
KURUNA TAʼ XAGĦAR
PETALI
FILAMENTI
STAMIJIET