Int Li Tħobb Tixxemmex Ipproteġi l-Ġilda Tiegħek!
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-BRAŻIL
TĦOBB tqattaʼ xi btala ħdejn il-baħar? Xi ngħidu għal ħarġa fil-kampanja? Allura int wieħed mill-miljuni taʼ nies li jħobbu l-attivitajiet fil-beraħ. Madankollu, oqgħod attent: Dan taʼ spiss ikun ifisser iktar ħin fix-xemx. Hemm xi periklu b’daqshekk? Jekk iva, kif tistaʼ tipproteġi lilek innifsek?
“Il-ġilda tiegħek hija l-akbar u wieħed mill-iktar organi viżibbli f’ġismek,” jikteb Dr. W. Mitchell Sams, Jr. Il-ġilda tiegħek tipproteġi lil ġismek billi żżommu milli jixxotta mill-ilma u billi żżommok sħun. Permezz tagħha int tistaʼ tħoss il-kesħa, is-sħana, l-uġigħ, u l-vibrazzjonijiet, kif ukoll affarijiet ħorox jew lixxi. Il-ġilda tiegħek għandha wkoll irwol importanti fil-produzzjoni tal-vitamina D, li hija essenzjali għall-iżvilupp taʼ l-għadam. Din il-produzzjoni tal-vitamina D isseħħ bl-għajnuna tad-dawl tax-xemx.
Madankollu, il-periklu jiżdied meta tesponi l-ġilda għad-dawl tax-xemx iktar milli suppost. Ir-radjazzjoni solari li tasal sa wiċċ l-art hija komposta minn dawl infrared u dawl viżibbli, kif ukoll dawl ultravjola taʼ l-iskala A u B (UVA u UVB). Fortunatament, l-atmosfera tassorbi r-raġġi kosmiċi, ir-raġġi gamma, u l-X rays li tipproduċi x-xemx. Il-faxx taʼ l-ożonu fl-atmosfera jimblokka b’mod effettiv ir-radjazzjoni ultravjola Ċ (UVC) u jiffiltra l-biċċa l-kbira taʼ l-UVA u l-UVB. Sfortunatament, dan il-faxx taʼ l-ożonu qed iġarrab il-ħsara f’xi postijiet. Ħafna xjenzati qed iwaħħlu f’ċerti sustanzi li jintużaw biex ikessħu u fil-bottijiet taʼ l-isprej. Hu x’inhu l-każ, li wieħed jesponi ruħu għax-xemx qed isir taʼ ħsara għal saħħtu iktar minn qatt qabel.
Minbarra li tieħdok ix-xemx, ir-raġġi ultravjola jistgħu jikkaġunaw tbajjaʼ kannella u bil-mod il-mod il-ġilda tiegħek tibda teħxien u tixxotta. Ir-raġġi ultravjola jistgħu wkoll idgħajfu l-fibri elastiċi tal-ġilda tiegħek, bir-riżultat li tibda tixjieħ qabel iż-żmien, flimkien maʼ dak il-misħut tikmix. Agħar minn hekk, li tesponi żżejjed il-ġilda għar-raġġi ultravjola jistaʼ jeffettwa s-sistema taʼ l-immunità taʼ ġismek u jistaʼ jwassal għall-iżvilupp taʼ mard f’xi organi tal-ġisem jew kanċer fil-ġilda. Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, ġilda li ġġarrab xi ħsara jew mard teffettwa d-dehra tiegħek u tistaʼ, f’xi każi, tikkontribwixxi għal sentimenti taʼ insikurezza u saħansitra dipressjoni.
X’Tistaʼ Tagħmel?
Il-ġilda tiegħek teħtieġ protezzjoni mix-xemx kull jum li jgħaddi, l-istess bħalma jkollha bżonn matul perijodi qosra f’xemx tisreġ. X’jistaʼ jsir? Minbarra li tilbes ilbies protettiv u tillimita l-ħin li tqattaʼ fix-xemx, int tistaʼ ssegwi l-parir taʼ esperti li jirrikkmandaw l-użu taʼ krema protettiva. Kif tistaʼ tagħżel krema protettiva effettiva? Iċċekkja l-grad taʼ protezzjoni mix-xemx (sun protection factor) indikat mill-manifattur. Iktar ma n-numru jkun kbir, iktar ikollok protezzjoni. In-nies li jkollhom ġilda bajdanija jeħtieġu kremi protettivi li jkollhom numru taʼ SPF ogħla milli jkollhom bżonn dawk b’karnaġġjon ismar. Nota taʼ twissija: L-SPF jirreferi biss għall-protezzjoni li toffri l-krema protettiva kontra r-radjazzjoni UVB. Għaldaqstant, agħti preferenza lil kremi protettivi li joffru protezzjoni iktar vasta, peress li dawn joffru xi ftit tal-protezzjoni kontra r-radjazzjoni UVA.
It-tfal, partikolarment dawk b’ġilda bajdanija, huma b’mod speċjali sensittivi għax-xemx. Iktar minn hekk, isemmi l-ktieb Fotoproteção (Fotoprotezzjoni), it-tfal taʼ spiss iqattgħu iktar ħin fix-xemx mill-kbar. Meta tieħu passi biex tipproteġi l-ġilda tat-tfal tiegħek mix-xemx matul l-ewwel 18-il sena taʼ ħajjithom, int tistaʼ tnaqqas ħafna ċ-ċans li dawn jiżviluppaw kanċer tal-ġilda, jgħid Fotoproteção.
Id-dawl tax-xemx huwa indispensabbli għall-ħajja fuq l-art. U min ma jiħux pjaċir b’temp bnazzi u xemxi? Imma titqarraqx meta tara nies magħrufin jirriklamaw il-ġilda samra bħala l-qofol tas-sbuħija u ż-żgħożija! Ħu ħsieb saħħtek—ipproteġi l-ġilda tiegħek minn ħafna xemx.
[Kaxxa f’paġna 25]
Ħu Ħsieb il-Ġilda Tiegħek!
1. Ipproteġi lilek innifsek mix-xemx speċjalment bejn l-10:00 taʼ fil-għodu u l-4:00 taʼ wara nofsinhar, meta r-raġġi tax-xemx ikunu l-iktar qawwija.
2. Anki meta t-temp ikun imsaħħab, uża krema protettiva li toffri protezzjoni iktar vasta kontra r-raġġi UVA u UVB u li jkollha grad taʼ protezzjoni mix-xemx taʼ 15 jew iktar.
3. Erġaʼ applika l-krema protettiva kull sagħtejn meta tkun barra, speċjalment jekk tkun qed tgħum jew ikun qed joħroġlok ħafna għaraq.
4. Ilbes ħwejjeġ protettivi b’nisġa magħquda. Il-kuluri skuri joffru iktar protezzjoni.
5. Ilbes kappell li jkollu l-faldi wesgħin minn taʼ l-inqas erbaʼ pulzieri u nuċċali tax-xemx bil-lentijiet li jifilħu għar-raġġi ultravjola.
6. Fejn ikun possibbli oqgħod fid-dell.
7. Evita wċuħ li jirriflettu, bħall-ilma, ir-ramel, u s-silġ, għax dawn jirriflettu ħafna mir-raġġi dannużi tax-xemx.
[Sors]
(Ibbażat fuq Skin Savvy, pubblikat mill-American
Academy of Dermatology)
[Stampi f’paġna 25]
Ħu ħsieb is-saħħa u d-dehra tiegħek—ipproteġi l-ġilda
Tinħtieġ iktar attenzjoni f’postijiet fejn ir-raġġi tax-xemx jiġu riflessi