Int Tistaʼ Tagħżel Il-Futur Tiegħek
FILWAQT li l-qari tax-xorti kien kunsidrat bħala “għemil intellettwali kbir fid-dinja tal-qedem,” din il-ħaġa kienet “arti mwaqqgħa għaċ-ċajt mill-profeti Ebrej,” tosserva l-arkeologa Joan Oates. Għala?
Minkejja li kienu mdawrin bi ġnus li kellhom ħarsa fatalistika lejn il-ħajja, l-Iżraeliti tal-qedem ċaħdu l-idea li hemm forza bla kontroll li tifformalhom ħajjithom. Fl-istruzzjonijiet li ngħataw lill-ġens, Alla kien qalilhom: “Ma għandu jkun hemm ħadd f’nofsok li . . . jeħber, min jitkixxef il-ġejjieni, . . . [jew] min jobsor.”—Dewteronomju 18:10, 11.
Mingħajr l-idea tad-destin jew l-użu taʼ nies li jaqraw ix-xorti, l-Iżraeliti setgħu jkunu fiduċjużi dwar il-futur. Biex tispjega r-raġuni għal dan, l-enċiklopedija Kattolika Franċiża Théo tistqarr li l-ġens kien jemmen li “l-bniedem u d-dinja ma kinux il-vittmi taʼ xi forza bla kontroll. Alla kellu skop għall-bniedem.” X’kien dan l-iskop?
Id-Destin u r-Rieda Ħielsa
Lill-Iżraeliti Alla wegħedhom paċi u prosperità jekk ikunu ubbidjenti għal-liġijiet tiegħu. (Levitiku 26:3-6) Iktar minn hekk, huma stennew Messija li kellu jistabbilixxi kundizzjonijiet taʼ tjieba fuq l-art. (Isaija, kapitlu 11) Madankollu, il-fatt li Alla wiegħed dawn l-affarijiet ma kienx ifisser li n-nies setgħu joqogħdu b’idhom fuq żaqqhom u jistennew l-affarijiet jiġru waħedhom. Għall-kuntrarju, intqalilhom: “Kull ma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha.”—Koħèlet 9:10.
L-idea taʼ rieda ħielsa kienet ċentrali għal dan. L-Iżraeliti kienu ħelsin li jaqdu lil Alla u jifformaw il-futur tagħhom. Alla wegħedhom: “Jekk intom tisimgħu sewwa l-ordnijiet tiegħi, li qiegħed nagħtikom illum, u tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom, u sservuh b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha, jien nagħtikom fi żmienha x-xita għal artkom, ix-xita bikrija u x-xita mwaħħra u tiġbor il-qmuħ tiegħek, l-inbid tiegħek u ż-żejt tiegħek.” (Dewteronomju 11:13, 14) Iżrael gawda l-barkiet t’Alla meta n-nies kienu ubbidjenti.
Preċiż qabel ma daħlu fl-art li kien wegħedhom, Alla poġġa għażla quddiem il-ġens taʼ Iżrael: “Ara jiena llum qegħedtlek quddiemek il-ħajja u l-ġid, il-mewt u d-deni.” (Dewteronomju 30:15) Il-futur taʼ kull individwu kien jiddependi mill-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħu stess. Jekk wieħed jaqdi lil Alla, dan kien se jfisser ħajja u barkiet għalih, mentri jekk wieħed jirrifjuta li jagħmel dan kien se jfisser tbatija. Imma xi ngħidu għal-lum?
Il-Kawża u l-Effett
Aħna marbutin b’għadd taʼ liġijiet li saru għall-ġid tagħna. Waħda minn dawn hija l-liġi tal-kawża u l-effett, jew, bħalma tesprimiha l-Bibbja, “Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.” (Galatin 6:7) Ladarba nirrikonoxxu dan il-prinċipju, huwa possibbli li nikkunsidraw il-probabbiltà taʼ ċerti ġrajjiet futuri.
Jekk insuqu bl-addoċċ b’veloċità kbira, ikollna iktar ċans li jiġrilna xi inċident milli jekk insuqu b’attenzjoni. Jekk inpejpu, huwa iktar probabbli li niżviluppaw kanċer milli jekk ma npejpux. Veru, ġrajjiet bħall-attakki terroristiċi li ssemmew fl-artiklu tal-bidu taʼ din is-serje x’aktarx li mhux se jiġru lilna, u huwa għalxejn li noqogħdu nikkalkulaw il-probabbiltà taʼ dan. Madankollu, billi nirrikorru għall-idea tad-destin m’aħna se naslu mkien. Din ma tgħidilna xejn dwar il-preżent jew il-futur. Twemmin f’gidba ma jipprovdi ebda assiguranza minn qabel għall-futur. U lanqas li nwaħħlu f’Alla għal kulma jiġri.
X’Se Jkun il-Futur Tiegħek?
Il-futur tagħna ma nkitibx bil-quddiem iżda huwa format mill-preżent. Avolja l-ħajja hija għotja mingħand Alla, il-Bibbja tindika b’mod ċar li aħna għandna rwol fundamentali f’li niddeċiedu l-preżent u l-futur tagħna. Il-fatt li għandna l-għażla jew li nagħmlu lil Alla ferħan jew, għall-kuntrarju, li nagħmlulu qalbu sewda, juri li Alla tana f’idejna miżura taʼ kontroll fuq ħajjitna.—Ġenesi 6:6; Salm 78:40; Proverbji 27:11.
Iktar minn hekk, l-Iskrittura Mqaddsa ripetutament tenfasizza li l-futur tagħna huwa konness mas-sabar tagħna u mal-korsa taʼ ħajjitna, li ftit ikollhom tifsir kieku l-affarijiet kienu diġà predestinati. (Mattew 24:13; Luqa 10:25-28) Allura, jekk nagħżlu li nkunu ubbidjenti u leali lejn Alla, liema futur nistgħu nistennew?
Il-Bibbja tirrivela li l-umanità għandha futur mill-isbaħ. L-art se tiġi trasformata f’ġenna fejn se jirrenjaw il-paċi u s-sigurtà. (Salm 37:9-11; 46:9, 10 [46:8, 9, NW]) Dan il-futur huwa żgur għaliex il-Ħallieq li jistaʼ kollox se jwettaq il-wegħdi tiegħu. (Isaija 55:11) Imma li niġu mberkin bil-ħajja fil-Ġenna taʼ l-art ma jiddependix fuq id-destin: din se titgawda bħala riżultat taʼ li b’ubbidjenza nagħmlu r-rieda t’Alla f’dan iż-żmien. (2 Tessalonikin 1:6-8; Apokalissi 7:14, 15) Alla tana r-rieda ħielsa u jinkuraġġina: “Agħżel il-ħajja biex tgħix.” (Dewteronomju 30:19) X’se tkun l-għażla tiegħek? Iktar milli fid-destin, il-futur tiegħek jinsab f’idejk.
[Stampi f’paġna 10]
Alla għandu l-iskop li l-umanità ubbidjenti tgawdi futur meraviljuż