Minn Iljun Jgħajjat għal Ħaruf Ġwejjed
KIF RAKKONTAT MINN ENRIQUE TORRES, JR.
JIEN twelidt fl-1941 fil-gżira tal-Karibew taʼ Puerto Rico, fejn l-Ispanjol huwa l-lingwa komuni. Ommi u missieri kienu jgħixu ħajja sempliċi u kienu Kattoliċi Rumani, imma la huma la ħuti l-bniet la ħija (li miet meta kien għadu żgħir) u lanqas jien ma qatt ngħatajna xi tagħlim reliġjuż, u ftit li xejn konna nirfsu l-għatba tal-knisja.
Familti telqet minn Puerto Rico għall-Istati Uniti fl-1949. Issetiljajna fi New York City f’East Harlem, magħruf bħala El Barrio. Qgħadna hemm sa l-1953. Kien iebes għaliha biex nidra l-lingwa Ingliża. Dan ix-xkiel minħabba l-lingwa kien iġagħalni nħossni inadegwat.
Influwenzi Xellerati
Imbagħad il-familja tagħna marret toqgħod fl-akkwata taʼ Prospect Heights fi Brooklyn. Kien f’dan iż-żmien li ġejt influwenzat minn sħabi taʼ mpari biex insir parti minn klikka. Iktar tard ġejt magħżul bħala l-kap gwerrier tagħhom. Wara dan sirt il-kap taʼ klikka oħra, li kienet involuta fis-serq tal-karozzi. Ħadt f’idejja wkoll il-ġbir tal-flus tal-logħob taʼ l-ażżard illegali għall-bookmakers taʼ dawk l-inħawi. Minn hemm, bdejt nisraq minn ġewwa d-djar u sakemm kelli 15-il sena ġejt arrestat diversi drabi. Imma sa dak iż-żmien kont tlaqt mill-iskola.
Meta kelli 16, l-awtoritajiet eżiljawni lejn Puerto Rico għal ħames snin, bħala parti minn akkuża mnaqqsa minħabba l-fatt li ammettejt li kont ħati. Intbgħatt għand nannuwi u familtu. Kien uffiċjal tal-pulizija rtirat u kien magħruf u rispettat minn kulħadd. Madankollu, sena wara n-nannu bagħatni lura Brooklyn peress li taʼ spiss kont nisker u nieħu sehem fi ġlied, kont nagħmilha maʼ taʼ qattagħni kif ukoll kont nisraq mid-djar.
L-Irwol taʼ Missieri f’Ħajti
Meta rritornajt New York City minn Puerto Rico, sibt li missieri kien beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, ħajti kienet l-oppost taʼ dan. Komplejt fil-ħajja taʼ mingħajr Alla u involvejt ruħi fl-abbuż tad-drogi u taʼ l-alkoħol. Sirt nagħmel parti minn klikka li kienet tagħmel is-serq mid-djar u serq bl-armi li wassluni biex fl-1960 niġi arrestat. Sabuni ħati u kkundannawni għal tliet snin ħabs.
Ħriġt mill-ħabs bi pleġġ fl-1963. Imma malajr erġajt ġejt arrestat fuq serq mid-djar, u għamilt sentejn ħabs fuq Rikers Island, fi New York City. Ġejt meħlus fl-1965. Madankollu, dik is-sena stess, ġejt arrestat fuq qtil. Ara liema dispożizzjoni qisha taʼ ljun feroċi kont żviluppajt!
Il-qorti qatgħethieli għal 20 sena f’Dannemora, fit-tramuntana taʼ New York. Hemm involvejt ruħi fis-sottokultura tal-ħabs.
Madankollu, bħalma semmejt qabel, missieri kien qed jistudja l-Iskrittura max-Xhieda taʼ Jehovah. Iktar tard tgħammed u qeda bħala anzjan ġewwa kongregazzjoni f’Harlem. Kien taʼ spiss iżurni waqt li kont maqful il-ħabs u kien dejjem jitkellem miegħi dwar Alla, Ismu, u l-iskop Tiegħu.
Iżda, waqt li kont il-ħabs f’Dannemora, sirt nagħmel parti minn grupp taʼ individwi li jisilfu l-flus b’interessi għoljin ħafna. Matul dan iż-żmien, fl-1971, żbroffa rvell f’ħabs ieħor, l-Attica Correctional Facility. Dan l-irvell spiċċa fuq l-ewwel faċċata tal-gazzetti u ġie rapportat mad-dinja kollha fuq ir-radju u t-televiżjoni. Wara dan l-irvell, biex jipprevieni xi ħaġa simili f’Dannemora, id-direttur tal-ħabs ħass li kellu jagħżel lill-priġunieri li setgħu jkunu taʼ influwenza ħażina fuq l-oħrajn. Dawn iżolahom f’sezzjonijiet speċjali.
Minn 2,200 priġunier, madwar 200 minna ġejna iżolati. Iktar eżaminar wassal biex uħud jiġu magħżulin għal swat aħrax. Flimkien maʼ dan, bħala parti minn dak li beda jissejjaħ “trattament għat-tibdil fl-imġiba,” drogi ġew introdotti fl-ikel.
Din ma kinitx l-ewwel darba li ntbgħatt fis-sezzjoni taʼ iżolament minħabba mġiba ħażina. Madankollu, din kienet l-ewwel darba li kont il-vittma taʼ krudeltà taʼ din il-kwalità u dan effettwani profondament. Idejja u saqajja ġew manettjati, u ġejt imsawwat bl-aħrax għal diversi drabi mill-gwardji. Kelli wkoll nissaporti b’mod kontinwu insulti razzjali minħabba n-nazzjonalità tiegħi. Minħabba l-umiljazzjoni u s-swat, sakemm domt fl-iżolament, intfajt fi strajk tal-ġuħ limitat, li dam sejjer madwar tliet xhur. Dan irriżulta f’li nitlef 22.6 kilogrammi.
Inkjesti minn missieri rigward is-saħħa deterjorata ġew injorati mill-uffiċjali tal-ħabs. Dan ġagħalni nħossni bla ebda tama, u bdejt nikteb lill-politikanti għal assistenza rigward it-trattament inġust.
Missieri darba wara l-oħra mar għand tal-gazzetti minħabba s-swat, l-umiljazzjoni, u l-introduzzjoni taʼ drogi fl-ikel tal-priġunieri li kienu fis-sezzjoni speċjali. Gazzetta waħda biss, l-Amsterdam News, irrispondiet b’artiklu dwar il-kundizzjonijiet deplorevoli. Missieri mar ukoll għand il-Kummissarju tal-Korrezzjonijiet, f’Albany, New York, f’okkażjonijiet varji u dan dejjem qallu li jien kont ninsab f’sezzjoni regulari. Ir-rapport tiegħi lill-politikanti dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabs waqaʼ fuq widnejn torox. Ħassejtni skuraġġit iktar minn qatt qabel, peress li qisu ma kellix fejn indur għall-għajnuna.
Kien f’dawk il-mumenti li ftakart xi ftit mill-affarijiet li missieri kien qalli. Iddeċidejt li nitlob lil Alla għall-għajnuna.
Indur lejn Alla
Qabel ma bdejt nitlob, ftakart fl-inkuraġġiment persistenti taʼ missieri biex ma nitlobx lil Ġesù imma lil Missier Ġesù, li ismu hu Jehovah. Inxteħitt maʼ l-art fiċ-ċella f’att taʼ qima u esprimejt niket kbir minħabba l-korsa tal-ħajja li kont għażilt u li r-riżultat tagħha kien li kelli nqattaʼ iktar minn nofs ħajti l-ħabs. Jien kollni ħrara tlabt lil Jehovah biex jgħinni noħroġ minn din is-sitwazzjoni għaliex issa rrealizzajt li hu biss kellu l-qawwa li jeħlisni minn din il-qagħda kerha.
Jien ma nafx kemm domt nitlob, imma rrevedejt il-passat tiegħi u b’mod ripetut tlabt lil Jehovah għal maħfra. Wegħedtu li nipprova nitgħallem iktar dwaru. Ftit wara, ġejt meħlus minn dak l-għeluq taʼ ħabs solitarju qisu kalzri mudlam għal ġo ħabs ġenerali. Dan temm l-istrajk tal-ġuħ tiegħi.
Fi qbil mal-wegħda tiegħi biex nitgħallem iktar dwar Jehovah, bdejt naqra n-New World Translation of the Holy Scriptures. Waħda mill-affarijiet li interessawni l-iktar dwar din it-traduzzjoni tal-Bibbja kienet il-qoxra ħadra tagħha. Dan appella għalija minħabba l-fatt li l-ħwejjeġ, iċ-ċelel, il-ħitan, u l-kurituri tal-ħabs kienu kollha griżi, griż dipressanti. Iktar tard, ħaġa taʼ l-iskantament, il-kulur taʼ dawn l-affarijiet kollha ġie mibdul għall-kulur aħdar lewn iż-żebbuġa. Dan il-kulur ġie adottat mid-Dipartiment tal-Korrezzjonijiet wara l-irvell fil-ħabs t’Attica.
Jien ukoll bdejt naqra artikli mir-rivisti Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, li missieri kien irranġa biex jaslu għandi. Qrajt l-esperjenzi taʼ ħafna Xhieda taʼ Jehovah li kienu fil-ħabsijiet minħabba li żammew sod fil-fidi tagħhom u għaddew minn ħafna affarijiet iktar minni, u dan kellu effett qawwi fuqi. Dawn kienu nies li ma kienu kkommettew l-ebda delitt imma li kienu sofrew b’mod inġust minħabba li kienu leali lejn Alla. Jien, min-naħa l-oħra, sofrejt dak li kien jistħoqqli. Jien u naqra, dawk l-esperjenzi messewli qalbi u ġejt inkuraġġit biex nitgħallem iktar dwar Jehovah u l-poplu tiegħu.
Finalment, sena wara, mort quddiem bord li ra jekk stajtx noħroġ bi pleġġ. Il-każ tiegħi ġie revedut, inkluż it-tbatija kbira li għaddejt minnha fis-sezzjoni speċjali. B’ferħ għalija sirt naf li kont se noħroġ fuq pleġġ fl-1972 bil-patt li nġib ruħi sew.
Ġimagħtejn wara li ġejt meħlus, attendejt fis-Sala tas-Saltna lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah, fi Spanish Harlem. Imma xorta kont inħossni li ma jistħoqqlix li nassoċja man-nies taʼ Jehovah. U wkoll kien għad baqagħli ħafna x’nitgħallem dwar Jehovah, l-organizzazzjoni tiegħu, u n-nies tiegħu. Jien ukoll kelli bżonn iż-żmien biex nirranġa mas-soċjetà wara li qattajt daqstant żmien il-ħabs.
B’sogħba, ma kontx kapaċi nitlaq il-ħajja taʼ qabel. Għal darb’oħra erġajt dort għad-drogi, għall-kriminalità, u għal mod taʼ ħajja li jiċħad lil Alla u l-prinċipji tiegħu. Dan fl-aħħar wassal biex nirċievi sentenza taʼ ħabs addizzjonali oħra taʼ 15-il sena. Madankollu, inħoss li Jehovah ra xi ħaġa tajba ġewwa qalbi, għax hu qatt ma telaqni. Jien li nistaʼ ngħidilkom hu li jekk tinsab il-ħabs jew le, Jehovah qatt ma jabbanduna jew jaqtaʼ jiesu minn dawk li huma inklinati lejn li jitgħallmu dwaru.
Nistudja l-Bibbja fil-Ħabs
Din id-darba, lura ġewwa l-ħabs f’Dannemora, ħadt vantaġġ mid-disponibbiltà taʼ studju tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa maʼ ministru tax-Xhieda taʼ Jehovah. Iktar tard, ġejt trasferit għal Mid-Orange Correctional Facility, ħabs taʼ sigurtà medja fit-tramuntana taʼ New York. Din kienet bidla mill-ħabs taʼ sigurtà massima f’Dannemora.
Wara sentejn fil-Mid-Orange Correctional Facility, bdejt nipparteċipa b’mod attiv fi studju tal-Bibbja li ħabsi ieħor kien qed ikollu u li kien approvat mill-awtoritajiet tal-ħabs. Ommu, li kienet waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, kienet ħadet ħsieb taʼ kollox biex ikollu dan l-istudju. Fl-aħħar, billi komplejt nikseb l-għarfien, bdejt napplika l-prinċipji tal-Bibbja, li eventwalment wassal għal progress spiritwali.
Wara li ġejt miċħud għal sebaʼ darbiet milli noħroġ bi pleġġ, kontra qalbhom ħallewni noħroġ bi pleġġ mat-tmien darba. Ir-raġuni mogħtija għaċ-ċaħdiet li kelli qabel biex noħroġ bi pleġġ kienet minħabba “x-xejra kriminali” tiegħi. Ġejt meħlus wara li għamilt tmien snin mis-sentenza taʼ 15-il sena.
Il-Ħelsien Finali mid-Dlamijiet
Hekk kif ħriġt, erġajt ġejt imfixkel, u għal xi ftit taż-żmien erġajt waqajt għad-drogi. Barra minn hekk, kont qed ngħix maʼ mara mingħajr żwieġ legali. Kont ili magħha mill-1972. Madankollu, fl-1983, erġajt bdejt l-istudju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Din id-darba, bdejt nattendi regolarment għal-laqgħat Kristjani. Madankollu, qabel ma bdejt nistudja u nattendi għal-laqgħat, qtajt id-drogi u s-sigaretti.
Minkejja dan, kuntrarju għal-liġijiet t’Alla rigward iż-żwieġ, kont għadni qed ngħix maʼ din il-mara mingħajr ma konna miżżewġin. Dan niggiżli l-kuxjenza, u għalhekk ipprovajt inġagħalha taċċetta studju tal-Bibbja u nillegalizzaw ir-relazzjoni tagħna billi niżżewġu. Imma hi qalet li l-Bibbja kienet ktieb taʼ l-irġiel, disinjat mill-irġiel biex iżommu lin-nisa taħt idejhom u li ż-żwieġ ma kienx neċessarju.
Irrealizzajt li ma stajtx inkompli ngħix f’relazzjoni immorali maʼ mara li ma kinitx tirrispetta l-liġijiet t’Alla fuq iż-żwieġ. B’hekk, temmejt ir-relazzjoni tagħna u mort noqgħod Brooklyn. Kont naf li ma stajtx nitkellem maʼ ħaddieħor dwar Alla u l-iskop tiegħu jekk l-affarijiet tiegħi stess ma kinux f’armonija mal-liġijiet tiegħu.
Billi ħlist minn kull saram li mhux skritturali u billi studjajt il-Bibbja għal tliet snin, b’kuxjenza nadifa ddedikajt ruħi għal li nagħmel ir-rieda t’Alla u dan issimbolizzajtu billi tgħammidt f’konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah. Qatt ma ddispjaċieni li kont għamilt dik il-wegħda li nsir naf lil dak Alla li ismu missieri kien dejjem isemmih. U l-wegħda li għamilt lil Jehovah meta kont kalzrat fil-ħabs mudlam taʼ Dannemora hi waħda li se naħdem iebes biex inżomm sakemm hu jġib il-ħafna barkiet li wegħedna fil-Kelma tiegħu.
Inħares ’il Quddiem lejn il-Ġenna taʼ l-Art
Jien bi ħrara kbira nħares ’il quddiem għaż-żmien meta Jehovah se jittrasforma din l-art kollha f’ġenna sabiħa. (Salm 37:11, 29; Luqa 23:43) U nħares ’il quddiem ukoll lejn wegħda oħra t’Alla—l-irxoxt tal-mejtin għall-opportunità biex jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Ġwann 5:28, 29; Atti 24:15) Xi żmien meraviljuż se jkun dan meta jien inkun nistaʼ nilqaʼ lura mill-qabar lill-maħbubin mejtin tiegħi, inkluż missieri, ħija ż-żgħir, u oħrajn li jien naf u li mietu qabel iż-żmien! Jien taʼ spiss noqgħod nirrifletti fuq din it-tama, u din timlieni bil-ferħ. Ferħ ieħor li ngawdi bħalissa hu li ż-żewġ ħuti l-bniet u x’uħud mit-tfal tagħhom iddedikaw ħajjithom lil Jehovah u tgħammdu.
Issa, hekk kif nesprimi l-fidi tiegħi lil oħrajn u naqsam l-esperjenza taʼ ħajti, ma nistax ma nħossnix grat li nħallihom ikunu jafu l-kliem taʼ faraġ tas-salmista, dokumentat f’Salm 72:12-14: “Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.”
Il-paċenzja taʼ Jehovah miegħi kebbsitli qalbi u ppermettietli li nitgħallem u nipprattika l-karatteristiċi li hu jrid li jkollhom in-nies tiegħu—mhux kwalitajiet feroċi qishom taʼ ljun, imma kwalitajiet paċifiċi, ħelwin, u ġentili bħal dawk taʼ nagħġa. Dan hu neċessarju, għax bħalma tistqarr il-Kelma t’Alla, “lit-twajbin jagħtihom il-grazzja.”—Proverbji 3:34.
[Kumment f’paġna 12]
“Erġajt ġejt arrestat fuq serq mid-djar, u għamilt sentejn ħabs fuq Rikers Island, fi New York City. Ġejt meħlus fl-1965. Madankollu, dik is-sena stess, ġejt arrestat fuq qtil. Ara liema dispożizzjoni qisha taʼ ljun feroċi kont żviluppajt!”
[Stampa f’paġna 13]
Dakinhar li tgħammidt