LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 8/8 pp. 22-24
  • L-​Għasfur li Jbus il-​FJURI

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-​Għasfur li Jbus il-​FJURI
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għeġubijiet fl-​Ajru
  • Wikkiel Kbir
  • Ir-​Riti tan-​Namur
  • Djar Delikati
  • Ma Jibżgħu minn Xejn
  • Il-Ħolqien X’Jgħallimna Dwar il-Kuraġġ?
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2020
  • L-​Osservazzjoni Taʼ L-​Għasafar Delizzju Affaxxinanti għal Kulħadd?
    Stenbaħ!—1998
Stenbaħ!—1999
g99 8/8 pp. 22-24

L-​Għasfur li Jbus il-​FJURI

IL-​BRAŻILJANI jsejħulu beija-flor​—l-​għasfur li jbus il-​fjuri. Dan l-​isem tassew jixraq max-​xogħol li jagħmlu l-​hummingbirds qalb il-​fjuri. Osservaturi oħra, meta jaraw ir-​rix taʼ l-​għasafar mimli kuluri jgħajtu, isejħu lil dawn il-​ħlejjaq ċkejknin “ġojjelli ħajjin” jew “biċċiet mill-​isbaħ tal-​qawsalla” u lil diversi speċi jagħtuhom ismijiet mill-​isbaħ, bħal per eżempju ruby-topaz (topazju rubin), glittering-bellied emerald (żmerald żaqqu tleqq), jew bronze-tailed comet (kometa b’denb tal-​bronż).

Il-kuluri spettakolari jidhru l-​iktar fir-​rix speċjali taʼ taħt il-​munqar u fuq ir-​ras tal-​hummers irġiel. Ir-​rix tagħhom għandu saffi taʼ ċelloli mimlijin bl-​arja, u dawn iċ-​ċelloli jirriflettu r-​raġġi tad-​dawl f’qawsalla taʼ kuluri, l-​istess bħalma jiġri meta jkun hemm miljuni taʼ bżieżaq żgħar tas-​sapun.

Deskrizzjoni sabiħa tar-​rufous hummingbird, lewn il-​ħwawar tal-​kannella u komuni fil-​punent taʼ l-​Amerka taʼ Fuq, tinsab fil-​ktieb Creature Comforts, taʼ Joan Ward-Harris: “Il-​ġawhra tiegħu tinsab taħt munqaru​—il-​gurġiera . . . Din tibda minn wiċċu u geddumu u tibqaʼ sejra sa għonqu u sidru, bħal vavalor tat-​trabi. L-​effett li toħloq il-​gurġiera meta tinfetaħ qisha mrewħa huwa taʼ l-​għaġeb​—l-​għasfur jidher kbir id-​doppju taʼ li jkun is-​soltu u jkun jidher qisu qed jaqbad.” Malli r-​rufous jittajjar ’l hemm, il-​gurġiera tiegħu tkanġi fil-​vjola, fl-​aħdar lewn l-​iżmerald, jew saħansitra l-​kuluri kollha taʼ l-​ispettru. Imma malli ma jibqax f’għajn id-​dawl, il-​gurġiera minnufih tiskura bħall-​bellus iswed.

Għeġubijiet fl-​Ajru

Il-​hummingbirds huma magħrufin għall-​erobatika mill-​aqwa. Filli l-​għasfur ikun qiegħed idur maʼ fjura, jixorbilha n-​nektar, bi ġwenħajh iżanżnu fin fin, u filli, f’daqqa waħda, dan id-​daqsxejn taʼ għasfur b’saħħtu jlebbet ’il quddiem, lura, fuq ġenbu jew anki wiċċu ’l fuq filwaqt li jagħti bi ġwenħajh bejn 50 u 70​—xi wħud jgħidu 80—​tferfira kull sekonda! Jingħad li l-​għasfur jistaʼ jilħaq veloċità taʼ 50 sa 100 kilometru fis-​siegħa u mbagħad jieqaf ħabta u sabta. Il-​hummingbird kif jirnexxilu jagħmel għeġubijiet bħal dawn?

Is-sigriet qiegħed fil-​mod taʼ l-​għaġeb kif il-​partijiet tal-​ġisem taʼ l-​għasfur huma disinjati. Muskoli żviluppati ħafna, imsenslin maʼ l-​għadma prominenti tas-​sider, jagħmlu mal-​25 u t-​30 fil-​mija tat-​toqol taʼ ġismu. Ġwenħajh, ħaġa waħda mill-​ispalla sat-​tarf, jagħtu l-​qawwa lill-​għasfur kemm meta dan jgħollihom ’il fuq u kemm meta jniżżilhom ’l isfel. Dan huwa kuntrarju għal għasafar oħra, li ġwenħajhom jagħtuhom il-​qawwa meta jniżżluhom ’l isfel biss. B’hekk, iż-​żewġ manuvri taʼ ġwenħajh jipprovdulu elevazzjoni u imbottatura, filwaqt li l-​għaksa taʼ l-​ispalla tistaʼ ddur 180 grad. Mhux taʼ b’xejn li l-​erobatika taʼ l-​għasfur tħallik b’ħalqek miftuħ!

Jirnexxilhom jgħaddu l-​hummers jekk isirilhom eżami taʼ kemm huma kapaċi jissaportu? Dażgur li jgħaddu. Per eżempju, kull sena ċerti rufous hummingbirds ipassu iktar minn 3,000 kilometru mid-​dar xitwija tagħhom fil-​Messiku għat-​tramuntana u saħansitra ’l bogħod sa l-​Alaska. Il-​perikli taʼ passaġġi għoljin qalb il-​muntanji, il-​baħar miftuħ, u l-​maltemp ma tantx iħabblulhom rashom.

Wikkiel Kbir

Ir-​relazzjoni taʼ mħabba li l-​hummingbirds għandhom mal-​fjuri li jżuru għandha skop utli​—il-​ġarr tat-​trab tad-​dakra minn fjura għal oħra. Madankollu, l-​iktar ħaġa li tattira lill-​għasafar hija n-​nektar. Sabiex jikseb l-​enerġija tremenda li juża, il-​hummer irid jiekol kuljum madwar nofs it-​toqol tiegħu (xi wħud jgħidu d-​doppju tat-​toqol tiegħu) taʼ meraq mimli bil-​karboidrati. Tistaʼ timmaġina kemm irid jiekol ikel bniedem meta tqis it-​toqol taʼ ġismu?

Kuntrarju għall-​biċċa l-​kbira taʼ l-​għasafar, il-​hummingbirds rari jimxu fl-​art. Huma jieklu waqt li jtiru. B’imnaqar li jvarjaw fit-​tul u l-​għamla skond l-​ispeċi, dawn jagħżlu fjuri li jkunu addattati għall-​munqar tagħhom. Dawn jissupplimentaw id-​dieta tagħhom taʼ nektar billi jaqbdu d-​dubbien tal-​frott u jnaqqru d-​dud irqiq minn fuq il-​ħaxix. L-​għasfur kif jirnexxilu jikseb in-​nektar mill-​fjuri li hu jbus?

L-għodda li jiekol biha l-​hummer hija lsienu. Joan Ward-Harris tikteb: “Ilsien il-​hummingbird huwa twil, dejjaq, mifruq u bi ftit xagħar fil-​ponta; f’nofsu nsibu żewġt ixquq immewġin li joħolqu gandotti żgħar li minnhom in-​nektar jinġarr permezz t’azzjoni kapillari sakemm l-​għasfur jibilgħu.”

Jekk jirnexxilek tattira l-​hummingbirds lejn it-​tieqa tiegħek permezz taʼ l-​ikel, qatt m’int se tixbaʼ bid-​divertiment li jipprovdulek dawn l-​għasafar kollhom enerġija. Madankollu, għandek titmagħhom biss jekk int lest li tieħu ħsiebhom matul l-​istaġun kollu, peress li dawn se jiddependu mill-​ikel li tipprovdilhom int hekk kif huma jieħdu ħsieb iż-​żgħar tagħhom f’xi bejta fil-​qrib.

Ir-​Riti tan-​Namur

Ċerti speċi taʼ hummingbirds fl-​Amerka Ċentrali u t’Isfel jattiraw lill-​maħbubin tagħhom permezz taʼ l-​għana tagħhom. L-​għana differenti tal-​wine-throated hummingbird, tal-​Gwatemala, iddoqq ħafna għall-​widna. U l-​għana tal-​white-eared hummingbird tinstemaʼ qisha “d-​daqqa ħelwa taʼ qanpiena żgħira tal-​fidda.” Il-​biċċa l-​kbira tagħhom, madankollu, m’humiex magħrufin bħala għasafar taʼ l-​għana. Dawn sempliċement jirrepetu darba wara l-​oħra xi ftit noti monotoni u metalliċi jew xi drabi oħra jżanżnu b’munqarhom magħluq u bil-​gurġiera minfuħa ’l barra.

Ċerti hummers joffru xena taʼ erobatika li tgħammxek fir-​ritwal tan-​namur tagħhom. Dan huwa minnu fil-​każ tar-​rufous, li donnu vleġġa tan-​nar hekk kif jinżel sparat mill-​għoli sakemm jasal eżatt fuq l-​għasfura li tkun qed tosservah u mbagħad​—eżatt fil-​ħin—​jitlaʼ f’salt wieħed ftit ’il fuq qisu qed jifforma l-​ittra J. Trid tarah itir ’l hemm u ’l hawn fil-​benniena tal-​J sakemm jerġaʼ jmur fuqnett jew itir ’l hemm flimkien mas-​sieħba l-​ġdida tiegħu. Matul dan l-​ispettaklu mill-​isbaħ, it-​tferfir taʼ ġwenħajh jistaʼ jilħaq il-​mitejn kull sekonda!

Djar Delikati

Il-​bejta tal-​hummingbird hija “waħda mill-​iktar strutturi delikati fid-​dinja,” isostni wieħed osservatur. Joan Ward-Harris uriet bejta li kienet sabet lil riporter taʼ Stenbaħ! Kienet wiesgħa erbaʼ ċentimetri u nofs u fonda madwar ċentimetru, u mibnija b’tali mod li hekk kif iċ-​ċkejknin taʼ ġo fiha​—żgħar daqs naħla bagħlija—​jikbru, id-​dar kennija tagħhom tikber magħhom. Li żżomm bejta fil-​pala taʼ idek hija esperjenza unika​—donnha kikkra tal-​pupi magħmula minn ħaxix artab. Il-​bejtiet isiru wkoll minn rix fin minsuġ flimkien bl-​għanqbut. Ġo fiha jitqiegħdu tnejn jew tliet bajdiet bojod karti, “bħal perli taʼ l-​istess daqs.”

Biex iżżoqq iż-​żgħar tagħha, l-​omm iddaħħal munqarha sa ġewwanett tal-​gerżuma ċkejkna tagħhom, u terġaʼ ttellaʼ mill-​istonku n-​nutriment meħtieġ. Ġeneralment wara tliet ġimgħat, il-​frieħ istintivament iħallu l-​bejta waħedhom, u jkomplu jieklu u jikbru sakemm l-​arloġġ taʼ ġo fihom jibgħathom fuq il-​passa twila tagħhom lejn klima xitwija iktar moderata.

Ma Jibżgħu minn Xejn

Karatteristika sorprendenti tal-​hummingbird hija l-​fatt li ma jibżaʼ minn xejn. Dan tistaʼ tarah meta tisħon il-​qiegħa fuq l-​ikel u t-​territorju. Fl-​Amerka t’Isfel, żewġ velvet-purple coronets intlemħu bil-​kuraġġ kollu jagħtu s-​salt għal ajkla li kienet invadiet il-​post tal-​bejta tagħhom. Huma wrew kemm kienu lesti li jagħmluha taʼ Gulija fejn kien hemm bżonn. Imma xi kultant il-​hummingbirds jaqgħu vittmi taʼ għedewwa oħra, bħalma huma s-​sriep, iż-​żrinġijiet, l-​għanqbut tal-​brimb, il-​fjuri bix-​xewk, u n-​nies kollezzjonisti.

Madankollu, ħafna nies jagħmlu ħbieb magħhom u bil-​ħerqa kull staġun jistennew il-​miġja tal-​hummingbirds sabiex jerġgħu jaqbdu l-​istil taʼ ħajja mimlija skop tagħhom. Żgur li se titgħaxxaq iktar bihom jekk tistudjahom mill-​qrib lil dawn il-​ġojjelli jlellxu tal-​ħolqien​—jekk dawn jagħżlu li jbusu l-​fjuri fil-​ġnien tiegħek.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 24]

FATTI DWAR IL-​HUMMINGBIRDS

• Bi 320 speċi, il-​hummingbirds huma t-​tieni l-​akbar familja t’għasafar fl-​Emisferu tal-​Punent

• Dawn huma n-​nani fost l-​għasafar tad-​dinja: Il-​bee hummingbird taʼ Kuba huwa twil madwar 6 ċentimetri mill-​ponta taʼ denbu sal-​ponta taʼ munqaru

• L-akbar hummingbird huwa twil 22 ċentimetru minn tarf sa tarf u jinsab fil-​punent taʼ l-​Amerka t’Isfel mill-​Ekwador saċ-​Ċili

• Il-postijiet fejn issibhom l-​iktar jinkludu ż-​żona ekwatorjali tul l-​Amerka t’Isfel mil-​livell tal-​baħar għal għoli taʼ iktar minn 4,500 metru, u xi gżejjer tal-​Karibew u l-​Paċifiku

• Matul ix-​xhur sajfin dawn jinsabu ’l fuq fit-​tramuntana sa l-​Alaska u ’l isfel fin-​nofsinhar sat-​Tierra del Fuego

• F’xi żmien, miljuni minnhom inqatlu sabiex jintużaw bħala tiżjin fin-​negozju Ewropew tal-​kpiepel tan-​nisa, u x’aktarx li dan qered ċerti speċi

[stampi]

Giant [Patagona gigas] (daqs attwali)

Bee hummingbird (daqs attwali) [Archilochus colubris]

[Sorsi]

© C. H. Greenewalt/VIREO

© 1990 Robert A. Tyrrell

[Stampa f’paġna 22]

Rufous hummingbird

[Sors]

THE HUMMINGBIRD SOCIETY / Newark Delaware USA

[Stampa f’paġna 22]

Bee hummingbird (imkabbar)

[Sors]

© 1990 Robert A. Tyrrell

[Stampa f’paġna 22]

Antillean mango

[Sors]

© 1990 Robert A. Tyrrell

[Stampa f’paġna 23]

Rufous-breasted hermit

[Sors]

© 1990 Robert A. Tyrrell

[Stampa f’paġna 23]

Anna’s [Calypte anna] (imkabbar)

[Sors]

Patricia Meacham/Cornell Laboratory of Ornithology

[Stampa f’paġna 24]

Ruby-throated mara flimkien mal-​frieħ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja