L-Osservazzjoni Taʼ L-Għasafar Delizzju Affaxxinanti għal Kulħadd?
“Il-ħajja taʼ l-osservatur taʼ l-għasafar hija sensiela taʼ sorpriżi li ma jispiċċaw qatt.”—W. H. Hudson—The Book of a Naturalist.
FIL-BAJJA taʼ Kosi, qrib il-fruntiera bejn l-Afrika taʼ Isfel u l-Możambik, Keith, Evelyn, Jannie, u l-gwida tagħhom imxew 22 kilometru biex jaraw għasfur. Dan ma kienx xi għasfur komuni! Kienu qegħdin ifittxu l-palm-nut vulture—għasfur kbir iswed u abjad b’ġilda ħamra madwar għajnejh. Dan jiekol ħut mejjet u l-frott tas-siġar tal-palm taż-żejt.
Keith jirrakkonta: “Wara dik il-mixja twila, morna lura d-dar iddiżappuntati għax konna rajna wieħed biss—waqt li kien qiegħed jittajjar fil-bogħod. Malli wasalna lura fil-kamp tagħna, x’sibna? Tliet palm-nut vultures ġo siġra tal-palm eżatt fuqna! Gawdejna l-kumpanija tagħhom għal madwar nofs siegħa sakemm dawn taru u tawna wirja mill-isbaħ bil-ġwienaħ miftuħin tagħhom. Dak in-nhar stess, rajna wkoll għall-ewwel darba kokka msejħa Pel’s fishing owl. Iva, kokka li taqbad il-ħut!”
Esperjenza Eċċitanti għal Kulħadd
Madwar id-dinja kollha, hija xi ħaġa sabiħa li tosserva u tismaʼ l-għasafar. Hemm iktar minn 9,600 speċi u dawn jipprovdu opportunitajiet għal kull osservatur attent. Min ma jħossx eċċitament meta jara l-leħħa ħafifa tal-kuluri tal-hummingbird jew taʼ l-għasfur taʼ San Martin? Min ma jwaqqafx widnejh u jissaħħar meta jismaʼ l-għana tal-mockingbird, tar-rożinjol, jew tas-superb lyrebird taʼ l-Awstralja, jew l-għajta distinta tad-daqquqa kaħla jew it-tgelgil mużikali tal-magpie taʼ l-Awstralja?
Id-delizzju taʼ l-osservazzjoni taʼ l-għasafar, (bird watching, kif isejħulu bl-Ingliż) isir billi wieħed joqgħod josserva t-tajr fl-abitat naturali tagħhom. Din l-attività tistaʼ tkun vigoruża daqs kemm tixtieqha int. Forsi m’għandek l-ebda xewqa li toqgħod iċċaflas f’għadajjar kollhom ilma qiegħed, jew titlaʼ fuq muntanji biex issib għasafar rari. Madankollu, ħafna nies isibu li l-osservazzjoni taʼ l-għasafar mill-bitħa jew mill-ġnien tad-dar tagħhom hija xi ħaġa sodisfaċenti u rifreskanti. Ħafna nies iħallu bieqja bl-ilma u plattin bl-ikel biex jattiraw l-għasafar tal-post. Kull sena l-għadd tad-dilettanti jiżdied. Iktar u iktar nies saru jemmnu li dan id-delizzju huwa vallapena.
Għala Huwa Daqstant Popolari?
Skond il-ktieb An America Challenged, taʼ Steve H. Murdock, bejn is-snin 1990 u 2050, l-osservazzjoni taʼ l-għasafar hi mistennija li tiżdied b’rata iktar mgħaġġla mill-popolazzjoni taʼ l-Istati Uniti. Ir-rivista New Scientist irrapportat li “iktar u iktar nies fl-Indja qegħdin jagħtuha għall-osservazzjoni taʼ l-għasafar.” U Gordon Holtshausen, iċ-ċêrmen tal-Publications Committee of Birdlife South Africa, jemmen li “fl-Afrika taʼ Isfel . . . l-iktar kotba mibjugħin wara l-Bibbja huma dawk fuq l-għasafar.”
Ladarba tara għasfur u tħares lejh mil-lenti taʼ wieħed li josservahom, żgur se taqbdek in-namra! In-namra taʼ l-osservazzjoni taʼ l-għasafar tittieħed. Biha tistaʼ tqattaʼ ftit ħin barra fil-miftuħ mingħajr spejjeż u tistimula lil moħħok. Fiha nsibu l-attrazzjoni tal-kaċċa mingħajr il-qtil. Peress li l-kbar u ż-żgħar malajr jaqbduh dan id-delizzju, jistgħu jgawduh flimkien kemm il-familji kif ukoll il-ħbieb. Tistaʼ wkoll tgawdih waħdek. L-osservazzjoni taʼ l-għasafar hija delizzju nadif, edifikanti u jżommok b’saħħtek. Jistaʼ jsir is-sena kollha tistaʼ tgħid kullimkien.
Punti Bażiċi dwar l-Osservazzjoni taʼ l-Għasafar
Ġie li tara xi għasfur u tkun tixtieq taf x’jismu? Hemm sens taʼ sodisfazzjon f’li titgħallem l-ismijiet taʼ l-għasafar, mhux biss taʼ dawk il-kbar bħall-ajkli, il-paguni, u ċ-ċinji imma wkoll taʼ l-għasafar li xi kultant ninsewhom bħall-buqrajq u l-pitirross. Insibu wkoll il-beggazzini li kollha jixbhu lil xulxin u l-vjolini ħadrana bir-rix xitwi, flimkien maʼ għasafar oħrajn taʼ kull lewn u daqs.a
Sabiex tkun tistaʼ tagħrafhom, ikollok bżonn ktieb taʼ gwida fuq l-għasafar tal-pajjiż jew tar-reġjun fejn toqgħod. Dan huwa ktieb li jistaʼ jinġarr fil-but u jkun mimli stampi u deskrizzjonijiet tar-raġel u l-mara taʼ kull speċi. L-aħjar kotba jinkludu wkoll dettalji dwar ir-rix taʼ l-għasafar meta jkunu għadhom żgħar u meta jkunu fl-istaġun.
X’għandu bżonn iktar wieħed li għadu jibda? Għal xi ħadd li josserva l-għasafar, it-tromba hija importanti daqskemm hija l-qasba jew ix-xibka għas-sajjied. Żgur se tibqaʼ mgħaġġeb b’kemm tara dettalji fl-għasafar taʼ l-inħawi meta tarahom bit-tromba. Per eżempju, fl-Afrika, ippopotamu kbir huwa faċli li tarah. Imma jekk ma tkunx qed tuża t-tromba, għandek mnejn ma tarax l-oxpecker ċkejken b’munqaru aħmar inaqqar il-parassiti waqt li jkun imqabbad maʼ dahar l-ippopotamu.
Mhux it-trombi kollha huma ddisinjati biex tosserva l-għasafar, u l-aħjar ħaġa hi li tqabbel il-mudelli differenti biex tara liema hu l-aħjar. Fost dawk li josservaw l-għasafar, żewġ mudelli popolari huma 7 x 42 u 8 x 40. L-ewwel numru jirreferi għall-qawwa fit-tkabbir taʼ l-immaġni, u t-tieni wieħed, għad-dijametru tal-lenti l-kbira bil-millimetri. In-National Geographic Field Guide to the Birds of North America jispjega li “rejxjow taʼ 1 għal 5 bejn il-qawwa fit-tkabbir taʼ l-immaġni u d-daqs tal-lenti huwa ġeneralment ikkunsidrat ideali biex ikun possibbli jinġabar iktar dawl fl-immaġni.” Dan iħallik tagħraf il-kuluri anki fejn ma jkunx hemm dawl biżżejjed. B’hekk, iktar qawwa fit-tkabbir taʼ l-immaġni mhux bilfors tkun dejjem aħjar. Dak li għandek bżonn huwa ċ-ċarezza.
Minfejn Tistaʼ Tibda Tosserva? L-Inħawi fejn Toqgħod
Dak l-individwu li huwa midħla taʼ l-għasafar fl-inħawi fejn joqgħod se jkun f’qagħda iktar tajba biex iżur xi post ieħor ħalli jsib għasafar inqas komuni jew li ma tantx narawhom. Taf int liema speċi taʼ għasafar huma tal-post is-sena kollha fl-akkwati fejn toqgħod? Liema huma dawk li jibqgħu għaddejjin fl-ajru u donnhom qatt ma jinżlu lejn l-art, forsi fi triqithom lejn xi għadira jew marsa fil-qrib? Liema għasafar jgħaddu minn hemm waqt żmien il-passa? Christopher Leahy, fil-ktieb tiegħu The Birdwatcher’s Companion, kiteb: “Fl-Amerka taʼ Fuq, il-passa tinvolvi mat-80 fil-mija tal-madwar 645 speċi taʼ għasafar li jnisslu ż-żgħar.”
Xi wħud minn dawn l-għasafar li jpassu għandhom mnejn jieqfu fl-inħawi fejn toqgħod biex jieklu u jistrieħu. F’xi nħawi, xi osservaturi akkaniti taʼ l-għasafar irnexxielhom jidentifikaw ’il fuq minn 210 speċi taʼ għasafar fil-bitħa tagħhom stess! Se ssibu taʼ interess u edukattiv jekk iżżomm rekord tad-dati taʼ meta tara xi speċi għall-ewwel u l-aħħar darba kull sena.
Modi kif Tosserva l-Għasafar
Bit-tromba mdendla m’għonqok u bil-ktieb fil-but biex jiggwidak, int issa lest biex tesplora lil hinn mill-bitħa. Taʼ spiss, il-ġonna u r-riżervi naturali jkollhom listi bl-ismijiet taʼ l-għasafar. Dawn ġeneralment jindikaw f’liema staġuni ċerti speċi jintlemħu fil-post u x’ċans għandek li ssibhom. Lista bħal din hija għodda utli biex tikkonferma dak li tkun rajt. Jekk l-għasfur li taħseb li tkun għadek kemm rajt ikun imniżżel bħala rari, imbagħad tagħmel tajjeb jekk terġaʼ tiflih sew, speċjalment jekk għadek tibda. (Ara l-kaxxa “Gwida Bażika biex Tidentifikahom.”) Mill-banda l-oħra, jekk ikun imniżżel bħala komuni, x’aktarx li int tkun għaraftu sew.
Ipprova ikseb minn qabel mappa li turi liema mogħdijiet u tipi taʼ abitati naturali se tiltaqaʼ magħhom. Ġeneralment, ikun hemm iktar għasafar fejn jiltaqgħu żewġ abitati jew iktar. Kemm jekk se timxi u kemm jekk se toqgħod fl-istess post, ipprova sir parti mill-ambjent taʼ madwarek, u stenna lill-għasafar biex jiġu ħdejk. Kun paċenzjuż.
F’xi postijiet jeżisti numru tat-telefon fejn id-dilettanti jistgħu jċemplu biex isiru jafu dwar rapporti taʼ l-aħħar dehriet interessanti f’dawk in-naħat.
Il-Preparazzjoni minn Qabel Tiswielek taʼ Ġid
Li tikkonċentra fuq għasafar speċifiċi hija xi ħaġa premjanti, imma jkun aħjar jekk taqra xi materjal minn qabel fuq dak li tixtieq tara. Jekk int tinsab fil-Karibew, forsi daħħaltha f’rasek li ssib it-tody, kemm jekk huwa t-tip taʼ Kuba, taʼ Puerto Rico, jew tal-Ġamajka. Dan huwa ġojjell taʼ għasfur żgħir b’rix aħdar u aħmar jgħajjat. Il-ktieb Guide to the Birds of Puerto Rico and the Virgin Islands taʼ Herbert Raffaele jgħidilna li “dan huwa diffiċli biex tarah, imma jinstemaʼ taʼ spiss.” It-tody Kuban huwa magħruf kemm jiekol u għall-ħeffa li biha jitmaʼ liż-żgħar tiegħu. Wara li jiddeskrivi l-mod kif jiekol dan l-għasfur, Raffaele jagħti dan il-parir: “Jekk tħabbat żewġ ġebliet flimkien, x’aktarx li tiġbdilhom l-attenzjoni tagħhom.”
Forsi int tkun tixtieq tippjana dawra fil-kampanja ħalli tkun tistaʼ tara ġrajja partikulari fl-istorja tal-ħajja taʼ xi speċi, bħall-wirja taʼ l-għaġeb li l-gallina tagħmel fl-ajru fil-bidu tar-rebbiegħa. Jew tistaʼ tkun l-għadd impressjonanti taċ-ċikonji l-bojod f’Ġibiltà jew fil-Bosporu huma u jħejju għat-titjira tagħhom lejn l-Afrika fil-ħarifa. Jew il-passa taʼ l-għasafar minn fuq Iżrael.
Irridu nammettu illi, li tippjana biex issib għasfur speċjali m’huwiex bħal meta tmur iżżur xi monument storiku li taf ċert li dejjem se ssibu hemm. L-għasafar il-ħin kollu jiċċaqalqu minn post għall-ieħor. Mimlijin ħajja. U varjetà. U sorpriżi. Imma t-tfittxija u l-istennija jiswewh l-isforz!
Dan kollu huwa dak li jagħmel l-osservazzjoni taʼ l-għasafar xi ħaġa eċċitanti. Minkejja dak li tkun ippjanajt, l-għasafar għandhom mnejn ma jkunux hemm meta tmur—għall-inqas mhux dawk li tkun tixtieq tara. Imma ħadd ma jistaʼ jgħid xi skoperti ġodda hemm jistennewk. Ħaġa waħda hija ċerta, l-għasafar qatt m’huma se jiddiżappuntawk. Kun biss ftit paċenzjuż. L-osservazzjoni t-tajba! U tinsiex lid-Disinjatur tagħhom!—Ġenesi 1:20; 2:19; Ġob 39:13-18, 27-29.
[Nota taʼtaħt]
a Biex tosservahom, l-għasafar huma maqsumin fi tmien kategoriji prinċipali: (1) l-għawwiema—il-papri u t-tjur bħall-papri, (2) dawk li jittajru—il-gawwi u t-tjur bħall-gawwi, (3) l-għasafar taʼ l-ilma b’saqajhom twal li jimxu fix-xmajjar—l-irsieset u l-graw, (4) għasafar iżgħar li jimxu fix-xmajjar—il-pluvieri u l-beggazzini, (5) l-għasafar bħat-tajr salvaġġ saqajhom bir-rix—il-grouse li ġej mir-razza tal-faġan u s-summien, (6) it-tajr tal-priża—l-isqra, l-ajkli, u l-kokk, (7) l-għasafar perrieċa (passerine), u (8) l-għasafar li m’humiex perrieċa (nonpasserine).—A Field Guide to the Birds East of the Rockies, taʼ Roger Tory Peterson.
[Kaxxa fʼpaġna 26]
Gwida Bażika biex Tidentifikahom
Meta tara għall-ewwel darba xi għasfur li m’huwiex familjari, jistaʼ jkun taʼ għajnuna li tipprova twieġeb xi wħud mill-mistoqsijiet li ġejjin:
1. B’liema mod taʼ kuluri huwa mżewwaq l-għasfur—b’kuluri solidi, bl-istrixxi, bit-tikek jew bid-dbabar?
2. F’liema ambjent naturali jinstab l-għasfur—fl-ilma, f’għadira, f’marsa, f’għalqa jew f’xi masġar?
3. X’daqs huwa l-għasfur? Qabblu maʼ xi għasfur familjari—għammiel, pitirross, ħamiema jew seqer.
4. Kif iġib ruħu l-għasfur—jaqbad l-insetti, jittajjar fl-ajru, iħarrek denbu ’l fuq u ’l isfel, iżomm denbu mgħolli ’l fuq jew ’l isfel, jew jimxi fl-art?
5. X’għamla għandu l-munqar—qasir u bil-ponta, qasir u oħxon, twil, milwi jew qisu ganċ?
Billi jħares lejn dawn il-“Karatteristiċi” u jirreferi għal gwida bażika dwar l-għasafar, anki min għadu jibda jkun kapaċi jagħraf l-ispeċijiet komuni.—Exhibit Guide, Merrill Creek Reservoir, New Jersey, U.S.A.
[Sors tal-Istampa fʼpaġna 23]
Stampi taʼ l-għasafar f’paġni 23-7: The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck
[Mappa/Stampi fʼpaġna 24, 25]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
BLUE JAY
L-Amerka taʼ Fuq
MAKAW
L-Amerka Ċentrali/taʼ Isfel
BALD EAGLE
L-Amerka taʼ Fuq
SNOW GOOSE
L-Amerka taʼ Fuq
HUMMINGBIRD
L-Amerka taʼ Fuq/Ċentrali
PELLIKAN
L-Amerka taʼ Fuq u taʼ Isfel
KARDINAL
L-Amerka taʼ Fuq/Ċentrali
TAWNY EAGLE
L-Afrika, l-Asja
TUKAN
L-Amerka taʼ Isfel
SCARLET IBIS
L-Amerka taʼ Isfel
RUSSETT ABJAD
Mad-dinja kollha
FRANKLIN’S GULL
L-Amerka taʼ Fuq u taʼ Isfel
SPONSUN
L-Ewropa, l-Afrika taʼ Fuq
PAPRA MANDARINA
Iċ-Ċina
ĊIKONJA
L-Ewropa, l-Afrika, l-Asja
BLACK-CROWNED CRANE
L-Afrika
FJAMINGU
It-Tropiki
GOULDIAN FINCH
L-Awstralja
KUKABURRA
L-Awstralja
PAGUN
Mad-dinja kollha
NAGĦMA
L-Afrika
ROŻELLA
L-Awstralja
[Sorsi]
U.S. Fish and Wildlife Service, Washington, D.C./Glen Smart ▸
Bil-korteżija taʼ Green Chimney’s Farm
Bil-korteżija taʼ San Diego Wild Animal Park
Mappa: The Complete Encyclopedia of Illustration/ J. G. Heck