LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 9/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn Id-​dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn Id-​dinja
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jitgħallmu Jitbissmu
  • Li Tieklu Flimkien
  • Missirijiet Interessati Għandhom Ulied Iktar Ferħanin
  • Mekkaniżmu li Jaħleb
  • Meta Jinqabad Kmieni Jsalva l-​Ħajjiet
  • Kumpensati Dawk Infettati bl-​Emofilja
  • L-​Influwenza Għadha Qed Toqtol
  • Qed Isiru Iktar Konxji taʼ l-​Abbuż fuq it-​Tfal?
  • Ossessjoni fuq il-​Karozzi
  • Kriżi taʼ l-​Edukazzjoni
  • Tassew li l-Ewropa Se Tingħaqad?
    Stenbaħ!—2000
  • Tbissem Jagħmillek Tajjeb!
    Stenbaħ!—2000
  • Il-Qawwa taʼ Tbissima
    Stenbaħ!—2003
  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja
    Stenbaħ!—1997
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1999
g99 9/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn Id-​dinja

Jitgħallmu Jitbissmu

Fil-​Ġappun, fejn in-​nies jieħdu pjaċir b’servizz tajjeb, il-​kumpaniji qegħdin dejjem iżidu f’li “jibagħtu l-​ħaddiema fi skejjel biex jitgħallmu kif għandhom jinġiebu iktar maʼ l-​oħrajn,” tirrapporta l-​Asahi Evening News. “Il-​kumpaniji jikkunsidraw it-​tbissim, id-​daħq u ċ-​ċajt bħala mod irħis u effettiv biex jippromwovu l-​bejgħ fost ir-​reċessjoni inattiva.” Fi skola waħda, l-​istudenti jpoġġu bil-​qegħda quddiem il-​mirja u jipprattikaw it-​tbissim​—“billi jipprovaw joħolqu l-​iktar tbissima pjaċevoli.” Jintqalilhom biex jaħsbu fuq l-​iktar persuna li jħobbu. L-​għalliema jħabirku biex jgħinu lill-​istudenti jirrilassaw, u b’hekk jitbissmu b’mod naturali. Minbarra li jibagħtuhom fl-​iskejjel, xi negozjanti jibagħtu lill-​ħaddiema tagħhom biex jieħdu l-​ordnijiet f’restoranti li jservu l-​ikel malajr, fejn il-​ħaddiema hemmhekk huma mħarrġin biex jitbissmu l-​ħin kollu. Tassew li t-​tbissim jippromwovi n-​negozju? Skond il-​gazzetta, kumpanija tal-​kosmetiċi li offriet korsijiet tat-​tbissim lil iktar minn 3,000 impjegat magħha rat qabża kbira t’20 fil-​mija fil-​bejgħ tagħha matul dik is-​sena. Waħda mill-​ħaddiema kkummentat li l-​kors tejjeb ukoll l-​atmosfera fl-​uffiċċju tagħha. “Huwa sabiħ li tkun imdawra minn mgħallmin pjaċevoli li jitbissmu ħafna,” qalet hi.

Li Tieklu Flimkien

F’ħafna pajjiżi, il-​ġenituri jilmentaw li wliedhom rari jieklu magħhom, billi taʼ spiss jippreferu jieklu ikliet taʼ malajr minn barra. Imma Franza tistaʼ tassew tkun eċċezzjoni. Skond il-​gazzetta Franċiża La Croix, stħarriġ reċenti rrivela li 84 fil-​mija tal-​familji fi Franza jieklu l-​ikla taʼ fil-​għaxija flimkien. Fil-​fatt, l-​istħarriġ sab li 95 fil-​mija tat-​tfal bejn it-​12 u d-​19-il sena ħassew li l-​atmosfera taʼ li jieklu mal-​familja kienet xi ħaġa pożittiva. L-​esperti jenfasizzaw l-​importanza li l-​familji jieklu flimkien regolarment. Dr. François Baudier, taċ-​Ċentru Franċiż għall-​Edukazzjoni tas-​Saħħa, jinnota: “L-​ikla m’hijiex sempliċement il-​ħin biex tieklu imma hija speċjalment il-​ħin biex taqsmu l-​ħsibijiet.”

Missirijiet Interessati Għandhom Ulied Iktar Ferħanin

Il-​missirijiet li juru interess persunali fl-​inkwiet, fix-​xogħol taʼ l-​iskola, u fil-​ħajjiet soċjali taʼ wliedhom jipproduċu “żgħażagħ motivati u ottimisti, mimlijin fiduċja u tama,” tirrapporta The Times taʼ Londra. Fi stħarriġ li sar mill-​proġett tat-​Tomorrow’s Men dwar 1,500 tifel fl-​età taʼ bejn it-​13 u d-​19-il sena, iktar minn 90 fil-​mija tas-​subien li ħassew li missirijiethom qattgħu ħin magħhom u ħadu interess attiv fil-​progress tagħhom urew “stima għolja lejhom infushom, hena u fiduċja.” Għall-​kuntrarju, 72 fil-​mija tas-​subien li ħassew li missirijiethom rari jew qatt ma wrew interess fihom kellhom “l-​inqas livelli taʼ stima u fiduċja lejhom infushom, u kellhom iktar probabbiltà li jkunu dipressi, ma jħobbux l-​iskola u jidħlu fl-​inkwiet mal-​pulizija.” Adrienne Katz, tal-​proġett tat-​Tomorrow’s Men, osservat li l-​ammont attwali tal-​ħin li jqattgħu flimkien missier u iben m’għandux għalfejn ikun twil. Hi tgħid: “L-​iktar ħaġa importanti hi li tagħmel lit-​tifel iħossu mixtieq, maħbub u li qed jingħata widen.”

Mekkaniżmu li Jaħleb

“Li taħleb darbtejn kuljum jistabbilixxi sistema mhux naturali fil-​baqar,” tgħid Sue Spencer, membru taʼ tim li żviluppa robot li jaħleb. Skond Spencer, li baqra jkollha driegħha mimli żżejjed jistaʼ jwassal għal tagħriġ u wġigħ ieħor. Għalhekk, x’tistaʼ tagħmel baqra tal-​ħalib meta tkun trid tinħaleb imma ma jkunx il-​ħin regulari tal-​bidwi biex jaħleb? Is-​soluzzjoni tistaʼ tkun ir-​robot li jaħleb! Dan diġà qed jintuża ġewwa razzett fl-​Isvezja, skond ir-​rivista New Scientist. Kull meta jħossu l-​bżonn, il-​baqar f’din il-​merħla Svediża jistgħu sempliċement jidħlu f’maħżen miftuħ fejn hemm ir-​robot. Kull waħda mit-​30 baqra tal-​merħla għandha kullar elettroniku li jġiegħel lis-​sistema tidentifikaha. Jekk il-​baqra jkun imissha li tinħaleb, ix-​xatba għall-​istalla fejn isir it-​taħlib tinfetaħ. Imbagħad, l-​id mekkanika tar-​robot, li taħdem bil-​laser, issib bil-​mod il-​bżieżel tal-​baqra u tqabbad magħhom l-​apparat li jaħleb li għandu l-​forma taʼ barmil żgħir.

Meta Jinqabad Kmieni Jsalva l-​Ħajjiet

“Iċ-​ċavetta għal trattament u kura xierqa għal kanċer hu li dan jinqabad kmieni,” jistqarr rapport fit-​Times of Zambia. B’sogħba, f’xi partijiet taʼ l-​Afrika, numru mhux magħruf taʼ nies imutu bil-​kanċer li setaʼ jinqabad kmieni kieku lil dawn l-​individwi sarulhom eżamijiet mediċi. Fin-​nisa, l-​iktar forom komuni tal-​marda huma l-​kanċer taċ-​ċerviċi u l-​kanċer tas-​sider. Fl-​irġiel, huma l-​kanċer tal-​prostata u l-​kanċer taʼ l-​imsaren. Għalhekk, il-​Bord Ċentrali tas-​Saħħa taz-​Zambja qed jirrikkmanda li n-​nies imorru l-​isptar biex jagħmlulhom it-​testijiet għall-​kanċer. It-​Times tistqarr li jekk jinqabad kmieni “jkun ifisser inqas uġigħ u trawma kemm għall-​pazjent kif ukoll għall-​familja tiegħu jew tagħha. Iktar minn hekk, dan jgħin lit-​tobba sabiex jieħdu l-​miżuri f’waqthom.”

Kumpensati Dawk Infettati bl-​Emofilja

Billi akkużathom bin-​“nuqqas taʼ osservazzjoni u kontroll” u “bid-​dewmien f’li jneħħu l-​prodotti [infettati],” il-​Qorti Ċivili taʼ Ruma ordnat lill-​Ministeru Taljan tas-​Saħħa biex iħallas kumpens lit-​385 emofiliċi li ħadu l-​epatite jew il-​virus taʼ l-​AIDS minn prodotti taʼ demm infettat. Terz minnhom diġà mietu. Skond il-​prokuratur Mario Lana, il-​president taʼ l-​Unjoni Forensika Taljana għall-​Ħarsien tad-​Drittijiet tal-​Bniedem, “dan il-​ġudizzju jirrikonoxxi relazzjoni kawżali preċiża bejn il-​kondotta ħatja u imprudenti taʼ l-​Istat Taljan u l-​ħsarat li ġarrbu dawk infettati bl-​emofilja.” Fl-​Italja, xi 2,000 infettati bl-​emofilja ħadu l-​virus taʼ l-​AIDS, u kważi 5,000 ħadu l-​epatite Ċ. B’riżultat taʼ li ngħataw dawn il-​prodotti taʼ demm infettat, 1,246 Taljan mietu.

L-​Influwenza Għadha Qed Toqtol

Reċentement, iktar minn 300 espert fuq l-​influwenza ltaqgħu fil-​kwartieri ġenerali taʼ l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa (WHO) f’Ġinevra, l-​Isvizzera, biex jiddiskutu kif jiġġieldu kontra din il-​marda qattiela. Minkejja l-​avvanz kbir li sar matul l-​aħħar 50 sena, l-​influwenza qed tkompli toqtol mijiet t’eluf taʼ nies kull sena, jirrapporta d-​Dipartiment tat-​Tagħrif Pubbliku tal-​Ġnus Magħquda. Sabiex ittejjeb il-​prevenzjoni u l-​kontroll taʼ l-​influwenza, il-​WHO se tippubblika skema disinjata biex tgħin u tipprepara għal dak li ssejjaħlu “tixrid eventwali maʼ kullimkien taʼ l-​influwenza.” It-​tabiba Gro Harlem Brundtland, id-​direttur ġenerali tal-​WHO, qalet: “Iż-​żmien biex nirreaġixxu jistaʼ jkun ferm qasir​—mis-​sejba taʼ xi tip sekondarju ġdid għall-​bidu taʼ tixrid kbir maʼ kullimkien.”

Qed Isiru Iktar Konxji taʼ l-​Abbuż fuq it-​Tfal?

Skond l-​El Universal, gazzetta taʼ Caracas, il-​persentaġġ t’abbuż sesswali fuq it-​tfal fil-​Venezwela żdied minn 1 minn kull 10 itfal fl-​1980 għal 3 minn kull 10 llum. Fl-​1980, l-​età medja taʼ tifel abbużat kienet bejn 12 u 14-il sena. Illum il-​biċċa l-​kbira huma tfal taʼ taħt it-​tliet snin. Min huma dawk li prinċipalment qed jikkommettu din il-​kriminalità li twaħħax? L-​idea li huma xi barranin li jistaħbew wara l-​bitħa taʼ l-​iskola u jistennew biex iħajru lit-​tfal bil-​ħelu m’hi realistika xejn. L-​El Universal tispjega li 70 fil-​mija taʼ dawk li jagħmlu dawn l-​atti offensivi huma qraba jew ħbieb tal-​familja. Iktar minn nofs taʼ dan in-​numru huma ġenituri tar-​rispett, u l-​kumplament ġeneralment huma dawk bl-​awtorità, bħal xi ħu akbar fl-​età, xi kuġin, jew xi għalliem.

Ossessjoni fuq il-​Karozzi

Skond l-​Assoċjazzjoni Amerikana tal-​Manifattura tal-​Karozzi, l-​Istati Uniti reċentement laħqet il-​mitt miljun fil-​produzzjoni tal-​karozzi. “Ħadu 25 sena biex jipproduċu l-​ewwel miljun karozza,” tirrapporta r-​rivista Compressed Air. Madankollu, illum “il-​produzzjoni kurrenti hija b’rata taʼ 30 karozza tal-​passiġġieri u għaxar trakkijiet u tal-​linja kull minuta għal kull ġurnata xogħol.” Jekk tikkunsidra l-​fabbriki li jgħaqqdu l-​karozza flimkien, il-​fabbriki li jagħmlu l-​partijiet tal-​karozzi, in-​nies li jbigħu u li jagħmlu t-​tiswijiet u l-​manutenzjoni, u s-​sewwieqa professjonali, fl-​Istati Uniti l-​industrija tal-​karozzi tħaddem madwar 1 minn kull 7 persuni li jaqilgħu l-​paga. Huwa kalkulat li fl-​Istati Uniti bħalissa qed jinħadmu madwar 40 miljun karozza.

Kriżi taʼ l-​Edukazzjoni

“Id-​dinja li qed tiżviluppa qed tiffaċċja kriżi taʼ l-​edukazzjoni b’125 miljun tifel u tifla, il-​biċċa l-​kbira minnhom bniet, li mhux qed jirċievu tagħlim fl-​iskola u 150 miljun oħra li qed joħorġu mill-​iskola qabel ma jkunu kapaċi jaqraw u jiktbu,” tirrapporta l-​England’s News Unlimited. Fil-​preżent, fil-​pajjiżi li qed jiżviluppaw, 1 minn kull 4 adulti, jew 872 miljun ruħ, huma illetterati. Iktar minn hekk, il-​kriżi taʼ l-​edukazzjoni ssir agħar meta pajjiżi b’rati għoljin taʼ illetterati jissellfu l-​flus minn pajjiżi iktar għonja. Għala? Għaliex il-​flus li huma tant meħtiġin għall-​edukazzjoni taʼ spiss qed jintużaw biex jitħallsu d-​djun. Għalhekk, iċ-​ċiklu taʼ l-​illetterati jirrepeti ruħu u dan ikompli jżomm il-​faqar għal dejjem.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja