LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 10/8 pp. 13-15
  • Meta x-​Xita ma Tinżilx

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta x-​Xita ma Tinżilx
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xhieda Sħabhom Iwieġbu b’Imħabba
  • Il-​Ferħ f’li Jagħtu u Jirċievu l-​Għajnuna
  • Soluzzjoni Dejjiema
  • Għajnuna lil Vittmi taʼ Diżastri
    Kif Jintużaw id-Donazzjonijiet Tiegħek?
  • Segwi l-Eżempju taʼ Ġesù u Ħu Interess fil-Foqra
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Il-Kristjanità fl-Azzjoni f’Nofs it-Taqlib
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Stenbaħ!—1999
g99 10/8 pp. 13-15

Meta x-​Xita ma Tinżilx

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-​BRAŻIL

IS-​SENA l-​oħra, ħafna postijiet fil-​majjistral tal-​Brażil intlaqtu serjament minn nixfa kbira. Skond ir-​rivista Veja, mijiet t’eluf taʼ nordestinos, kif jissejħu l-​abitanti tal-​majjistral tal-​pajjiż, sabu li ħajjithom kienet “tiddependi mix-​xita li ma tinżilx.” In-​nixfa qerdet prodotti agrikoli bħal ross, fażola, u qamħirrun, ħaġa li wasslet biex f’ħafna postijiet waqaʼ ġuħ kbir—l-​agħar wieħed fi 15-il sena. F’xi postijiet, kien hemm saħansitra nuqqas taʼ ilma għax-​xorb.

Il-Brażiljani jafu x’jiġifieri nixfa. Fl-​1877, waqt l-​agħar nixfa li qatt laqtet lill-​pajjiż, mietu xi 500,000 ruħ bil-​ġuħ. Dak iż-​żmien, l-​imperatur Brażiljan Dom Pedro II ħalef li jsib soluzzjoni għall-​problema tan-​nixfa, anki jekk kien se jkollu jbigħ il-​ġojjelli kollha tal-​kuruna tiegħu biex jagħmel dan! Dan ġara iktar minn 100 sena ilu; u madankollu llum il-​problema għadha hemm. Matul in-​nixfa tas-​sena l-​oħra, il-​kalkoli kienu juru li din kienet se teffettwa daqs għaxar miljun ruħ li jgħixu f’1,209 ibliet fil-​majjistral tal-​Brażil.

Xhieda Sħabhom Iwieġbu b’Imħabba

Meta waslu rapporti dwar in-​nixfa fl-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society fil-​Brażil, ittieħdet azzjoni immedjata. Intbagħtu rappreżentanti li jivvjaġġaw fl-​iktar inħawi milqutin fl-​istati taʼ Bahia, Ceará, Paraíba, Pernambuco, u Piauí biex jikkalkulaw kemm kienet kbira l-​problema. L-​indokraturi li jivvjaġġaw sabu li 900 Xhud u student tal-​Bibbja li kienu jgħixu f’dawk l-​inħawi kellhom bżonn urġenti taʼ l-​għajnuna. Xi wħud minnhom kienu qed jgħaddu fuq il-​yams; oħrajn kellhom biss ross x’jieklu. Familja minnhom ma kellhom ebda ikel x’jieklu u kellhom biss ħalib x’jixorbu għall-​kolazzjon, għall-​ikla taʼ nofsinhar u għall-​ikla taʼ fil-​għaxija. Oħt Kristjana marida bil-​kanċer kellha tbigħ is-​sodda tagħha sabiex tkun tistaʼ tixtri ftit ikel. Familja taʼ sitta kienu kielu dik li ħasbu li kienet l-​aħħar ikla tagħhom meta waslet l-​għajnuna mingħand ħuthom Kristjani.

Immedjatament ġew organizzati kumitati li jipprovdu għajnuna biex iqassmu l-​ikel u l-​provvisti. Xhieda li joqogħdu f’Recife u fi bliet oħrajn fil-​qrib taw b’mod ġeneruż lil dawk li kienu fil-​bżonn. Imma meta kien hemm bżonn taʼ iktar għajnuna, ngħaqdu magħhom Kristjani minn Rio de Janeiro wkoll biex jgħinu lil ħuthom. F’qasir żmien, ix-​Xhieda kienu taw 34 tunnellata ikel u kienu ħallsu l-​ispejjeż biex il-​provvisti jaslu sa Recife, distanza taʼ 2,300 kilometru.

Fil-kapitali taʼ l-​istati taʼ Piauí u Paraíba, f’tebqa t’għajn inġabru sitt tunnellati ikel. Sar arranġament biex Sala tas-​Saltna ġewwa l-​belt taʼ Fortaleza tintuża temporanjament biex jinħażen l-​ikel li taw l-​aħwa. Imma qamet problema. Ix-​Xhieda kif setgħu jġorru l-​ikel sad-​destinazzjoni? Raġel li m’huwiex wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah b’qalb tajba offrielhom biex jużaw it-​trakk tiegħu. Madankollu, it-​trakkijiet eskortati li kienu qed iġorru l-​ikel u l-​provvisti kienu qed jiġu mwaqqfin biex tinsteraq it-​tagħbija taʼ fuqhom. Kienu l-​affarijiet li ngħataw se jaslu sad-​destinazzjoni tagħhom? Ix-​Xhieda kienu determinati li jipprovaw. B’fidi sħiħa f’Jehovah, huma saqu t-​trakk mgħobbi bl-​ikel minn ġo dawk l-​inħawi. Il-​provvisti waslu b’wiċċ il-​ġid u ntlaqgħu bi gratitudni.

Il-​Ferħ f’li Jagħtu u Jirċievu l-​Għajnuna

Ix-​Xhieda li kienu involuti fl-​organizzar tal-​ħidma biex tingħata l-​għajnuna kienu ferħanin ħafna li kellhom l-​opportunità li jgħinu lil ħuthom. Wieħed mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni li jgħix f’São Paulo osserva: “L-​aħħar darba li kien hemm il-​ġuħ, ma ġejniex mistiedna biex nikkontribwixxu l-​ikel. Kemm aħna grati li din id-​darba rċivejnieha l-​istedina biex nagħmlu dan!” Xi Xhieda minn Fortaleza kitbu: “Aħna ferħanin ħafna li stajna ngħinu lil ħutna, speċjalment għaliex aħna ċerti li ferraħna qalb Jehovah. Qatt ma ninsewh il-​kliem f’Ġakbu 2:15, 16.” Dawn il-​versi Bibliċi jgħidu: “Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-​ikel taʼ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru bis-​sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu’, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-​ġisem, dan x’jiswa?”

Xi drabi x-​Xhieda li taw il-​provvisti waħħlu messaġġi inkuraġġanti mal-​pakketti taʼ l-​ikel. Messaġġ minnhom kien jgħid: “Żommu f’moħħkom il-​wegħda taʼ Salm 72:16 li dalwaqt, fid-​dinja ġdida t’Alla, se jkun hemm ikel iktar milli meħtieġ.” M’għandniex xi ngħidu, ix-​Xhieda milqutin mill-​ġuħ ma kellhomx kliem biżżejjed biex jesprimu l-​gratitudni tagħhom għall-​qalb tajba murija minn ħuthom. Wieħed Xhud li l-​familja tiegħu rċiviet l-​għajnuna li tant kellha bżonn kiteb b’apprezzament: “Jien u l-​familja tiegħi nħarsu lejn din l-​azzjoni bħala turija fil-​prattika taʼ l-​imħabba taʼ Jehovah, dak Alla u Missier ħanin tagħna, u tat-​tħassib b’imħabba min-​naħa taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu lejna, il-​membri tagħha. Dan ġagħalna nħossuna iktar qrib tiegħu u tal-​poplu tiegħu.”

Soluzzjoni Dejjiema

Ironikament, m’hemm ebda nuqqas t’ilma fil-​majjistral tal-​Brażil; hemm firxa taʼ ilma ħelu taħt l-​art, kif ukoll kwantità kbira taʼ ilma fil-​ġibjuni. Kieku kien possibbli li dawn ir-​riżorsi taʼ l-​ilma jsiru disponibbli għal kulħadd, l-​art tkun tistaʼ ssir produttiva f’dik li hi agrikultura.

Dalwaqt, il-​problema li tant itturmentat lill-​Imperatur Dom Pedro II se tiġi solvuta b’mod permanenti. Dak il-​jum se jasal meta s-​Saltna t’Alla permezz taʼ Ġesù Kristu se ssolvi l-​problemi kollha tad-​dinja, inkluż il-​ġuħ. Imbagħad l-​art milquta min-​nixfa se tara t-​twettiq tal-​profezija taʼ Isaija: “Igelgel l-​ilma fid-​deżert, u l-​widien fix-​xagħri. L-​art maħruqa tinbidel f’għadira, u l-​art niexfa f’għejun taʼ ilma ġieri.”​—Isaija 35:​1, 2, 6, 7.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 15]

‘Agħmlu l-​Ġid maʼ Kulħadd’

L-​appostlu Pawlu ta dan il-​parir lil sħabu fit-​twemmin: “Ħa nagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, l-​iktar maʼ qrabatna fil-​fidi.” (Galatin 6:10) In-​nixfa li kien hemm dan l-​aħħar fil-​Brażil tat l-​opportunità lix-​Xhieda taʼ Jehovah taʼ dawk l-​inħawi biex japplikaw dan il-​parir b’mod prattiku. Huma b’imħabba wrew interess mhux biss fi sħabhom fit-​twemmin imma wkoll f’oħrajn. Bħala riżultat, xi individwi li qabel kienu jopponu x-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah bdew jikkunsidraw mill-​ġdid l-​opinjoni li kellhom dwarhom.

Wieħed raġel għall-​ewwel xejn ma ħa pjaċir meta martu ddeċidiet li tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah. Maż-​żmien, il-​mara bdiet taqsam it-​twemmin ġdid tagħha m’oħrajn. Meta l-​ġuħ kien fl-​aqwa tiegħu u x-​Xhieda lokali marru d-​dar tal-​koppja biex jagħtuhom l-​ikel, ir-​raġel tant baqaʼ impressjonat li ddeċieda li jagħmel xi ħaġa li kien ħalef li qatt ma kien se jagħmilha​—jattendi laqgħa fis-​Sala tas-​Saltna lokali. Għalkemm kien għad baqagħlu xi dubji dwar l-​ispirazzjoni tal-​Bibbja, dan ir-​raġel li qabel kien jopponi aċċetta studju tal-​Bibbja fid-​dar.

Ix-​Xhieda f’lokalità oħra rrapportaw: “Konna sorpriżi li l-​provvisti t’għajnuna waslu daqshekk malajr. L-​ammont taʼ ikel li ġie provdut kien akbar milli konna stennejna. Għalhekk, wara li ħadna ħsieb il-​bżonnijiet taʼ ħutna u l-​familji tagħhom, qassamna l-​ikel lil dawk li kienu qed jistudjaw il-​Bibbja, lill-​qraba tagħhom, u anki lill-​ġirien tax-​Xhieda taʼ Jehovah.”

Xi Xhieda li joqogħdu f’raħal minnhom taw xi pakketti taʼ l-​ikel lil uħud mill-​ġirien tagħhom. Waħda minnhom, li ħassitha ferm grata, irrimarkat: “Intom qed tagħmlu dak li għallem Kristu; intom tagħtu mingħajr ma tistennew xi ħaġa lura.”

[Sors tal-Istampa f’paġna 13]

Ritratt taʼ l-​UN/DPI minn Evan Schneider

[Stampa f’paġna 14]

L-​effetti tan-​nixfa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja