Saħħa u Sigurtà fl-Ewropa
Minn korrispondent taʼ Stenbaħ! fil-Britannja
IKTAR minn 16,000 raġel u mara jaħdmu fil-kwartieri ġenerali tal-Watch Tower Bible and Tract Society u l-109 uffiċċji tal-fergħa tagħha. Xi wħud minn dawn il-volontieri jieħdu ħsieb l-istampar, il-postijiet tax-xogħol, u l-manteniment tal-makkinarji. Imma hu x’inhu x-xogħol tagħhom, huma jimpennjaw ruħhom biex jaħdmu mingħajr periklu, sabiex jissalvagwardjaw il-ħajja u s-saħħa.
Il-livell għoli li laħqet il-fergħa tal-Britannja fil-fabbriki tagħha f’Mill Hill, Londra, ġie rikonoxxut pubblikament fl-1998 wara l-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà taʼ l-1997. Trofew tal-kristall bil-kliem imnaqqax “Il-Ġimgħa Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà—Rebbieħ tal-Premju 1997” ġie preżentat lis-Soċjetà. X’wassalhom biex jirċievu dan il-premju hekk prestiġjuż?
Fl-1994 il-Watch Tower Society poġġiet quddiem l-Eżekuttiv tas-Saħħa u s-Sigurtà (Health and Safety Executive [HSE]) analisi dettaljata fuq kif tnaqqas in-numru taʼ wħud li jweġġgħu daharhom fuq il-post tax-xogħol. Fit-tmiem taʼ din il-kampanja, is-Soċjetà rċiviet ċertifikat tal-HSE għas-sapport tagħha. Fl-1996 is-Soċjetà ġiet mitluba biex tagħmel rapport qasir fuq l-attivitajiet tas-saħħa u s-sigurtà tagħha. Wara dan, ġie preżentat ċertifikat lill-“Watchtower Bible & Tract Society bħala rikonoxximent tal-kontribuzzjoni prezzjuża tagħhom” għas-saħħa u s-sigurtà.
Is-sena taʼ wara, fl-1997, l-HSE stiednet lill-Watch Tower biex tieħu sehem fil-kampanja Ewropea għas-saħħa u s-sigurtà. Meta kien il-waqt, is-Soċjetà ppreżentat trattat dettaljat, bir-ritratti, li wera li jekk tqabbad l-apparat individwali li jaħdem bid-dawl maʼ l-extractors ewlenin li jiġbdu t-trab, huwa possibbli li f’post fejn jinħadem l-injam, tnaqqas it-trab b’90 fil-mija u tnaqqas l-għabra taʼ l-injam b’100 fil-mija, u dan kollu b’inqas minn £250 (Lm156).
Bħala riżultat, is-Soċjetà kienet fost it-30 rebbieħ li ġew mistiedna biex jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-gvern Ingliż, kif ukoll maċ-chairman tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sigurtà. Waqt li kien qed jippreżenta t-trofew, hu qal: “Prosit, Watch Tower!”
[Stampi f’paġna 31]
Premji mogħtijin lill-Watch Tower għal-livelli għoljin fis-saħħa u sigurtà tagħha