Is-Suwiċidju—L-Epidemija Moħbija
JOHN U MARYa għandhom fuq il-50 sena sew u jgħixu f’parti rurali taʼ l-Istati Uniti f’dar żgħira. John qiegħed imut bil-mod il-mod bl-enfisema u kollass minħabba konġestjoni fil-qalb. Mary sempliċement ma tistax timmaġina kif se tkun il-ħajja mingħajr John, u ma tiflaħx tarah jispiċċa fix-xejn ftit ftit, maʼ kull nifs li jieħu. Mary wkoll għandha problemi taʼ saħħa u ilha snin sħaħ tbati bid-dipressjoni. John dan l-aħħar kien inkwetat għax semaʼ lil Mary ssemmi s-suwiċidju. Moħħha iktar qed jitħawwad minħabba d-dipressjoni u l-medikazzjoni kollha li tieħu. Hi tgħid li ma tistax timmaġina lilha nfisha tgħix waħedha.
Id-dar mimlija mediċini—pilloli tal-qalb, antidipressanti, u kalmanti. Jum minnhom, fis-sigħat bikrin taʼ fil-għodu, Mary tmur fil-kċina u taqbad tiblaʼ l-pilloli. Ma tiqafx tiblaʼ sakemm John isibha u jiħdilha l-pilloli. Hu jsejjaħ l-iskwadra tas-salvataġġ hekk kif hi taqaʼ f’koma. Hu jitlob li m’huwiex tard wisq.
X’Jikxfu l-Istatistiċi
Inkiteb ħafna f’dawn l-aħħar snin dwar l-għadd li dejjem jiżdied taʼ suwiċidji fost iż-żgħażagħ—u bix-xieraq, għax liema traġedja akbar hemm mill-mewta ħesrem taʼ xi ħadd żagħżugħ, mimli ħajja u stennijiet? Madankollu, fil-punti ewlenin taʼ l-aħbarijiet jinqabeż il-fatt li r-rata taʼ suwiċidju fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tibqaʼ tiżdied maʼ l-età. Dan huwa minnu sew jekk ir-rata ġenerali taʼ suwiċidji f’ċertu pajjiż tkun għolja u sew jekk tkun baxxa, bħalma turi l-kaxxa f’din il-paġna. Ħarsa lejn dawn l-istatistiċi turi kemm hija globali din l-epidemija moħbija.
Fl-1996, iċ-Ċentri Amerikani għall-Kontroll tal-Mard irrapportaw li n-numru taʼ suwiċidji fost l-Amerikani taʼ 65 sena jew akbar żdied b’36 fil-mija mill-1980 ’l hawn. Ftit minn din iż-żjieda kienet minħabba n-numru akbar t’Amerikani anzjani—imma din m’hijiex ir-raġuni kollha. Fl-1996 ir-rata attwali taʼ suwiċidji fost dawk ’il fuq minn 65 sena żdiedet ukoll, b’9 fil-mija, għall-ewwel darba f’40 sena. Rigward imwiet kaġunati minn ġrieħi, il-waqgħat biss u l-ħbit bil-karozzi qatlu iktar Amerikani anzjani. Fil-fatt, anki dawn il-figuri allarmanti għandhom mnejn huma baxxi wisq. “Is-suwiċidju huwa suspettat li ma jiġix kalkulat kemm suppost fl-istatistiċi bbażati fuq iċ-ċertifikazzjoni tal-kaġun tal-mewt,” josserva A Handbook for the Study of Suicide. Il-ktieb iżid li xi wħud jikkalkulaw li l-figuri fil-verità huma d-doppju taʼ l-istatistiċi li jiġu rapportati.
Ir-riżultat x’inhu? L-Istati Uniti, bħal ħafna pajjiżi oħrajn, qed tbati mill-epidemija globali u moħbija taʼ suwiċidji fost ċittadini anzjani. It-Tabib Herbert Hendin, espert f’dan is-suġġett, jinnota: “Minkejja l-fatt li r-rata taʼ suwiċidji fl-Istati Uniti tiżdied konsistentement u b’mod speċjali maʼ l-età, is-suwiċidju fost nies ixjeħ ma tantx irċieva attenzjoni mill-pubbliku.” Dan għala? Hu jissuġġerixxi li parti mill-problema hija li peress li r-rata taʼ suwiċidji fost nies ixjeħ minn dejjem kienet għolja, ‘din ma ħasditx lin-nies daqs kemm ħasdithom iż-żjieda drammatika taʼ suwiċidji fost iż-żgħażagħ.’
Effiċjenza taʼ l-Għaġeb
Dawn l-istatistiċi, għalkemm jixxokkjaw, huma biss numri xotti xotti. Ma jistgħux jesprimu s-solitudni tal-ħajja mingħajr sieħeb għażiż, il-frustrazzjoni meta wieħed jitlef l-indipendenza, id-disprament minn xi marda fit-tul, il-vojt li tħalli dipressjoni kronika, jew in-nuqqas taʼ tama minħabba marda fatali. Il-verità kerha hi li filwaqt li ż-żgħażagħ għandhom mnejn jipprovaw jagħmlu suwiċidju bħala reazzjoni mgħaġġla għal problemi temporanji, nies ixjeħ ġeneralment jiffaċċjaw problemi li jkunu jidhru permanenti u li ma jissolvewx. Bħala riżultat, taʼ spiss dawn jiffaċċjaw is-suwiċidju b’determinazzjoni akbar minn dik taż-żgħażagħ u jwettquh b’effiċjenza taʼ l-għaġeb.
“Is-suwiċidju mhux biss huwa ħafna iktar komuni fost l-anzjani, imma l-att stess taʼ suwiċidju jirrifletti differenzi importanti bejn ix-xjuħ u ż-żgħażagħ,” jinnota t-Tabib Hendin, fil-ktieb tiegħu Suicide in America. ‘B’mod partikulari, meta tqabbel il-proporzjon t’attentati taʼ suwiċidji maʼ dawk li jitwettqu, dan jinbidel mhux ħażin fost ix-xjuħ. Fost il-popolazzjoni b’mod ġenerali, il-proporzjon t’attentati taʼ suwiċidji mqabbel maʼ suwiċidji li jitwettqu ġie stmat li hu 10 għal kull 1; fost iż-żgħażagħ (15-24 sena), ġie stmat li hu 100 għal kull 1; u fost dawk fuq il-55 sena, ġie stmat li hu 1 għal kull 1.’
Kemm huma statistiċi koroh! Kemm hu taʼ dwejjaq li tixjieħ, titlef is-saħħa fiżika, u tbati bl-uġigħ u l-mard! Mhux taʼ b’xejn li ħafna jagħmlu suwiċidju. Madankollu, hemm raġuni qawwija għala għandek tgħożż il-ħajja—anki taħt ċirkustanzi diffiċli ħafna. Ikkunsidra xi ġralha Mary, li ssemmiet fl-introduzzjoni.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
[Tabella f’paġna 3]
Rati taʼ Suwiċidju għal kull 100,000 Persuna, Skond l-Età u s-Sess
Minn 15 sa 24 Minn 75 ʼl fuq
Irġiel/Nisa Pajjiż Irġiel/Nisa
8.0/2.5 Arġentina 55.4/ 8.3
10.1/4.4 Ġappun 51.8/37.0
4.0/0.8 Grecja 17.4/ 1.6
7.6/2.0 Messiku 18.8/ 1.0
53.7/9.8 Russja 93.9/34.8
23.4/3.7 Stati Uniti 50.7/ 5.6
19.2/3.8 Ungerija 168.9/60.0