LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 3/8 pp. 5-7
  • Tingħata Xewqa Biex Tgħix

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tingħata Xewqa Biex Tgħix
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Stajt Nevitah Dan?’
  • Tmiem Ferrieħi
  • Is-Suwiċidju—L-Epidemija Moħbija
    Stenbaħ!—2000
  • Għala xi Nies Jixbgħu mill-Ħajja
    Stenbaħ!—2001
  • Problema mad-Dinja Kollha
    Stenbaħ!—2001
  • Int Tistaʼ Ssib l-Għajnuna
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 3/8 pp. 5-7

Tingħata Xewqa Biex Tgħix

MARY kienet tbati minn dipressjoni klinika kif ukoll minn xi problemi oħra tas-​saħħa. Madankollu, ma nqatgħetx mill-​familja tagħha, u lanqas m’abbużat mill-​alkoħol jew mid-​drogi. Il-​każ taʼ Mary juri tajjeb il-​punt li mhux il-​fatturi taʼ riskju kollha jeħtieġu li jkunu preżenti biex isir attentat serju taʼ suwiċidju.

Għal xi żmien kien jidher li Mary kienet se ssir statistika oħra li tixhed l-​effiċjenza li biha nies ixjeħ itemmu ħajjithom. Għal jiem sħaħ hi baqgħet f’koma, bla ma twieġeb xejn, fis-​sezzjoni tal-​kura intensiva taʼ l-​isptar lokali, u s-​sinjali taʼ ħajja tagħha kienu veru dgħajfin. Żewġha John, bħal wieħed rasu maqtugħa, rari kien jitlaq minn ħdejha. It-​tobba wissew lil John u lill-​familja li forsi Mary ma kinitx se tgħix u li kieku kellha tibqaʼ ħajja, kien hemm iċ-​ċans li ssofri ħsara permanenti fil-​moħħ.

Waħda mill-​ġirien, Sally, li hija waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah, kienet iżżur lil Mary kuljum. “Ħeġġiġt lil tal-​familja biex ma jaqtgħux qalbhom,” tgħid Sally. “Ommi, li hija dijabetika, kienet f’koma għal ġimgħat sħaħ ftit tas-​snin ilu. It-​tobba qalu lill-​familja tagħna li hi ma kellha l-​ebda ċans li tgħix, imma għexet. Kont naqbad id Mary u noqgħod inkellimha, kif kont nagħmel lil ommi, u deherli li stajt inħoss reazzjoni ħafifa.” Sat-​tielet jum, ir-​reazzjoni kienet iktar qawwija, u Mary kienet qisha qed tagħraf lin-​nies, għalkemm ma setgħetx titkellem.

‘Stajt Nevitah Dan?’

“John kien mifni ferm bil-​ħtija,” tgħid Sally. “Kien ċert li kien kollu t-​tort tiegħu.” Din hija reazzjoni komuni għas-​suwiċidju jew attentat taʼ suwiċidju taʼ xi ħadd maħbub. “Kont infakkru li Mary kienet qed tieħu l-​kura għal dipressjoni klinika. Hi kienet marida u ma setgħetx ma jkollhiex dipressjoni, daqs kemm hu ma setax ma jimradx.”

Dawk li jkollhom lil xi ħadd maħbub li jagħmel suwiċidju taʼ spiss jiġu turmentati bil-​mistoqsija, Xi stajt għamilt biex nevitah? Billi toqgħod attent għal sinjali taʼ twissija u fatturi taʼ riskju tistaʼ tevita attentat taʼ suwiċidju. Imma jekk le, ftakar li int m’intix responsabbli għal att li għamel individwu biex joqtol lilu nnifsu. (Galatin 6:5) Dan hu importanti li niftakruh, b’mod speċjali f’dawk il-​każi fejn il-​membru tal-​familja li jagħmel suwiċidju jfittex minn jeddu li jitfaʼ l-​ħtija fuq l-​oħrajn. It-​Tabib Hendin, li kkwotajnieh qabel, jinnota: “Irridu nżommu f’moħħna li attentati fatali taʼ suwiċidju taʼ spiss isiru minn nies li jkunu qed jittamaw li jinfluwenzaw jew jimmanipulaw is-​sentimenti taʼ nies oħrajn avolja m’humiex se jkunu preżenti biex jixhdu s-​suċċess jew il-​falliment taʼ l-​isforzi tagħhom.”

It-Tabib Hendin ikompli jgħid hekk: “Fil-​każ taʼ nies ixjeħ li jkunu jridu joqtlu lilhom infushom, taʼ spiss ikun hemm tfal kbar kif ukoll aħwa jew imseħbin fiż-​żwieġ li l-​pazjent ikun jixtieq jinfluwenzahom, jikkontrollahom, jew jisforzahom biex ikollhom irwol iktar protettiv. Dak li jitlob il-​pazjent taʼ spiss ikun impossibbli li jiġi sodisfat, il-​pazjent taʼ sikwit ma jkunx irid jagħmel kompromessi fuq dawn l-​affarijiet, u l-​attentati taʼ suwiċidju li ma jkunux serji taʼ spiss jiġu segwiti minn attentati li jkunu.”

Membri tal-​familja f’dawn iċ-​ċirkustanzi jistgħu jħossuhom li huma tassew jinsabu taħt pressjoni kbira wisq, iktar milli jifilħu għaliha. Madankollu, qatt tinsa li Alla Jehovah jqajjem lill-​mejtin u li dan jistaʼ jinkludi wkoll lill-​maħbubin tagħna li minħabba xi dipressjoni, mard mentali, jew disprament ikunu qatlu ruħhom b’idejhom.—Ara “The Bible’s Viewpoint: Suicides—A Resurrection?” fl-​Awake! tat-​8 taʼ Settembru, 1990, paġni 22-3.

Filwaqt li m’hemm l-​ebda skuża tajba għal suwiċidju, huwa taʼ faraġ li tiftakar li l-​prospetti futuri tal-​maħbubin tagħna qegħdin f’idejn Alla li jifhem għalkollox li d-​dgħjufijiet u l-​fraġilitajiet jistgħu jġagħlu lil dak li jkun jieħu azzjoni ddisprata bħal din. Il-​Bibbja tgħid dwar Jehovah: “Daqskemm huma s-​smewwiet ’il fuq mill-​art, hekk hi kbira tjubitu maʼ min jibżaʼ minnu; daqs kemm hu mbiegħed il-​lvant mill-​punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. Bħalma jħenn il-​missier għal uliedu, hekk iħenn il-​Mulej għal min għandu l-​biżaʼ tiegħu. Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.”—Salm 103:​11-14.

Tmiem Ferrieħi

Għal jumejn sħaħ Mary kienet qed tilgħabha mal-​mewt, imma hi salvat. Bil-​mod il-​mod moħħha ċċaralha, u John ħadha d-​dar, f’dar fejn il-​mediċina kienet imsakkra għas-​sigurtà. Issa Mary qed tmur għal visti regulari għand ħaddiema soċjali tas-​saħħa mentali u hi tgħid li ma tistax tispjega jew saħansitra tiftakar dik il-​forza tal-​biżaʼ li ġagħlitha tagħmel xi ħaġa li kważi switilha ħajjitha.

Issa Sally, il-​ġâra taʼ John u Mary, qed tikkonduċi studju tal-​Bibbja magħhom kull ġimgħa. Huma tgħallmu mill-​Bibbja li l-​istess problemi li jidhru mingħajr soluzzjoni, speċjalment għal uħud ixjeħ, se jissolvew minn Alla dalwaqt ferm. “M’għandniex xi ngħidu, studju tal-​Bibbja waħdu m’huwiex xi rimedju taʼ kollox,” tispjega Sally. “Trid tagħti prova lilek innifsek mill-​Iskrittura li dawn il-​wegħdi huma reali, u mbagħad trid tapplika dak li titgħallem. Imma naħseb li John u Mary qegħdin isibu tama vera għall-​futur.”

Jekk il-​futur tiegħek jidher dipressanti u tixtieq tama vera, għala ma tikkuntattjax lix-​Xhieda taʼ Jehovah? Ħallihom jagħtuk prova, kif taw lil John u Mary, li m’hemm l-​ebda problema li Alla ma jistax u li mhux se jsolviha fil-​futur qarib. Jidhru kemm jidhru ħżiena l-​affarijiet bħalissa, hemm soluzzjoni. Jekk jogħġbok ikkunsidra magħna t-​tama ċerta għall-​futur, tama li tat lil ħafna wħud xewqa mġedda li jgħixu.

[Kaxxa f’paġna 6]

Fatturi taʼ Riskju u Sinjali taʼ Twissija

“Il-​fatturi taʼ riskju għal suwiċidju fost nies ixjeħ huma differenti minn dawk fost persuni żgħażagħ,” josserva The Journal of the American Medical Association. Dawk il-​fatturi taʼ riskju jinkludu “ċans ogħla t’abbuż t’alkoħol u dipressjoni, użu akbar taʼ metodi qattiela ħafna, u iżolament soċjali. Iżjed minn hekk, persuni ixjeħ . . . ikollhom iktar mard fiżiku u taqlib emozzjonali.” Il-​ktieb Suicide, taʼ Stephen Flanders, isemmi l-​lista li ġejja taʼ fatturi taʼ riskju, li lkoll kemm huma jixirqilhom l-​attenzjoni.

Dipressjoni kronika:

“Ir-​riċerkaturi jirrapportaw li 50% jew iktar taʼ dawk li joqtlu ruħhom b’idejhom ikollhom rekord taʼ dipressjoni serja.”

Nuqqas taʼ tama:

F’xi studji, anki n-​nies li ma kinux jidhru dipressi kellhom iktar ċans li jagħmlu suwiċidju jekk dawn ma kellhom l-​ebda tama għall-​futur.

Alkoħoliżmu u abbuż taʼ droga:

“Huwa stmat li bejn 7% u 21% [taʼ l-​alkoħoliċi] joqtlu ruħhom b’idejhom, meta jitqabblu maʼ inqas minn 1% tal-​popolazzjoni ġenerali.”

Influwenza mill-​familja:

“Xi studji juru li membri taʼ familja li jkunu ġew milqutin minn xi suwiċidju għandhom riskju akbar li jikkommettu suwiċidju huma stess.”

Mard:

‘Il-​biżaʼ li ġisimhom jispiċċa bla saħħa, biċ-​ċans li jintefgħu f’xi dar tax-​xjuħ, jistaʼ jkun biżżejjed biex ir-​reazzjoni taʼ xi xjuħ tkun li jipprovaw jagħmlu suwiċidju.’

Telf:

“It-​telfa tistaʼ tkun tanġibbli, bħal xi sieħeb jew ħabib, impjieg, jew is-​saħħa taʼ dak li jkun. Tistaʼ tkun ukoll xi ħaġa mhix tanġibbli. Xi eżempji jinkludu stima lejhom infushom, ċerta pożizzjoni, jew sens taʼ ­sigurtà.”

Flimkien maʼ dawn il-​fatturi taʼ riskju, il-​ktieb taʼ Flanders isemmi l-​lista li ġejja taʼ sinjali taʼ twissija li qatt m’għandhom jittieħdu ħafif ħafif.

Attentat taʼ suwiċidju li jkun sar qabel:

“Dan il-​fatt waħdu huwa l-​wieħed ewlieni li jindika l-​possibbiltà taʼ ­suwiċidju.”

Diskors dwar suwiċidju:

“Stqarrijiet bħal ‘Mhux se jdumu ħafna iktar jinkwetaw minħabba fija’ jew ‘Ivinċu aħjar mingħajri’ huma eżempji taʼ theddidiet ovvji.”

Arranġamenti taʼ l-​aħħar:

“Din l-​imġiba tinkludi li jagħmlu testment, jagħtu affarijiet li jkunu għal qalbhom, u jagħmlu arranġamenti għal xi annimali li jkollhom.”

Bidla fil-​personalità jew fl-​imġiba:

Meta din tkun “akkumpanjata b’espressjonijiet taʼ li ma jiswew xejn jew li m’għandhom l-​ebda tama,” dan jistaʼ jkun “sinjal taʼ dipressjoni qawwija biżżejjed biex twassalhom għal li jġibu ruħhom b’tali mod li joqtlu lilhom infushom.”

[Stampa f’paġna 7]

Uħud li jesperjenzaw is-​suwiċidju tas-​sieħeb tagħhom taʼ spiss ikollhom bżonn l-​għajnuna biex ikampaw

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja