Ħarsa Lejn id-Dinja
It-Tfal u s-Servizzi Reliġjużi
“Qegħdin it-tfal imorru għal servizzi reliġjużi?” tistaqsi edizzjoni reċenti tal-pubblikazzjoni Canadian Social Trends. Din twieġeb li skond studju taʼ statistiċi fil-Kanada, “iktar minn terz, 36%, tat-tfal fil-Kanada li huma taħt it-12-il sena attendew is-servizzi reliġjużi minn taʼ l-inqas darba fix-xahar, u l-biċċa l-kbira minnhom kienu jipparteċipaw kull ġimgħa. Tnejn u għoxrin fil-mija oħra attendew inqas spiss, imma minn taʼ l-inqas marru darba fis-sena.” Madankollu, l-artiklu ġibed l-attenzjoni li r-reliġjon tat-tfal effettwat bil-kbir kemm kienu jipparteċipaw regolarment fis-servizzi reliġjużi. It-tfal li kienu parti mir-reliġjonijiet li ħafna jqisu li huma prinċipali, bħall-Knisja Anglikana u Magħquda, irrapportaw l-inqas rati t’attendenza fil-ġimgħa (18%). It-tfal Kattoliċi Rumani marru kemm kemm aħjar, billi 22 fil-mija attendew kull ġimgħa. Filwaqt li 44 fil-mija tat-tfal Musulmani attendew is-servizzi reliġjużi Islamiċi kull ġimgħa, “huma wkoll kellhom l-akbar rata taʼ nuqqas t’attendenza (39%) fis-sena taʼ qabel ma sar l-istħarriġ.”
Twissija Kontra l-Baby Walker
Il-baby walkers jistgħu jeffettwaw l-iżvilupp fiżiku u intelletwali tat-trabi, tirrapporta l-gazzetta Independent taʼ Londra. Xi riċerkaturi mill-iState University taʼ New York skoprew li l-baby walkers li jkunu kbar minn quddiem ma jħallux lit-trabi jaraw saqajhom u dawn ma jkunux jistgħu jilħqu l-affarijiet taʼ madwarhom. Ġie osservat li t-trabi li kienu wżaw il-walkers kienu jibdew joqogħdu bil-qegħda f’pożizzjoni dritta, jitkaxkru, u jimxu, iktar minn ħames ġimgħat wara dawk li qatt ma kienu wżaw baby walker. Iktar minn hekk, l-investigazzjoni wriet li kull sena 50 fil-mija tat-trabi li jużaw il-baby walkers iweġġgħu f’inċidenti bħal li jaqgħu t-taraġ jew jinħarqu jew sempliċement billi jinqalbu bihom. It-Tabiba Denise Kendrick, taʼ l-Iskola Medika taʼ l-Università taʼ Nottingham fl-Ingilterra, tgħid: “Il-baby walkers huma perikolużi. Dawn bħallikieku jissodisfaw il-bżonnijiet tal-ġenituri billi jżommu lil uliedhom okkupati minflok ma huma taʼ ġid għat-tfal.”
Faċendi għat-Tfal
Skond il-gazzetta The Toronto Star, il-ġenituri tal-lum li huma mħabbtin ħafna joqogħdu lura milli jqabbdu lil uliedhom biex jgħinuhom fid-dar. Jane Nelsen, awtriċi tal-ktieb Positive Discipline, tgħid li għalkemm il-faċendi “qatt ma se jkunu l-ewwel prijorità għat-tfal,” dawn jgħinu lit-tfal jitgħallmu jaħsbu iktar għal rashom u jkollhom fiduċja akbar fihom infushom. Skond studju li deher fir-rivista Child, xi faċendi realistiċi għal tfal taʼ sentejn u tliet snin jinkludu li jerfgħu l-ġugarelli tagħhom kif ukoll li jitfgħu ħwejjiġhom għall-ħasil. Tfal taʼ bejn it-tliet snin u ħamsa jistgħu jagħmlu l-mejda, jieħdu l-platti fis-sink, u jżommu l-post fejn jilagħbu żbarazzat. Dawk taʼ bejn il-5 u d-9 snin jistgħu jagħmlu s-sodda tagħhom, jikinsu l-weraq u jaqilgħu l-ħaxix ħażin mill-ġnien, filwaqt li dawk taʼ 9 sa 12-il sena jistgħu jagħmlu faċendi bħalma huma li jaħslu u jixxottaw il-platti, joħorġu ż-żibel barra, u jnaddfu t-tapiti. Nelsen kompliet tgħid li jkun tajjeb għall-ġenituri jekk jagħtu lit-tfal ammont taʼ ħin li fih iridu jlestu xogħolhom.
Kontra r-Rieda Tagħha
Fost it-304 tfajliet li ġew mistħarrġa fi studju rapportat mir-rivista Ġermaniża Psychologie Heute, kważi kwart minnhom qalu li kienu ġew sforzati f’xi għamla t’attività sesswali kontra r-rieda tagħhom. Iktar minn hekk, ir-rapport jinnota li iktar minn kwart taʼ dawn in-nisa rrapportaw li l-irġiel ipprovaw jużaw id-drogi u l-alkoħol biex iġagħluhom ikollhom x’jaqsmu magħhom kontra r-rieda tagħhom. Dan żied li meta tqis dak li l-ġuvintur jagħmlu biex jipprovaw imewtu r-reżistenza tan-nisa permezz taʼ pressjoni psikoloġika, drogi, jew alkoħol, il-probabbiltà li mara taʼ bejn is-17 u l-20 sena tkun sforzata f’sess kontra r-rieda tagħha tiżdied għal iktar minn 50 fil-mija.
Missirijiet u Wliedhom il-Bniet
Studju reċenti mill-pubblikazzjoni Health Canada, li kien ibbażat fuq stħarriġ fost 2,500 adolexxent, juri li hemm nuqqas taʼ komunikazzjoni bejn il-missirijiet u wliedhom, speċjalment tfal bniet, tirrapporta l-gazzetta Globe and Mail tal-Kanada. Tlieta u tletin fil-mija biss tal-bniet bejn il-15 u s-16-il sena jsibuha “faċli jew faċli ħafna li jitkellmu maʼ missierhom dwar l-affarijiet li verament jkunu qed idejquhom,” meta tqabbilhom maʼ 51 fil-mija tas-subien. Xorta waħda, il-bniet ġeneralment jistmawh ħafna lil missierhom u jkollhom bżonn l-appoġġ tiegħu, jgħid ir-rapport. Il-Professur Alan King minn Queen’s University jammetti li “huwa diffiċli għall-missirijiet li jitkellmu maʼ wliedhom, speċjalment matul dawk is-snin taʼ taqlib kmieni fl-adolexxenza,” meta ħafna missirijiet jinjoraw il-kwistjonijiet sesswali u l-imġiba perikoluża. Imma hu jħeġġeġ lill-missirijiet biex jilqgħu din l-isfida, speċjalment issa li ħafna ommijiet qed isibu inqas ħin minn qabel x’iqattgħu maʼ wliedhom.
Il-Moda fl-Ogħla Stadju Tagħha?
Iż-żraben tal-platform, “aċċessorju vitali għaż-żgħażagħ konxji tal-moda,” flimkien maʼ tkaken għoljin huma l-kaġun taʼ madwar 10,000 inċident kull sena fil-Britannja, tosserva The Times taʼ Londra. Steve Tyler, kelliemi għall-British Standards Institution, jgħid li l-iktar mod komuni li bih iweġġgħu n-nies huwa billi jilwu jew ifekku l-għaksa u jiksru saqajhom, imma dawn iż-żraben jikkaġunaw ukoll problemi fid-dahar, speċjalment tat-tfajliet li ġisimhom ikun għadu qed jiżviluppa. Dan l-aħħar fil-Ġappun iż-żraben tal-platform saħansitra kkaġunaw il-mewt taʼ żewġ nisa. F’każ minnhom waħda li kienet taħdem fi skola taż-żgħar, u li kellha 25 sena, kienet liebsa sandli bi platform għoli 12-il ċentimetru, tfixklet, kissret l-iskutella taʼ rasha, u mietet. Mara żagħżugħa oħra mietet meta l-karozza li kienet qed tivvjaġġa fiha ħabtet m’arblu tal-konkrit għax dik li kienet qed issuq ma setgħetx tieħu brejk sew peress li kienet liebsa żarbun tal-platform għoli 15-il ċentimetru. F’attentat biex jevitaw kawża fil-qorti, xi manifatturi saru jwaħħlu avviż fuq iż-żraben.
Studenti Mqarbin
Għal ħafna żmien, fil-Ġappun ftit li xejn kien hemm ribelljoni taż-żgħażagħ. Imma l-għalliema taʼ l-iskola fil-Ġappun issa jirrapportaw kemm qed isibuha iktar diffiċli biex iżommu l-kwiet fil-klassi minħabba li l-istudenti huma mqarbin wisq u m’għandhomx kwiet. Il-gvern fil-belt taʼ Tokjo staqsa lil xi studenti taʼ 9, 11, u 14-il sena biex isir jaf kif iħossuhom dwar nies oħrajn. Skond The Daily Yomiuri, 65 fil-mija qalu li ħbiebhom kienu dejquhom u xebbgħuhom, 60 fil-mija qalu hekk dwar il-ġenituri tagħhom, u 50 fil-mija dwar l-għalliema tagħhom. Erbgħin fil-mija qalu li qatt jew rari jkunu kapaċi jikkontrollaw ir-rabja tagħhom. Wieħed minn kull ħames studenti jgħid li jisfoga r-rabja tiegħu billi jkisser l-affarijiet.
‘Mhux Mingħajr Televixin!’
Kieku kellek tqattaʼ ftit ħin fuq gżira minsija x’kont tieħu miegħek? Din kienet mistoqsija li saret lil 2,000 żagħżugħ fil-Ġermanja. Il-gazzetta Westfälische Rundschau tirrapporta li għall-maġġuranza, l-iktar affarijiet importanti kienu s-settijiet tat-televixin u r-radjijiet, flimkien mas-CDs u t-tejps. Fit-tieni post ġew l-ikel u x-xorb, filwaqt li l-membri tal-familja u l-ħbieb ġew it-tielet. Tifel taʼ 13-il sena spjega x’kien jippreferi hu: “Kieku jien ma ngħaddix mingħajr televixin.” Madwar terz biss taʼ dawk li ġew mistoqsijin qalu li kienu jieħdu magħhom għodod utli bħalma huma s-sikkina, l-imgħażqa, u s-serrieq. Kienu biss 0.3 fil-mija li semmew li jieħdu Bibbja magħhom. L-iżgħar waħda fost dawk li pparteċipaw, tifla taʼ sebaʼ snin, qalet: “Jien ma nieħu ’l ħadd ħlief lill-mamà. Meta jkun hemm hi, ma jistaʼ jiġrili xejn.”
“Virus Misterjuż”
“Virus misterjuż qed iniġġes il-provvisti tad-demm madwar id-dinja,” tirrapporta r-rivista New Scientist. “Ħadd ma jaf jekk dan il-virus ‘TT’ huwiex perikoluż, imma hemm il-biżaʼ li jistaʼ jikkaġuna mard fil-fwied.” Il-virus issemma TT għall-ewwel ittra taʼ isem u kunjom il-pazjent Ġappuniż li fid-demm tiegħu ġie skopert dan il-virus għall-ewwel darba. Dan instab “kemm f’dawk li taw id-demm u kemm fil-pazjenti b’mard fil-fwied li kienu qed jieħdu trasfużjonijiet.” Fil-fatt, ċertu studju wera li l-virus kien jinsab fi 8 minn 102 persuni li taw id-demm f’Kalifornja u li demmhom kien ġie testjat għal viruses u ma nstab xejn, inkluż l-HIV u l-epatite B u Ċ. Huwa stmat li r-rata taʼ l-infezzjoni hija taʼ 2 fil-mija fil-Britannja, 4 sa 6 fil-mija fi Franza, 8 sa 10 fil-mija fl-Istati Uniti, u 13 fil-mija fil-Ġappun. Ix-xjenzati “li qed jistudjaw il-virus TT madwar id-dinja qegħdin attenti biex ma joħolqux paniku,” jgħid l-artiklu, imma qed jipprovaw “jiskopru jekk il-virus hux taʼ riskju għas-saħħa.”
Qassisin Imdejqin?
Fis-sitt snin li għaddew, tliet darbiet sar stħarriġ dwar x’ħarsa għandha s-soċjetà Franċiża lejn il-qassisin. Skond ma ġie pubblikat fil-gazzetta Kattolika La Croix, l-iktar stħarriġ reċenti juri li 45 fil-mija tan-nies Franċiżi ma jqisux lill-qassisin bħala nies ferħanin jew sodisfatti. B’mod ġenerali n-nies għadhom iqisu lill-qassis bħala ħabib t’oħrajn u bħala xi ħadd li joqgħod jismaʼ. Madankollu, il-gazzetta tgħid li “inqas u inqas Franċiżi jikkunsidrawh bħala raġel bżonnjuż fis-soċjetà” u li 56 fil-mija biss iqisuh bħala “xhud t’Alla fuq l-art.” Inqas minn terz tal-pubbliku ġenerali u 51 fil-mija taʼ dawk li jmorru l-knisja regolarment jinkuraġġixxu lil binhom jew lil xi ħadd li jiġi minnhom biex isir qassis.