L-Irwol Vitali tal-Missirijiet
“NUMRU li dejjem jiżdied taʼ rġiel żgħażagħ jixtiequ jieħdu sehem attiv fl-irwol taʼ li jrabbu lit-tfal tagħhom. Tnejn u tmenin fil-mija taʼ l-irġiel li għandhom bejn il-21 u d-39 sena għażlu li jkollhom skeda tax-xogħol li tippermettilhom iktar ħin mal-familji tagħhom,” tgħid il-gazzetta Kanadiża Toronto Star rigward studju reċenti li sar fl-Università taʼ Harvard. Skond dan l-istudju, li fih ġew mistħarrġin 1,008 irġiel u nisa Amerikani taʼ bejn il-21 u l-65 sena u fuqhom, 71 fil-mija mill-irġiel żgħażagħ qalu li “lesti jaqilgħu inqas paga biex iqattgħu iktar ħin mal-familji tagħhom.”
Għala ħafna missirijiet jixtiequ jqattgħu iktar ħin maʼ wliedhom? David Blankenhorn, wieħed mill-fundaturi taʼ l-Inizjattiva Nazzjonali tal-Missirijiet li tħeġġeġ lill-missirijiet biex ikunu responsabbli u dedikati, qal li fi stħarriġ li sar fl-1994, minn 1,600 raġel Amerikan, 50 fil-mija qalu li missirijiethom ma kinux preżenti emozzjonalment fit-trobbija tagħhom. Ħafna mill-missirijiet illum ma jridux jaraw dan jirrepeti ruħu.
Missirijiet li jinvolvu ruħhom b’mod attiv mat-tfal tagħhom jistgħu jkunu taʼ influwenza tajba. Billi jirreferi għal riċerka pubblikata mid-Dipartiment tas-Servizzi Umani u tas-Saħħa taʼ l-Istati Uniti, The Toronto Star qalet li meta l-missirijiet jieklu maʼ wliedhom, joħorġu magħhom, u jgħinuhom jagħmlu l-ħowmwerk, dan se jgħin lit-tfal u lill-adolexxenti biex ikollhom inqas problemi fl-imġiba, ikunu jistgħu jassoċjaw aħjar maʼ oħrajn, u jaħdmu iktar iebes fl-iskola.
Dan li għadu kif issemma jiġbed l-attenzjoni lejn arranġament li bih trabbi lit-tfal, li għadu prattiku llum daqs kemm kien iktar minn tlett elef sena ilu meta nkiteb. L-Oriġinatur tal-familja għallem b’mod speċifiku lill-missirijiet biex ikunu involuti b’mod attiv fit-trobbija taʼ wliedhom. (Efesin 3:14, 15; 6:4) Il-missirijiet ngħataw il-parir biex inaqqxu fi qlub uliedhom imħabba lejn Alla u biex jitkellmu magħhom dwar ir-regolamenti u l-kmandamenti tiegħu. Alla qalilhom biex jagħmlu dan ‘meta jkunu f’darhom, u meta jkunu mexjin fit-triq, u meta jimteddu, u meta jqumu.’—Dewteronomju 6:7.
Ir-responsabbiltà taʼ li tkun ġenitur għandha tinqasam. Il-Bibbja twissi lit-tfal: “Ismaʼ . . . kliem missierek, u twarrabx tagħlim ommok.” (Proverbji 1:8, korsiv tagħna.) L-irwol tal-missier huwa vitali. Dan jinkludi li jagħti appoġġ u rispett lil omm it-tfal u jieħu sehem fix-xogħlijiet involuti fit-trobbija tagħhom. Jinkludi wkoll li jqattaʼ ħin jitkellem maʼ wliedu u jaqralhom. Dan jimla bżonn emozzjonali li huwa tant vitali għat-tfal.
Bla dubju taʼ xejn, il-Bibbja hija l-iktar sors taʼ min joqgħod fuqu taʼ pariri u prinċipji tajbin għal familja stabbli. Missier li jipprovdi b’mod attiv il-bżonnijiet spiritwali, emozzjonali, u materjali tal-familja tiegħu jkun qed iwettaq ir-responsabbiltà tiegħu mogħtija minn Alla.