LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 7/8 pp. 15-19
  • Wara l-Maltempati—Xogħol t’Għajnuna Fi Franza

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Wara l-Maltempati—Xogħol t’Għajnuna Fi Franza
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kbir Kien Għadu Ġej
  • Wara l-​Maltemp
  • Kif Ngħatat l-​Għajnuna Meħtieġa
  • Atmosfera taʼ Mħabba
  • Xi Ħaġa li Ebda Maltempata Ma Tistaʼ Tkissirha
    Stenbaħ!—2003
  • Ikampaw maʼ l-Għargħar fil-Kawkasu
    Stenbaħ!—2003
  • L-Imħabba fl-Azzjoni—Maratona taʼ Xogħol t’Għajnuna
    Stenbaħ!—2002
  • L-Għargħar fil-Możambik Kif il-Kristjani Ħadu Ħsieb lill-Vittmi
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 7/8 pp. 15-19

Wara l-​Maltempati—Xogħol t’Għajnuna Fi Franza

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FI FRANZA

FRANÇOISE fetħet il-​bieb biex iġġib ftit injam għan-​nar. “Ma stajtx nemmen ’l għajnejja,” tiftakar hi. “L-​ilma kien wasal sa l-​għatba tal-​bieb, u kienet dieħla mewġa kbira mill-​grada tal-​ġnien.” Żewġha, Thierry, mar iġib sellum mill-​garaxx fejn l-​ilma kien għoli s’għonqu. Il-​familja ġriet sal-​kamra taʼ fuqnett, u Thierry għamel toqba fis-​saqaf. Il-​koppja u t-​tlett itfal tagħhom damu jistennew erbaʼ sigħat sħaħ biex xi ħadd isalvahom, imxarrbin għasra u mwerwrin. Fl-​aħħar, ħelikopter tal-​pulizija Franċiż rahom, ġabarhom u ħadhom lejn post bogħod mill-​periklu.

Ix-xmajjar, li kienu mfawrin bix-​xita qawwija, qabżu x-​xtut, u bdew jifqgħu d-​digi u jġarrfu l-​pontijiet. Mewġiet taʼ ilma bit-​tajn, li xi kultant kienu jkunu għoljin 10 metri, kaxkru kulma sabu fin-​nofs. Iktar minn 30 ruħ mietu f’dan il-​maltemp, jew għax ma setgħux joħorġu mill-​karozza tagħhom jew għax għerqu waqt li kienu reqdin. Vittma waħda xebbhet dak il-​lejl tal-​biżaʼ f’Novembru maʼ “tmiem id-​dinja.” Reġjun sħiħ fil-​lbiċ taʼ Franza—329 belt u raħal—ġie dikjarat żona taʼ diżastru.

Il-​Kbir Kien Għadu Ġej

In-​naħa tal-​lbiċ kienet għadha qed tirkupra meta reġgħet intlaqtet minn diżastru ieħor. Sistema taʼ pressjoni baxxa ferm fuq l-​Oċean Atlantiku kkaġunat irjieħ b’forza taʼ uragan. L-​ewwel riefnu laqat it-​tramuntana taʼ Franza fis-​26 taʼ Diċembru, 1999, u t-​tieni wieħed ħarbat in-​naħa t’isfel il-​lejl taʼ wara. Tkejlu veloċitajiet taʼ rjieħ li kienu iktar minn 200 kilometru fis-​siegħa. Skond ir-​reġistri uffiċjali, Franza kien ilha ma jkollha maltemp bħal dan minn taʼ l-​inqas mis-​seklu 17.

Hélène kellha tmien xhur tqala meta beda dan ir-​riefnu. “Kont imwerwra,” tiftakar hi. “Ir-​raġel kien ġej lura d-​dar bil-​mutur, u barra stajt nara friegħi taʼ siġar itiru maʼ kullimkien. Ma stajtx inneħħi l-​ħsieb li hu qatt ma kien se jara lit-​tarbija tiegħu. Malli wasal żewġi, l-​ilma beda tielaʼ fid-​dar tagħna. Kellna naqbżu ’l barra mit-​tieqa.”

Fi Franza, mietu minn taʼ l-​inqas 90 ruħ. Dawn jew għerqu jew intlaqtu minn xi ċangaturi tas-​soqfa, xi ċumnija, jew xi siġra. Mijiet taʼ nies oħra weġġgħu serjament, inkluż numru taʼ pajżani u nies tas-​salvataġġ fl-​armata. L-​irwiefen effettwaw ukoll lill-​pajjiżi ġirien, u qatlu iktar minn 40 ruħ fil-​Britannja, fil-​Ġermanja, fl-​Isvizzera, u fi Spanja.

Wara l-​Maltemp

Mis-​96 distrett amministrattiv li jaqgħu taħt Franza, 69 kienu dikjarati uffiċjalment “żoni taʼ diżastru naturali.” Il-​ħsara li saret ġiet stmata li tqum 70 elf miljun frank Franċiż (Lm4 elef miljun). Min kien jara l-​ħsara li saret f’xi bliet, irħula, u portijiet kien jaħseb li qiegħed f’żona taʼ gwerra. It-​toroq u l-​linji tal-​ferroviji ġew imblokkati minn siġar u arbli tad-​dawl li waqgħu. Il-​bini spiċċa bla saqaf, il-​krejnijiet inqalbu, u d-​dgħajjes telgħu fuq il-​mollijiet. Eluf taʼ bdiewa li jbigħu l-​prodotti tagħhom tilfu l-​mezz t’għajxien li kellhom, peress li s-​serer u l-​ġonna tas-​siġar tal-​frott inqerdu għalkollox.

Fi ftit sigħat biss, ir-​riħ għamel ħerba sħiħa fil-​foresti u l-​ġonna taʼ Franza, u qered żoni sħaħ t’art mimlija siġar. Skond l-​Uffiċċju tal-​Foresta Nazzjonali Franċiża, huwa stmat li nqerdu 300 miljun siġra. Siġar ġganteski li kienu ilhom imħawlin sekli sħaħ inqalgħu mill-​għeruq jew inqasmu qishom sulfarini. Minfejn għadda, ir-​riħ ħalla passaġġi sħaħ mingħajr siġar fil-​foresti t’Aquitaine u Lorraine.

“L-​għada tal-​maltempata, mort fil-​foresta,” qal Bernard, wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah li jaħdem bħala gwardjan tal-​foresta. “Kienet ħaġa taʼ l-​iskantament. Meta tara xi ħaġa bħal din, ma jistax ikun ma teffettwakx! Hawnhekk, 80 fil-​mija tal-​kongregazzjoni tiegħi jiddependu mill-​foresta għall-​għajxien tagħhom. Kien xokk kbir għan-​nies, speċjalment għax-​xjuħ.” Fil-​ġonna tal-​Palazz taʼ Versailles, waqgħu 10,000 siġra. “Iridu jgħaddu żewġ sekli qabel ma l-​ġnien jerġaʼ jieħu d-​dehra li kellu qabel,” ilmenta wieħed mill-​ġardinara l-​kbar.

Hekk kif l-​arbli tad-​dawl bdew neżlin, iktar minn wieħed minn kull sitta min-​nies fi Franza spiċċa bla dawl. Minkejja l-​isforzi kuraġġużi min-​naħa tas-​servizzi pubbliċi, għaxriet t’eluf taʼ nies kienu għadhom mingħajr servizz taʼ l-​elettriku jew tat-​telefon sa ġimagħtejn wara l-​maltemp. Xi rħula żgħar kienu maqtugħin għalkollox. Xi familji li kellhom itellgħu l-​ilma mill-​bjar u jużaw ix-​xemgħat ħassewhom qishom qed jgħixu mitt sena ilu flok qrib is-​seklu 21.

Il-maltemp ma ħafirhiex lill-​bini pubbliku, il-​kastelli jew il-​katidrali. Saret ħsara wkoll lil ħafna bini reliġjuż, inkluż 15-il Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah. F’xi postijiet il-​laqgħat saru fid-​dawl tax-​xemgħa jew bil-​lampi tal-​pitrolju.

Xi 2,000 familja tax-​Xhieda taʼ Jehovah saritilhom ħsara mill-​maltemp fil-​propjetà tagħhom. Min saritlu ħsara minħabba s-​siġar li waqgħu jew minħabba ċ-​ċangaturi li nqalgħu minn fuq is-​saqaf, u min inqerditlu d-​dar għalkollox meta x-​xmajjar faru. Weġġgħu ħafna Xhieda. Fir-​reġjun taʼ Charente seħħet traġedja meta Xhud taʼ 77 sena għereq waqt li martu kienet qed tara kollox mingħajr ma setgħet tgħinu. Oħrajn ħelsuha żbrixx mill-​mewt. Gilbert, taʼ 70 sena, jiftakar: “Kien veru miraklu li ma mittx. Il-​bieb infetaħ beraħ, u l-​ilmijiet daħlu b’qawwa tremenda. Minnufih sibt ruħi f’metru u nofs ilma. Salvajt għax qbadt mal-​gwardarobba.”

Kif Ngħatat l-​Għajnuna Meħtieġa

Il-​maltempati qanqlu solidarjetà straordinarja fi Franza u madwar l-​Ewropa. Il-​gazzetta Le Midi libre osservat: “Xi drabi l-​karità hija kważi obbligatorja, sew jekk tingħata spontanjament, minħabba ħbiberija, jew minħabba l-​kuxjenza.”

Eżatt wara l-​maltempati, ġew ifformati kumitati taʼ salvataġġ tax-​Xhieda taʼ Jehovah biex jgħinu lill-​membri tal-​kongregazzjonijiet lokali kif ukoll lil oħrajn li ntlaqtu minn dan id-​diżastru. Kumitati tal-​Bini Reġjonali, li s-​soltu jintużaw biex jinbnew is-​Swali tas-​Saltna, organizzaw timijiet taʼ volontieri. Wara l-​maltemp taʼ Novembru fin-​naħa tal-​lbiċ, 3,000 Xhud ħadu sehem fix-​xogħol taʼ salvataġġ u tindif. Dawn għenu lill-​vittmi jneħħu t-​tajn u l-​ilma li kienu għarrqu lil djarhom. F’xi rħula, ix-​Xhieda kienu fost l-​ewwel volontieri li waslu. Dawn naddfu bini pubbliku, bħal skejjel, uffiċċji postali, swali tal-​kunsilli, djar tax-​xjuħ, u saħansitra ċimiterju. F’ħafna każi x-​Xhieda ħadmu flimkien mas-​servizzi taʼ salvataġġ.

L-għajnuna ngħatat lil kulħadd, kienet x’kienet ir-​reliġjon tiegħu. “Aħna għenna lill-​qassis tar-​raħal. Naddafnielu l-​kantina tad-​dar,” qal Xhud minnhom. Hu żied rigward nies oħra li ngħataw l-​għajnuna mix-​Xhieda: “In-​nies rawna bħallikieku waqajna mis-​sema biex ngħinuhom.” Ċertu uffiċjal qal: “Tistaʼ tqisu bħala l-​mod tagħhom kif jaqraw l-​Evanġelju u jgħinu lill-​proxxmu tagħhom. Naħseb dawk li ġew kienu qed jgħixu skond l-​Evanġelju u r-​reliġjon tagħhom.” Waħda mix-​Xhieda volontieri kkummentat: “Qalbek tqanqlek biex tiġi u tagħti l-​għajnuna b’dan il-​mod. Veru nieħdu gost li nistgħu nagħmlu xi ħaġa għall-​proxxmu tagħna.”

Wara r-​riefnu doppju taʼ Diċembru, bosta familji tax-​Xhieda taʼ Jehovah ma setgħux jikkuntattjaw lil ħuthom Kristjani għal diversi ġranet. Taħt is-​superviżjoni taʼ l-​indokraturi li jivvjaġġaw u l-​anzjani lokali, ġiet organizzata l-​għajnuna. Xi drabi, minħabba li t-​toroq kienu magħluqin u l-​linji tat-​telefon maqtugħin kien impossibbli li jilħqu lill-​ħbieb tagħhom li kienu jgħixu ftit kilometri biss ’il bogħod. Biex jgħinu lill-​membri tal-​kongregazzjoni li kienu iżolati, xi Xhieda qasmu bil-​mixi jew bir-​rota foresti meqrudin, minkejja r-​riskju li s-​siġar kienu qed jaqgħu. Għal darb’oħra, il-​volontieri ħadmu iebes biex inaddfu l-​iskejjel, il-​libreriji, postijiet apposta fejn in-​nies jikkampjaw, u d-​djar tal-​ġirien u neħħew dak li kien qed jimblokka l-​passaġġi fil-​foresti.

Atmosfera taʼ Mħabba

Ħafna wħud li sfaw vittmi taʼ dawn il-​katastrofi, speċjalment it-​tfal żgħar u x-​xjuħ, għaddew minn trawma minħabba din l-​esperjenza. Dawk li tilfu djarhom jew lil xi ħadd maħbub għandhom bżonn ħafna żmien u l-​appoġġ tal-​familja u l-​ħbieb biex jerġgħu jibnu ħajjithom mill-​ġdid. Wara l-​għargħar fir-​reġjun t’Aude, Dr. Gabriel Cottin, minn kumitat t’emerġenza psiko-mediku, innota: “Kwalunkwe appoġġ min-​nies taʼ l-​istess għaqda reliġjuża tal-​vittma wkoll huwa t’għajnuna konsiderevoli.”

Ix-Xhieda taʼ Jehovah jqisuh bħala obbligu morali u Skritturali li jipprovdu din l-​għajnuna. “Ma jkunx hemm firda fil-​ġisem [tal-komunità Kristjana vera],” qal l-​appostlu Pawlu. “[I]l-membri kollha jaħsbu f’xulxin; jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu.”—1 Korintin 12:25, 26.

“Ftit wara li għadda l-​maltemp, ħafna aħwa Kristjani ġew id-​dar tagħna biex jgħinuna nnaddfu kollox,” tgħid Hélène, li semmejnieha qabel, u li issa għandha tifla b’saħħitha. “Anki Xhieda li ntlaqtu huma stess mill-​maltemp ġew jgħinuna. L-​għajnuna kienet tant taʼ l-​għaġeb—spontanja u mill-​qalb!”

Odette, li d-​dar tagħha ġġarrfet bl-​għargħar, qalet dwar sħabha x-​Xhieda: “Veru kienu taʼ faraġ. Ma tkunx tistaʼ tesprimi dak li tħoss. Messewli qalbi ħafna b’dak kollu li għamlu miegħi.” Xhud oħra ġabret fil-​qosor dak li kienu qed iħossu ħafna bħalha billi qalet b’apprezzament kemm verament kienu jinsabu mdawrin b’atmosfera taʼ mħabba!

[Kaxxa/Stampa f’paġna 18, 19]

“MEWĠA SEWDA”

F’nofs Diċembru, eżatt qabel il-​maltempati, il-​vapur Erika għereq f’baħar imqalleb meta kien xi 50 kilometru ’l barra mill-​kosta tal-​punent taʼ Franza. Minħabba f’hekk, 10,000 tunnellata taʼ żejt spiċċaw fil-​baħar. Minn Brittany sa Vendée, xi 400 kilometru tal-​kosta ġew imniġġsa. Dan id-​diżastru ekoloġiku kompla jiggrava bil-​maltemp meta ż-​żejt inxtered fi rqajjaʼ jwaħħlu. B’hekk, it-​tniġġis inxtered u ż-​żejt sar iktar diffiċli biex jitneħħa. Eluf taʼ volontieri, żgħar u kbar, ġew minn madwar Franza kollha biex jagħtu daqqa t’id f’li jnaddfu dan iż-​żejt li weħel mal-​blat u mar-​ramel.

Dan l-​inċident ikkaġuna tniġġis ekoloġiku serju fil-​baħar. L-​industriji tal-​gajdri, u taʼ l-​arzell intlaqtu bl-​ikrah. Skond l-​ornitologi mietu minn taʼ l-​inqas 400,000 għasfur tal-​baħar—puffini, blonġuni, suli, u speċjalment urji. Dan hu kważi għaxar darbiet iktar minn kemm mietu għasafar wara li l-​vapur Amoco Cadiz ħabat mal-​kosta taʼ Brittany f’Marzu taʼ l-​1978. Ħafna mill-​għasafar kienu qed jgħaddu x-​xitwa fuq ix-​xtut taʼ Franza wara l-​passa tagħhom mill-​Ingilterra, l-​Irlanda, jew l-​Iskozja. Id-​direttur tal-​Lega tal-​Protezzjoni taʼ l-​Għasafar f’Rochefort ikkummenta kemm dan iż-​żejt fl-​ilma ġab katastrofi kbira. Hu qal li kienet l-​agħar waħda li qatt kien hemm u issa qed jibżgħu li l-​ispeċi rari taʼ l-​għasafar se jonqsu jew saħansitra jgħibu għalkollox mix-​xtut Franċiżi.

[Sors]

© La Marine Nationale, Franza

[Stampa f’paġna 15]

Mijiet taʼ nies salvaw permezz tal-​ħelikopter, bħalma ġara hawn f’Cuxac d’Aude

[Sors]

B.I.M.

[Stampa f’paġna 15]

F’nofs id-​dwieli meqrudin, linja tal-​ferrovija mkissra issa ma twassal għal imkien

[Sors]

B.I.M.

[Stampa f’paġna 15]

Mijiet taʼ karozzi mfarrkin kulfejn tħares

[Stampa f’paġna 16]

F’Villedaigne dan ir-​raġel kien maqbud fil-​maltemp għal sebaʼ sigħat

[Sors]

J.-M Colombier

[Stampa f’paġna 16, 17]

Is-​siġar inqasmu qishom sulfarini fil-​provinċja taʼ Creuse

[Sors]

© Chareyton/La Montagne/MAXPPP

[Stampa f’paġna 16, 17]

Fil-​ġonna tal-​Palazz taʼ Versailles biss, waqgħu 10,000 siġra

[Sors]

© Charles Platiau/Reuters/MAXPPP

[Stampa f’paġna 17]

L-​għodwa taʼ wara, f’Saint-Pierre-sur-Dives, Normandija

[Sors]

© M. Daniau/AFP

[Stampa f’paġna 18]

Timijiet taʼ Xhieda taʼ Jehovah jnaddfu dar tax-​xjuħ f’La Redorte (fuq) u s-​sala tal-​kunsill f’Raissac d’Aude (lemin)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja