Il-Ħarsa tal-Bibbja
Min Hu Ministru?
MATUL il-lejla qabel ma Ġesù miet bħala sagrifiċċju, ħbiebu tal-qalb kellhom argument sħun. Skond Luqa 22:24, inqalgħet “kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed.” Din ma kinitx l-ewwel darba li qam argument bħal dan fost l-appostli taʼ Ġesù. Fil-passat, kien hemm minn taʼ l-inqas żewġ okkażjonijiet oħra fejn Ġesù kellu jikkoreġi l-mod kif kienu jaħsbuha.
Kemm kien taʼ dwejjaq li f’dan il-lejl kritiku, Ġesù sab li kellu jerġaʼ jfakkarhom x’għandu verament ikun ministru Kristjan. Hu qal: “L-akbar fostkom għandu jġib ruħu taʼ l-iżgħar wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu taʼ qaddej.”—Luqa 22:26.
M’għandniex nistagħġbu li l-appostli kellhom idea żbaljata dwar l-importanza tal-pożizzjoni u l-prominenza. Qabel ma ġie Ġesù, l-eżempju prinċipali bħala mexxejja reliġjużi kien ngħata mill-iskribi u l-Fariżej. Minflok ma taw lin-nies gwida u direzzjoni spiritwali, dawn il-ministri foloz approvaw tradizzjonijiet u regoli riġidi li ‘għalqu s-Saltna tas-Smewwiet għall-bnedmin.’ Dawn kienu individwi moħħhom biss fihom infushom u fil-pożizzjoni u l-prominenza. Dak li kienu jagħmlu kienu jagħmluh “għal għajnejn in-nies.”—Mattew 23:4, 5, 13.
Tip Ġdid taʼ Ministru
Ġesù, madankollu, introduċa lid-dixxipli tiegħu konċett ġdid taʼ ministeru spiritwali. Hu għallimhom: “Tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. . . . Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.” (Mattew 23:8-11) Id-dixxipli taʼ Ġesù ma kellhomx jimitaw lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienhom. Jekk riedu jkunu ministri ġenwini, huma kellhom jimitaw lil Ġesù. X’eżempju ħalla?
Il-Bibbja taʼ spiss tuża l-kelma Griega di·aʹko·nos għal “ministru.” The Encyclopedia of Religion tispjega li din il-kelma ma tirrappreżentax xi pożizzjoni imma li l-ministru għandu jħoss li jrid jaqdi lil dak li jiġi moqdi. Tgħid ukoll li biex Kristjan jifhem x’inhu ministeru huwa essenzjali li jimxi fuq l-eżempju taʼ Kristu.
Fi qbil mat-tifsira korretta tal-kelma “ministru,” Ġesù ta kulma kellu biex jgħin lil ħaddieħor. “Bin il-bniedem,” hu spjega bil-paċenzja, “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” (Mattew 20:28) Ġesù uża l-ħin, l-enerġija, u l-abbiltà li kellu mingħajr egoiżmu biex jgħin lil oħrajn fiżikament u spiritwalment. Għala? Għax hu tħassarhom lill-folol taʼ nies abbużati spiritwalment li kienu jinġabru biex jarawh. Ried ikun t’għajnuna. Dik il-ħaġa li qanqlet il-ministeru tiegħu kienet l-imħabba ġeneruża, u hu ried lid-dixxipli tiegħu biex juru l-istess attitudni taʼ li jagħtu.—Mattew 9:36.
Matul il-korsa taʼ ħajtu, Ġesù ħalla l-mudell għal ministri futuri. “Il-ħsad huwa kbir,” hu qal, “iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” (Mattew 9:37, 38) Iva, il-ministri taʼ Kristu kellhom ikunu ħaddiema fl-akbar xogħol li qatt rat id-dinja—li jipprovdu faraġ spiritwali lill-umanità kollha billi jippridkaw u jgħallmu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.—Mattew 28:19, 20.
Dak li tant kien jispikka fil-ħarsa li kellu Ġesù dwar kif kellu jimministra kien dan il-fatt li hu ffoka fuq li jagħti u fuq li jaqdi l-bżonnijiet t’oħrajn. Hu għallem lill-ministri tiegħu biex ikunu ħaddiema, sajjieda u rgħajja spiritwali, u mhux nies misterjużi u taʼ skola kbira, lebsin ilbies u tlellix speċjali.—Mattew 4:19; 23:5; Ġwann 21:15-17.
Il-Ħarsa tal-Bibbja
B’sogħba, matul is-sekli, dan il-konċett għoli u mingħajr egoiżmu li l-ministri huma predikaturi u għalliema li jagħmlu sagrifiċċji persunali ġie mgħawweġ. Dak li fil-bidu kien il-ministeru Kristjan żviluppa f’istituzzjoni formali u skond il-ġerarkija. Ġew ifformati komunitajiet reliġjużi u bil-gradi li ngħataw prestiġju u qawwa u li taʼ spiss kienu jiġimgħu ġid kbir. Dan ħoloq firdiet. Żviluppat klassi tal-kleru li kienet devota l-iktar biex tamministra s-sagramenti reliġjużi u twiddeb lil min jiżbalja. Fis-sekli taʼ wara, il-Kristjanità taʼ l-ewwel seklu nbidlet minn reliġjon attiva fejn kulħadd kien ministru għal waħda passiva fejn l-uniċi wħud li setgħu jippridkaw u jgħallmu kienu dawk il-ftit awtorizzati u mogħtija taħriġ speċjali.
Madankollu, il-Bibbja tidentifika lil ministru Kristjan, mhux mill-ilbies distintiv, mir-ritwal elaborat, mis-salarju, jew skond x’jgħid il-gvern, imma mix-xogħol bla egoiżmu li jagħmel. L-appostlu Pawlu semma x’attitudni għandhom juru l-ministri Kristjani. Hu inkuraġġihom biex ‘ma jagħmlu xejn għall-ftaħir fieragħ imma biex ikunu umlin.’—Filippin 2:3.
M’hemmx dubju li Pawlu kien jipprattikah dak li għallem. Billi mexa mill-qrib maʼ l-eżempju taʼ Kristu, hu qatt ma fittex ‘l-interessi tiegħu, imma tal-ħafna biex isalvaw.’ Hu fehem u tassew ħass li kellu r-responsabbiltà li ‘jxandar l-Evanġelju b’xejn,’ għax qal, “bla ma nfittex id-dritt li jagħtini l-Evanġelju stess.” Hu ma kienx qed ‘ifittex il-glorja tal-bnedmin.’—1 Korintin 9:16-18; 10:33; 1 Tessalonikin 2:6.
X’mudell li jispikka taʼ ministru Kristjan veru! Dawk li jimitaw l-eżempju mill-aqwa tiegħu u jimxu wara l-eżempju taʼ bla egoiżmu li ħalla Ġesù Kristu, ikunu qed juru li huma ministri veri t’Alla. Dan jagħmluh billi jagħtu bl-abbundanza minn dak kollu li għandhom biex jipprovdu għajnuna spiritwali u l-faraġ taʼ l-aħbar tajba lil oħrajn.—1 Pietru 2:21.