It-Tidwir tal-Ħin—Idea Qabel il-Waqt?
Ħafna nies għala jkollhom idawru l-arloġġ darbtejn fis-sena? Xi wħud jarawh inkwiet żejjed li jridu joqogħdu jdawru l-arloġġ ’il quddiem u lura. U kif tkun taf meta għandek iddawru ’l quddiem u meta għandek iddawru lura? Is-siegħa titmexxa ’l quddiem fir-rebbiegħa u lura fil-ħarifa. Din is-sistema biex nirbħu d-dawl tax-xemx (bl-Ingliż daylight saving time) kif bdiet? U min bdieha?
L-Encyclopædia Britannica tgħid li Benjamin Franklin issuġġerixxa għall-ewwel darba din l-idea taʼ li jintrebaħ id-dawl tax-xemx fl-1784. Iktar minn seklu wara, ċertu Ingliż jismu William Willett ħadem b’ruħu u b’ġismu favuriha. Madankollu, Willett miet qabel m’għaddiet il-liġi fil-Parlament.
Skond il-kittieb Britanniku Tony Francis, dan Willett, bennej prim minn Chislehurst, f’Kent, kien għaddej kmieni fil-għodu biż-żiemel tiegħu f’jum sajfi u rrealizza kemm kien ikun siewi li kieku l-ħin kellu jinbidel. Waqt li kien għaddej fuq iż-żiemel hu nnota li ħafna djar kellhom il-kontraporti tat-twieqi magħluqin. ‘X’ħela taʼ dawl tax-xemx!’ setaʼ għaddielu minn moħħu. Minn hemm beda jagħmel kampanji favur abbozz fil-Parlament Britanniku biex jiddawwar l-arloġġ. Kieku n-nies kellhom sempliċement idawru ’l quddiem l-arloġġ tagħhom bi 80 minuta, jiġifieri 20 minuta kull darba għal erbaʼ darbiet, matul ix-xhur tar-rebbiegħa u s-sajf u mbagħad jerġgħu jdawruh lura fil-ħarifa, kien se jkollhom iktar dawl tax-xemx fil-għaxija.
Francis jirrapporta li Willett kiteb hekk f’wieħed mill-fuljetti tiegħu: “Id-dawl huwa wieħed mill-akbar għotjiet li l-Ħallieq ta lill-bniedem. Meta nkunu mdawrin bid-dawl tax-xemx, l-hena tirrenja, l-għawġ jagħfas inqas fuqna u l-qlubija tiżdied biex nissaraw mal-ħajja.”
Ir-Re Dwardu VII ma qagħadx jistenna biex tgħaddi l-liġi mill-Parlament. Hu ddikjara lil Sandringham, ir-residenza rjali tiegħu li kien fiha xi 79 miljun metru kwadru, bħala żona fejn jintrebaħ id-dawl tax-xemx. Iktar tard applika l-istess bidla għall-propjetà rjali tiegħu f’Windsor u f’Balmoral.
X’ġiegħel lill-politikanti biex fl-aħħar mill-aħħar iċedu u jadottaw din is-sistema? Riedu jaħlu inqas fuel matul l-Ewwel Gwerra Dinjija billi jnaqqsu l-ħtieġa għal dawl artifiċjali! Pajjiżi oħra malajr bdew japplikaw din l-idea għal raġunijiet simili. L-Ingilterra saħansitra adottat ħin sajfi doppju matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Permezz t’hekk, fis-sajf kien ikun hemm differenza taʼ sagħtejn u fix-xitwa differenza taʼ siegħa.
F’Petts Wood hemm monument għal William Willett, kif inhu muri fl-istampa taʼ fuq il-lemin. Dan ġie dedikat għall-‘dak li bla heda ħadem favur il-“ħin tas-sajf.”’ Taħt l-arloġġ tax-xemx hemm minqux il-kliem, “Horas non numero nisi aestivas,” jiġifieri, “Jien ma ngħoddx is-sigħat, jekk [ma jkunux] sigħat sajfin.”
[Sors tal-istampa f’paġna 31]
B’ringrazzjament lin-National Trust