LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 9/8 pp. 4-8
  • Il-Prinċipji Tajbin taʼ l-Olimpijadi Jinsabu Fi Kriżi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Prinċipji Tajbin taʼ l-Olimpijadi Jinsabu Fi Kriżi
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Olimpijadi u d-​Drogi
  • Tixħim u Korruzzjoni
  • Suq Qawwi
  • X’Mar Ħażin?
  • Minn Olimpja għal Sydney
    Stenbaħ!—2000
  • Kif Jiġu Segwiti l-Prinċipji Tajbin
    Stenbaħ!—2000
  • Werrej
    Stenbaħ!—2000
Stenbaħ!—2000
g00 9/8 pp. 4-8

Il-​Prinċipji Tajbin taʼ l-​Olimpijadi Jinsabu Fi Kriżi

META l-​Baruni Pierre de Coubertin ippropona li l-​Olimpijadi jerġgħu jibdew isiru, hu ppreżenta ċerti prinċipji nobbli. Fil-​fatt, il-​prinċipju modern għall-​Olimpijadi, li jingħad li vvintah Coubertin, jgħid: “L-​iktar ħaġa importanti fil-​Logħob Olimpiku m’hijiex li wieħed jirbaħ imma li jieħu sehem . . . Il-​ħaġa essenzjali m’hijiex li wieħed ikun ikkonkwista imma li jkun iġġieled tajjeb.”

Coubertin kien jemmen li l-​parteċipazzjoni f’kompetizzjoni bnina setgħet tiżviluppa karattru tajjeb fl-​individwu, tinkuraġġih biex juża l-​għaqal, u tħeġġu biex ikollu mġiba tajba. Hu tkellem ukoll dwar ‘reliġjon taʼ l-​isport.’ Hu ħass li l-​Olimpijadi setgħu jgħallmu lin-​nies jgħixu fil-​paċi.

Imma sakemm miet Coubertin fl-​1937, ma tantx kien baqaʼ tama għal dan. Il-​logħob kien diġà tħassar darba minħabba gwerra dinjija, u l-​affarijiet kienu qed juru li kien se jibda konflitt kbir ieħor. Illum, il-​prinċipji tajbin taʼ l-​Olimpijadi jinsabu fi kriżi akbar. Dan għala?

L-​Olimpijadi u d-​Drogi

L-​atleti ilhom snin sħaħ jużaw drogi li jgħinuhom jilagħbu aħjar u jkollhom vantaġġ fil-​kompetizzjonijiet. Il-​Logħob Olimpiku m’għaddihiex lixxa. Fil-​fatt, illum, 25 sena minn mindu suppost bdew jiċċekkjaw bir-​reqqa għad-​drogi, xorta għadha teżisti l-​problema li atleti taʼ l-​Olimpijadi jużaw sustanzi projbiti.

Xi atleti jużaw l-​isterojdi biex ikunu f’vantaġġ. Oħrajn jużaw drogi stimulanti. Il-​ġerrejja tat-​tlielaq qosra u atleti oħrajn li jieħdu sehem f’logħob taʼ saħħa, iħobbu jużaw ormoni li jirregolaw l-​iżvilupp. Dawn jgħinu lill-​atleti jieħdu lura saħħithom malajr wara li jagħmlu xi eżerċizzji li jkunu filġuhom. Ukoll, dawn jgħinu biex isaħħu l-​muskoli. Sadattant, ħafna mill-​ġerrejja taʼ tlielaq twal, l-​għawwiema, u dawk li jiskijjaw fuq is-​silġ fil-​kampanja jużaw verżjoni taʼ l-​erythropoietin magħmula bl-​inġinerija ġenetika. Dan jgħinhom jissaportu iktar billi jżidilhom il-​produzzjoni taċ-​ċelluli ħomor tad-​demm.

Mhux taʼ b’xejn li Dr. Robert Voy, ex-direttur inkarigat mill-​ittestjar għad-​drogi fil-​Kumitat Olimpiku taʼ l-​Istati Uniti, isejjaħ lill-​atleti “laboratorju bis-​saqajn.” Hu jgħid ukoll li l-​Olimpijadi saru post fejn ix-​xjenzati, l-​esperti fil-​kimika u t-​tobba mhux professjonali jagħmlu l-​esperimenti tagħhom. Xi ngħidu dwar l-​ittestjar għad-​drogi? Dr. Donald Catlin, direttur taʼ laboratorju fejn isiru dawn it-​testijiet fl-​Istati Uniti, jgħid: “L-​atleta sofistikat li jrid jieħu d-​drogi qaleb għal affarijiet li ma nistgħux nagħmlu testijiet għalihom.”

Tixħim u Korruzzjoni

Peress li hemm ftit bliet li jistgħu joffru li jkunu l-​post fejn isiru l-​Olimpijadi, xi wħud minnhom jagħmlu minn kollox biex jintgħażlu huma għal dan l-​avveniment. Kważi sentejn ilu, il-​Kumitat Internazzjonali Olimpiku (International Olympic Committee [IOC]) sab ruħu mdaħħal fi skandlu kbir. Kien hemm allegazzjonijiet li tħallset somma taʼ $400,000 (Lm153,850) f’tixħim lil membri taʼ l-​IOC meta Salt Lake City ntgħażlet għal-​Logħob tax-​Xitwa taʼ l-​2002. Minħabba f’hekk qam dubju dwar kemm dawk li kienu involuti f’li jagħżlu l-​post imxew fuq prinċipji tajbin.

Meta l-​bliet jibdew joffru rigali kbar lil min jagħżilhom, taʼ spiss ma jifdalx distinzjoni ċara bejn ospitalità u tixħim sfaċċat. Kien hemm maʼ l-​20 membru taʼ l-​IOC mdaħħlin fl-​iskandlu taʼ Salt Lake City, u 6 minnhom fl-​aħħar spiċċaw biex tkeċċew. Filwaqt li lil-​Logħob taʼ l-​2000, li se jsir fl-​Awstralja, ipprovaw iżommuh ħieles minn kull qerq, malajr inkixef kollox meta l-​president tal-​Kumitat Olimpiku Awstraljan ammetta: “Fil-​fatt, ma rbaħniex biss minħabba s-​sbuħija tal-​belt u l-​faċilitajiet sportivi li kellna x’noffru.”

Peress li xi membri taʼ l-​IOC li għandhom pożizzjoni għolja jgħixu ħajja taʼ lussu kbir, komplew iqumu iktar dubji. Il-​mejjet, Tommy Keller, il-​kap Svizzeru tal-​Federazzjoni Internazzjonali tal-​Qdif, darba qal li skond ma jaħseb hu ċertu uffiċjali taʼ l-​isport iqisu l-​Olimpijadi bħala mezz kif “jissodisfaw il-​kburija persunali tagħhom.” Hu żied jgħid li l-​kilba għall-​flus u s-​sodisfazzjon li dawn jieħdu minn ambizzjonijiet persunali, milli jidher jġagħluhom jagħmlu dan.

Suq Qawwi

Ħadd ma jistaʼ jiċħad li l-​Olimpijadi jinvolvu flejjes kbar. L-​Olimpijadi minn dejjem attiraw lil ħafna telespettaturi u huma tajbin għal min irid jirriklama. Dan kollu jintuża bħala għodda qawwija għall-​kummerċ mill-​kumpaniji li jiffinanzjaw il-​logħob.

Per eżempju, ħu l-​Olimpijadi taʼ l-​1988. Disaʼ kumpaniji multinazzjonali ħallsu total taʼ iktar minn $100 miljun (Lm38.5 miljuni) lill-​IOC għad-​drittijiet tas-​suq mad-​dinja kollha. Fil-​Logħob tas-​Sajf taʼ l-​1996 f’Atlanta ntefaq total taʼ $400 miljun (Lm154 miljun) għall-​istess drittijiet. U dan ma jinkludix id-​drittijiet televiżivi. Grupp Amerikan taʼ stazzjonijiet televiżivi kellu jħallas iktar minn $3.5 elef miljun (Lm1.3 elef miljun) għad-​drittijiet biex ixandar il-​Logħob Olimpiku bejn is-​sena 2000 u 2008. Ġie rapportat ukoll li f’perijodu t’erbaʼ snin, 11-il sponser mad-​dinja kollha se jkollhom iħallsu $84 miljun (Lm32 miljun) kull wieħed. B’hekk, xi wħud qalu li filwaqt li l-​Olimpijadi darba kienu jirrappreżentaw l-​aqwa prinċipji umani, illum il-​ġurnata l-​logħob sar primarjament opportunità fejn isir ħafna qligħ taʼ flus, xi ħaġa li tirrappreżenta r-​regħba.

X’Mar Ħażin?

Xi esperti jgħidu li hemm żewġ affarijiet prinċipali li bdew kmieni fis-​snin 80 illi wasslu għall-​kriżi li għaddejjin minnha l-​Olimpijadi. L-​ewwel ħaġa kienet id-​deċiżjoni li ttieħdet sabiex federazzjonijiet individwali u internazzjonali taʼ l-​isport jingħataw il-​jedd li jiddeterminaw huma stess liema atleti setgħu jieħdu sehem fl-​Olimpijadi. Filwaqt li l-​IOC darba kienet tħalli lid-​dilettanti biss jieħdu sehem, il-​federazzjonijiet bdew iħallu lill-​atleti professjonali jikkompetu fl-​isport tagħhom fl-​Olimpijadi. Imma l-​atleti professjonali ġabu magħhom attitudnijiet professjonali. Billi sempliċement ‘jiġġieldu tajjeb’ ma kinux se jaqilgħu l-​belli liri mir-​reklamar taʼ prodotti, u l-​għan prinċipali malajr sar li jirbħu. Mhux taʼ b’xejn li din il-​ħaġa qanqlithom iktar biex jużaw id-​drogi ħalli jilagħbu aħjar.

It-​tieni ħaġa prinċipali żviluppat fl-​1983 meta l-​IOC rat kif se tagħmel il-​qligħ miċ-​ċrieki taʼ l-​Olimpijadi li wieħed espert fil-​kummerċ sejħilhom “l-​iktar simbolu prezzjuż fid-​dinja li ma ġiex sfruttat.” Dan qajjem ambjent taʼ kummerċjaliżmu bla kontroll li sar karatteristika ċara taʼ l-​Olimpijadi. Jason Zengerle osserva: “Minkejja d-​diskors kollu li sar dwar l-​avvanz tal-​paċi u li n-​nies tad-​dinja jinġiebu flimkien . . . , l-​Olimpijadi fil-​fatt m’huma differenti xejn minn . . . kwalunkwe wirja sportiva kbira oħra.” Iżda jfisser dan li l-​prinċipji tajbin li l-​moviment Olimpiku ppropona ma jistgħux jintlaħqu?

[Kaxxa f’paġna 5]

FATTI DWAR L-​OLIMPJADI

→ Is-​simbolu Olimpiku fih ħames ċrieki, li jirrappreżentaw il-​kontinenti taʼ l-​Afrika, l-​Amerika taʼ Fuq u t’Isfel, l-​Asja, l-​Awstralja, u l-​Ewropa. Huma minsuġin f’xulxin u dan ifisser il-​ħbiberija sportiva bejn in-​nies kollha.

→ Il-​motto Olimpiku huwa Citius, Altius, Fortius—kliem bil-​Latin li jfisser “jgħaġġel iktar, għoli iktar, qalbieni iktar.” It-​traduzzjoni l-​oħra, li ħareġ biha għalliem minn Franza hi “eħfef, ogħla, iktar b’saħħtu.”

→ Il-​fjamma Olimpika kienet tixgħel fuq l-​artal taʼ Żews waqt il-​logħob tal-​qedem. Illum, hemm torċa li tinxtegħel bir-​raġġi tax-​xemx f’Olimpja, u mbagħad tinġarr lejn il-​post fejn ikun se jintlagħab il-​logħob.

→ It-​tradizzjoni Olimpika ilha sejra eluf taʼ snin. L-​ewwel ­Logħob Olimpiku li ġie dokumentat seħħ fis-​776 Q.E.K., imma ħafna jgħidu li l-​logħob oriġina minn taʼ l-​inqas ­ħames sekli qabel dan.

[Sors]

AP Photo/Eric Draper

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

IL-​POST GĦALL-​OLIMPJADI F’SYDNEY

F’Settembru taʼ l-​1993, Sydney ntgħażlet bħala l-​post fejn se jsir il-​Logħob Olimpiku taʼ l-​2000. Minn dakinhar ’l hawn, din il-​belt bdiet tipprepara b’ferneżija kbira biex tilqaʼ lill-​għaxriet t’eluf taʼ nies li se jżuruha. Sar ħafna xogħol biex jitnaddaf il-​post, jinbnew lokalitajiet taʼ l-​aqwa klassi, u biex il-​miżbliet qodma jibdluhom f’għelieqi kbar, ġonna u estwarji, li fihom xi 7,689 kilometri kwadri.

Ir-​Raħal Olimpiku taʼ Sydney nbena bħala post fejn se joqogħdu l-​atleti u l-​uffiċjali kollha. Dan huwa l-​akbar villaġġ fid-​dinja li jaħdem billi jieħu l-​qawwa mix-​xemx. Is-​SuperDome huwa l-​akbar ċentru sportiv u taʼ divertiment fuq ġewwa li jinsab fl-​Emisferu t’Isfel. Dan għandu l-​akbar sistema privata fl-​Awstralja kollha li tieħu l-​enerġija mix-​xemx, u jaħdem permezz taʼ enerġija li ma tipproduċi kważi l-​ebda gassijiet li jikkaġunaw l-​effett serra.

Wara s-​SuperDome wieħed ma jistax ma jindunax bl-​Istejdjum Olimpiku, li ġej għat-​tond u bi travi minsuġin f’xulxin. Biex inbena qam $435,000,000 (Lm167,000,000). Huwa wkoll l-​akbar stejdjum Olimpiku fid-​dinja u jesaʼ 110,000 siġġu. Fil-​fatt erbaʼ ajruplani Boeing 747 jistgħu jipparkjaw ħdejn xulxin taħt l-​arkata prinċipali taʼ dan l-​istejdjum! Fuqnett, il-​materjal li ntuża fis-​saqaf iħalli d-​dawl jgħaddi imma fl-​istess ħin jipproteġi lill-​ispettaturi mir-​raġġi ultravjola tax-​xemx. “Għal ftit tax-​xhur fl-​2000,” qal Alan Patching, direttur prinċipali taʼ l-​istejdjum, “dan il-​post se jkun il-​qalba taʼ l-​Awstralja.” Imbagħad bassar li dan l-​istejdjum se jibqaʼ jkollu importanza simbolika daqs it-​Teatru taʼ l-​Opra f’Sydney stess.

[Stampa f’paġna 4]

Il-​Baruni Pierre de Coubertin

[Sors]

Culver Pictures

[Sors tal-​istampa f’paġna 7]

AP Photo/ACOG, HO

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja