Il-Konsegwenzi li Ġġarrab Meta Tipprova Tagħmel Iżżejjed
ID-DINJA TAL-PUNENT ILLUM MOĦĦHA WISQ FIL-ĦEFFA U L-KUMDITÀ.
MAGNI li jaħslu l-platti jiffrankaw il-ħin li wieħed iqattaʼ jaħdem fil-kċina. Magni li jaħslu l-ħwejjeġ jagħmlu l-istess ħaġa. Miljuni taʼ nies lanqas biss għad għandhom għalfejn jitilqu mid-dar biex jagħmlu x-xirja u jmorru l-bank. Huma sempliċement jixegħlu l-kompjuter u jużaw l-Internet.
Iva, id-dinja, għall-inqas parti minnha, issa hija mborġata b’kull tip taʼ apparat li jiffranka l-ħin u x-xogħol. Għaldaqstant, wieħed jaħseb li n-nies suppost għandhom bosta ħin xi jqattgħu mal-familji tagħhom u biex jistrieħu. Madankollu, fil-biċċa l-kbira, ħafna jgħidu li jħossuhom iktar għajjenin u għandhom iktar tensjoni minn qatt qabel. Hemm ħafna affarijiet komplikati li jikkaġunaw dan.
Il-pressjonijiet ekonomiċi huma fost l-iktar imsemmijin. Iċ-Ċentru Awstraljan għar-Riċerka u t-Taħriġ taʼ Relazzjonijiet Industrijali analizza n-numru taʼ sigħat li n-nies qattgħu jaħdmu f’dak il-pajjiż u sab li “proporzjon sostanzjali minnhom qed jaħdmu regolarment iktar minn 49 siegħa fil-ġimgħa” u li “din iż-żjieda fis-sigħat taʼ xogħol x’aktarx li kellha effett ħażin fuq il-ħajja tal-familja u fil-komunità li taʼ min jagħti kasu.” Ħafna ħaddiema jagħżlu li jgħixu fin-naħa taʼ barra tal-bliet fejn ikun hemm il-ħdura u iktar kwiet. Dan jistaʼ jkun ifisser li kull ġimgħa—jew saħansitra kull ġurnata—ikollhom iqattgħu sigħat sħaħ jivvjaġġaw f’ferroviji u karozzi tal-linja ffollati jew f’toroq mimlijin traffiku. Fil-fatt, dan itawwal il-ġurnata tax-xogħol u jżid mat-tensjonijiet tagħha.
Għandek Dejn maʼ l-Irqad?
Il-problemi taʼ l-irqad tant saru komuni f’dawn l-aħħar ftit snin li f’ħafna partijiet tad-dinja fetħu kliniċi li jikkumbattu l-problemi konnessi maʼ l-irqad. Dawk li għamlu r-riċerki sabu li meta n-nies ma jorqdux biżżejjed b’mod regulari, jinġemgħalhom dejn maʼ l-irqad. Naturalment, ġisimhom ikun irid li jħallas dan id-dejn u jinkuraġġihom jagħmlu dan billi jġagħalhom iħossuhom għajjenin. Imma peress li l-istil taʼ ħajja tal-lum huwa nieqes mill-irqad, ħafna nies jibqgħu dejjem għajjenin.
F’ċertu pajjiż tal-Punent, il-ħin lin-nies iqattgħu reqdin niżel b’20 fil-mija f’dan l-aħħar seklu. Kien disaʼ sigħat kull lejl u issa sar sebaʼ sigħat. Dawk li jagħmlu r-riċerki ġabru evidenza li turi li d-dejn maʼ l-irqad jikkaġuna problemi fit-tagħlim u l-memorja, ħsara fejn għandu x’jaqsam iċ-ċaqliq tal-muskoli, u sistema dgħajfa taʼ l-immunità. Il-biċċa l-kbira minna skoprejna mill-esperjenza tagħna stess li moħħ għajjien faċli li jagħmel ħafna żbalji. Il-ħaġa kerha hi li dawn l-iżbalji jistgħu jkunu kemm serji kif ukoll taʼ spiża kbira.
Il-Konsegwenzi Koroh taʼ l-Għeja Estrema
L-għeja estrema li tirriżulta minn ħinijiet twal taʼ xogħol u nuqqas taʼ ħaddiema jintqal li kienet ir-raġuni għala ġraw xi wħud mill-agħar diżastri fi tmiem is-seklu 20. Fosthom hemm id-diżastru nukleari f’Ċernobil, fl-Ukraina; l-isplużjoni taʼ l-ispace shuttle Challenger; u t-tixrid taż-żejt meta t-tanker Exxon Valdez ħabat maʼ sikka fil-Kanal Prince William, l-Alaska.
L-isplużjoni taʼ Ċernobil seħħet matul test speċjali li kien qed iseħħ fl-impjant. Fil-ktieb tiegħu The 24-Hour Society, Martin Moore-Ede jgħid li t-test “kien qed isir taħt is-superviżjoni taʼ tim taʼ inġinieri taʼ l-elettriku eżawriti li kienu ilhom fl-impjant minn taʼ l-inqas tlettax-il siegħa, u probabbilment iktar minn hekk minħabba li damu għaxar sigħat sakemm ngħataw il-permess li jibdew.” Kien x’kien il-każ, f’dan l-inċident ħarġet ħafna radjazzjoni mill-impjant li skond studju reċenti, wieħed mill-effetti tagħha li se jibqaʼ jolqot lill-pajjiż għal ħafna żmien huwa ż-żjieda fil-kanċer tat-tirojde. Fil-fatt il-kanċer tat-tirojde fost it-tfal Ukranjani żdied b’għaxar darbiet mill-1986 ’l hawn.
Wara li saret investigazzjoni bir-reqqa taʼ l-isplużjoni taʼ l-ispace shuttle Challenger, rapport mill-kummissjoni presidenzjali qal li l-limitu t’20 siegħa sahra wara l-ħin normali taʼ xogħol ġie maqbuż b’480 darba minn grupp wieħed taʼ ħaddiema li kienu fuq xogħol b’kuntratt u grupp ieħor qabeż dak il-ħin b’2,512-il darba. Ir-rapport żied li l-fatt li d-diretturi wkoll kienu għajjenin ħafna, minħabba “diversi ġranet taʼ ħinijiet tax-xogħol mhux normali u nuqqas taʼ rqad,” kien fattur sinifikanti ieħor għala l-ispace shuttle ngħata l-ordni żbaljata biex jitlaq. Ir-rapport osserva li meta “x-xogħol bis-sahra jsir eċċessiv, l-effiċjenza tal-ħaddiema tonqos u tiżdied il-possibbiltà li jagħmlu l-iżbalji.”
Skond xi uffiċjali taʼ ċerta unjoni tal-ħaddiema, il-fatt li ġew imnaqqsin il-baħrin minn fuq l-Exxon Valdez—manuvra li suppost kellha tnaqqas l-ispiża—kien ifisser li dawn kellhom jaħdmu ħinijiet itwal u jwettqu iktar xogħol mis-soltu. Rapport fuq id-diżastru jispjega li l-uffiċjal terz, li kien qed jieħu ħsieb il-bastiment meta dan ħabat ftit wara nofsillejl, kien ilu mqajjem minn kmieni fil-għodu taʼ dak in-nhar. Kważi 42 miljun litru żejt—l-iktar ammont taʼ żejt li qatt inxtered fl-istorja taʼ l-Istati Uniti—ikkaġuna ħsara terribbli lill-bajjiet u lill-ħlejjaq salvaġġi. Dan sewa iktar minn Lm900 miljun biex jitnaddaf.
Il-Konsegwenzi Inqas Ovvji taʼ l-Għeja Estrema
Skond kalkolu wieħed, l-għeja u l-eżawriment jiswew lid-dinja minn taʼ l-inqas Lm170 elf miljun kull sena! Imma l-ebda ċifra ma tiswa daqs il-ħajja umana u s-saħħa, li ħafna drabi jiġu effettwati wkoll. Per eżempju nieħdu l-inċidenti tat-traffiku. Skond klinika tal-problemi taʼ l-irqad f’Sydney, l-Awstralja, bejn 20 u 30 fil-mija taʼ l-inċidenti tat-traffiku f’dan il-pajjiż iseħħu minħabba li s-sewwieqa jonogħsu waqt li jkunu qed isuqu. Huwa stmat li fl-Istati Uniti, il-ħedla tikkontribwixxi għal minn taʼ l-inqas 100,000 inċident tat-traffiku fis-sena.
Minkejja dan, il-konsegwenzi taʼ l-eżawriment jistaʼ jkun li ma jiqfux hemmhekk. Vittma taʼ inċident li tittieħed bil-ġirja lejn l-isptar għal operazzjoni tittama li t-tabib jinsab fl-aqwa tiegħu u jkun f’sensih. Imma minħabba l-iskeda mimlija u l-ħinijiet twal taʼ xogħol, it-tabib jistaʼ jkun kollox minbarra fl-aqwa tiegħu u f’sensih! Rapport mill-Istitut Awstraljan għas-Saħħa u l-Assistenza wera li madwar 10 fil-mija tat-tobba kienu qed jaħdmu iktar minn 65 siegħa fil-ġimgħa, 17 fil-mija taʼ l-ispeċjalisti kollha qabżu dawk is-sigħat, u 5 fil-mija tat-tobba li għadhom jibdew kienu qed jaħdmu iktar minn 80 siegħa fil-ġimgħa!
Martin Moore-Ede jgħid li l-magni huma protetti minn kotba taʼ istruzzjonijiet, tabelli taʼ twissija, u korsijiet taʼ taħriġ, imma l-bnedmin jiġu fid-dinja mingħajr ebda protezzjoni bħal din. Hu jkompli jgħid li l-verità hi li nafu bil-wisq inqas dettalji taʼ kif inhu disinjat il-bniedem u l-ħtiġijiet tiegħu milli nafu dwar il-makkinarju u l-programmi li jaħdem bihom.
Ġisimna m’għandux dwal ħomor u allarmi li jgħidulna meta għandna nieqfu jew innaqqsu l-pass. Madankollu, jagħtina sinjali taʼ twissija. Fosthom hemm għeja l-ħin kollu, bdil fil-burdata, dipressjoni, u tendenza li tlaqqat malajr kull virus li jkun għaddej. Jekk għandek dawn is-sintomi—waqt li nassumu li ovvjament m’għandekx xi problema fiżika jew problema taʼ saħħa oħra—jistaʼ jkun il-waqt li teżamina mill-ġdid l-istil taʼ ħajtek.
Il-Konsegwenzi Soċjali Minħabba Ħajja Mħabbta Wisq
Il-ħajja mimlija tensjoni u nieqsa mill-irqad tħalli effett ikrah ukoll fuq ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin. Ikkunsidra l-każ taʼ koppja miżżewġa friska, John u Maria.a Huma xtaqu dak li jkunu jixtiequ l-biċċa l-kbira taʼ dawk li jkunu għadhom kif iżżewġu—dar komda u sigurtà finanzjarja. Allura t-tnejn li huma sabu xogħol full-time. Imma peress li l-ħin tagħhom tax-xogħol ma kienx dejjem l-istess, ma tantx kellhom ħin xi jqattgħu flimkien. Ir-relazzjoni tagħhom malajr bdiet sejra lura. Imma huma ma tawx kas tas-sintomi u komplew sejrin bl-iskedi mimlijin tagħhom sakemm iż-żwieġ tagħhom, li bilkemm kien għadu beda, sfaxxa.
Skond il-ktieb The 24-Hour Society, l-istudji juru li r-rata taʼ divorzju f’familji li jaħdmu bix-xift hija 60 fil-mija ogħla minn taʼ dawk li jaħdmu matul il-ġurnata f’impjiegi regulari. Minkejja dan, sew jekk il-koppji jkunu jaħdmu f’ħinijiet differenti jew le, dawn tant jipprovaw ideffsu affarijiet f’ħajjithom li, fil-fatt, ikunu qed ineħħu l-ħajja miż-żwieġ tagħhom. Bl-istress u l-eżawriment, hemm min jidħol f’ċiklu taʼ abbuż tad-drogi u alkoħol kif ukoll jaqbad drawwiet ħżiena taʼ l-ikel. Dawn huma fatturi li mhux biss l-eżawriment jagħmluh agħar imma jistgħu jwasslu wkoll għal ħafna problemi oħrajn, saħansitra għall-abbuż tat-tfal.
Sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jlaħħqu maʼ l-iskedi diffiċli tagħhom, qed jiżdiedu ċentri fejn jieħdu ħsieb it-tfal, u xi wħud minnhom saħansitra jiftħu 24 siegħa kuljum. Iżda, għal ħafna tfal it-televixin fil-fatt jispiċċa jsir dak li jieħu ħsiebhom. M’għandniex xi ngħidu, biex it-tfal isiru adulti responsabbli u jkunu jafu jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom, għandhom bżonn ħafna u ħafna ħin taʼ kwalità mal-ġenituri tagħhom. Għalhekk, il-ġenituri li jkunu għajjenin wisq għal uliedhom minħabba li jipprovaw iżommu livell t’għajxien għoli b’mod mhux raġunevoli, jagħmlu tajjeb li jqisu n-nefqa—kemm għal uliedhom u kemm għalihom infushom.
Fis-soċjetà teknoloġika tal-lum li tant qed tiżviluppa bl-għaġla, ħafna drabi x-xjuħ jispiċċaw vittmi wkoll. Tant qed jinbidlu affarijiet malajr u tant joħorġu ruxxmata t’affarijiet ġodda fis-suq li dawn iħossuhom imħawdin, beżgħanin, mheddin, jew saħansitra li żmienhom għadda. Mela x’hemm jistenniehom fil-futur?
Veru li lkoll kemm aħna—kbar u żgħar—ninsabu f’idejn dinja li donnha hija determinata li timxi dejjem iktar bl-għaġla? Jew hemm xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex jgħinuna nvinċu u ntejbu l-kwalità taʼ ħajjitna? B’ferħ ngħidu li hemm, kif se naraw fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
[Stampi f’paġna 6]
L-eżawriment setaʼ kkontribwixxa għad-diżastru nukleari taʼ Ċernobil, l-isplużjoni taʼ l-ispace shuttle “Challenger,” u t-tixrid taʼ żejt mill-“Exxon Valdez”
[Sors]
Bil-korteżija tal-U.S. Department of Energy’s International Nuclear Safety Program
Ritratt tan-NASA
[Stampi f’paġna 7]
Il-pass mgħaġġel tal-ħajja jistaʼ jwassal għal żwiġijiet mimlijin inkwiet
[Stampa f’paġna 8]
Xi wħud jabbużaw mill-alkoħol biex jipprovaw ikampaw