Il-Pass Mgħaġġel taʼ Din id-Dinja
ĠIELI TĦOSSOK LI MA TISTAX TLAĦĦAQ MAL-PASS LI MIEXJA BIH IL-ĦAJJA? IĠAGĦLEK DAN TĦOSSOK BIN-NERVI, GĦAJJIEN, JEW LI BILKEMM TIFLAĦ TISSAPORTI IKTAR? JEKK INHU HEKK, M’INTIX WAĦDEK.
MILJUNI taʼ nies, speċjalment fil-bliet, isibu li l-ħajja saret ġirja waħda li tħallik bla nifs u tistordik. Dan japplika b’mod partikulari għall-pajjiżi tal-Punent. F’laqgħa reliġjuża li saret dan l-aħħar fl-Istati Uniti, kelliem staqsa lil dawk fl-udjenza biex jgħollu idhom jekk kienu jħossuhom għajjenin kważi l-ħin kollu. Minnufih, dehret sħaba taʼ idejn mgħollijin.
Il-ktieb Why Am I So Tired? (Għala Nħossni Daqshekk Għajjien?) jgħid li fil-ħajja tal-lum jeżistu affarijiet li jikkaġunaw tensjoni kbira imma li qatt ma konna nisimgħu bihom qabel—min irid jilħaq l-ajruplan, min irid ilesti biċċa xogħol sa ċerta data, min irid jieħu t-tfal żgħar l-iskola u jmur għalihom fil-ħin, u nibqgħu sejrin hekk. Mhux taʼ b’xejn li l-għeja ġiet deskritta bħala s-saħta taʼ żmienna.a
Dari, il-ħajja kienet iktar sempliċi, u l-pass tal-ħajja kien jimxi iktar bil-mod. In-nies kienu jgħixu fi qbil iktar maċ-ċikli tan-natura—matul il-ġurnata jaħdmu, u x’ħin jidlam jinġabru mal-familja u mbagħad jorqdu. Illum, hemm diversi raġunijiet għala n-nies iħossuhom iżjed għajjenin u mifluġin.
F’Daqqa Waħda, il-Ġranet Twalu
Fattur wieħed jistaʼ jkun li n-nies jorqdu inqas. U wieħed mill-iktar żviluppi sinifikanti li invada l-ħin taʼ l-irqad kien il-wasla tad-dawl elettriku. Billi jixegħlu swiċċ, in-nies setgħu jibdew jikkontrollaw it-tul tal-“ġurnata,” u malajr bdew joqogħdu mqajmin iktar fit-tul. Fil-fatt, ħafna ma tantx kellhom għażla f’din il-ħaġa għax il-fabbriki bdew jaħdmu lejl u nhar u l-industriji li jagħtu servizz tawlu l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom. Kittieb wieħed qal: “Twieldet is-soċjetà taʼ erbgħa u għoxrin siegħa.”
Żviluppi oħra fit-teknoloġija, bħar-radju, it-televixin, u l-kompjuter persunali, ukoll kellhom sehem biex ma jħallux lin-nies jorqdu biżżejjed. F’ħafna pajjiżi, il-programmi televiżivi jibqgħu għaddejjin lejl u nhar bla waqfien. Taʼ spiss jiġri li xi nies li jħobbu jaraw il-films jew li jħobbu l-isport imorru għax-xogħol bi ngħas u għajjenin wara li jkunu qattgħu lejl sħiħ jaraw it-televixin. Il-kompjuters fid-dar, u l-viżibilju taʼ divertiment li joffru, iħajru wkoll lil miljuni biex jibqgħu mqajmin fit-tard. M’għandniex xi ngħidu, dawn l-affarijiet fihom infushom m’humiex ħżiena; minkejja dan, lil xi nies iħajruhom iktar biex jinjoraw il-bżonn li jistrieħu.
Il-Ħajja Ssir Iktar Mgħaġġla
Mhux talli l-ġranet tagħna twalu iktar imma l-ħajja nfisha donnha saret mgħaġġla iktar, u għal darb’oħra t-teknoloġija għenet f’dan. Il-karozzella biż-żiemel li kienet teżisti inqas minn seklu ilu m’għandha x’taqsam xejn mal-karozzi, ferroviji, u ajruplani ġett tal-lum li kollha jgħaġġlu ħafna. Fil-fatt, negozjant fi żmienna, li nannuh x’aktarx li kien imur għax-xogħol bil-mixi jew inkella biż-żiemel jew bir-rota, jistaʼ jtir min-naħa għall-oħra taʼ l-Oċean Atlantiku bejn ikla u oħra!
L-uffiċċju wkoll għamel rivoluzzjoni kwieta minħabba l-ħeffa u l-produttività. It-typewriters u l-posta tas-soltu ċedew posthom għall-kompjuters, il-magni tal-fax, u l-posta elettronika. Minħabba l-kompjuters żgħar, it-telefon ċellulari, u l-pagers, id-differenza li kienet teżisti bejn id-dar u l-uffiċċju m’għadhiex tidher daqshekk.
M’għandniex xi ngħidu, ħadd minna ma jistaʼ jnaqqas il-ħeffa tal-pass li miexja bih id-dinja. Madankollu, fuq bażi persunali, nistgħu nagħmlu bidliet li jgħinuna ngħixu ħajja iktar kalma u bilanċjata. Imma qabel ma nikkunsidraw din il-kwistjoni, ejja neżaminaw xi wħud mill-effetti li dan il-pass mgħaġġel tal-lum jistaʼ jħalli fuqna personalment u fuq is-soċjetà kollha.
[Nota taʼ taħt]
a L-għeja kronika tistaʼ tkun kaġunata wkoll minn għadd taʼ fatturi oħra minbarra l-pressjonijiet taʼ kuljum, jew forsi dawn jagħmluha agħar. Fost il-kaġuni hemm problemi fiżiċi taʼ saħħa, dieta ħażina, mediċini, tniġġis kimiku, problemi mentali u emozzjonali, età avanzata, jew taħlita taʼ dawn il-fatturi.