Għandek Bżonnha l-Assigurazzjoni?
F’XI PAJJIŻI ċerti tipi t’assigurazzjoni jridu jsiru bilfors. F’pajjiżi oħra, kważi ħadd ma jkun jaf li jeżistu d-diversi tipi t’assigurazzjoni. Xi ħaġa oħra hi li l-ispejjeż taʼ l-assigurazzjonijiet u t-tip taʼ riskji li jkopru jvarjaw ħafna minn pajjiż għall-ieħor. Imma l-prinċipju fundamentali taʼ l-assigurazzjoni—li r-riskju jinqasam m’oħrajn—jibqaʼ dejjem l-istess.
Huwa ovvju li iktar ma individwu jkollu propjetà, iktar għandu x’jitlef. Bl-istess mod, iktar ma wieħed ikollu responsabbiltà tal-familja, iktar se jkun kbir l-effett li jħalli jekk dan il-bniedem imut jew jimmanka ruħu. Jekk bniedem bħal dan ikollu assigurazzjoni jkun jistaʼ jtaffi xi ftit mill-biżaʼ jekk xi darba jkollu jitlef xi propjetà jew ikorri gravi f’xi inċident.
Madankollu, huwa għaqli li tonfoq il-flus fuq assigurazzjoni anki jekk forsi qatt ma titlob kumpens mingħand il-kumpanija? Aħseb ftit, huwa ħela taʼ flus jekk fil-karozza żżomm tajer ieħor, avolja jekk qatt ma tiġi bżonnu? Bħala s-sewwieq tal-karozza, se jkollok moħħok mistrieħ għal li jistaʼ jinqalaʼ, u għalhekk dak li tkun infaqt għal tajer ieħor ikun vallapena. Għalkemm il-kumpens finanzjarju ma jistax jagħmel tajjeb għal ċertu telf, jistaʼ jagħmel tajjeb għal telf ieħor.
Il-polzi taʼ l-assigurazzjoni, liema tipi taʼ telf ikopru?
Tipi t’Assigurazzjoni
Il-biċċa l-kbira taʼ l-assigurazzjonijiet li jagħmlu n-nies jaqgħu taħt il-kategoriji taʼ assigurazzjoni tal-propjetà, responsabbiltà, saħħa, diżabilità, u ħajja.
Assigurazzjoni fuq il-propjetà: L-assigurazzjoni kontra t-telf taʼ propjetà—dar, negozju, karozza, jew ġid ieħor—hija fost l-iktar forom komuni taʼ kif jintgħarfu r-riskji u jintgħamel tajjeb għalihom f’każ taʼ telf. Din hija l-assigurazzjoni li John, li ssemma fl-artiklu taʼ qabel, iddeċieda li ma jagħmilx għall-garaxx fejn jaħdem u għall-għodda.
Xi polzi taʼ l-assigurazzjoni għad-dar ikopru wkoll ċerti oġġetti fid-dar stess. Jekk tagħmel dan it-tip t’assigurazzjoni, ikun għaqli jekk tagħmel inventarju taʼ l-affarijiet assigurati kollha li għandek fid-dar, u jekk jistaʼ jkun tinkludi xi ritratti jew vidjo tagħhom. Maʼ dan l-inventarju tistaʼ tinkludi wkoll xi stimi jew irċivuti tal-ħlas taʼ l-oġġetti. Dawn m’għandhomx jinżammu d-dar tiegħek imma f’xi post ieħor fiż-żgur. Permezz taʼ dawn id-dokumenti li tkun żammejt, se ssibha iktar faċli jekk tiġi biex titlob kumpens għal xi telf.
Assigurazzjoni għar-responsabbiltà: Kulmin isuq karozza, għandu dar jew xi propjetà immobbli oħra, imexxi negozju, jew iħaddem nies oħra jinsab fir-riskju li jinżamm responsabbli jekk jinqalaʼ inċident. U dak l-inċident jistaʼ jirriżulta fi ħsara taʼ propjetà jew fi ġrieħi jew mewt taʼ xi persuna. Sewwieq taʼ karozza jew sid taʼ propjetà jew taʼ negozju jistaʼ jinżamm responsabbli li jħallas għat-tiswija fuq propjetà jew għall-kura medika jew anki għall-uġigħ u t-tbatija li jkun qed isofri xi ħadd ieħor. F’ħafna pajjiżi, kemm min iħaddem in-nies u kemm is-sewwieqa huma mitlubin bil-liġi li jkollhom l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà biex tgħinhom iħallsu dawn l-ispejjeż. Anki f’postijiet fejn l-assigurazzjoni m’hijiex bil-liġi, sewwieq, sid taʼ propjetà, jew min iħaddem jistaʼ jinżamm responsabbli legalment jew moralment li jgħin lill-vittmi taʼ inċident jew lill-familji tagħhom.
Assigurazzjoni fuq is-saħħa: Ħafna pajjiżi għandhom xi għamla t’assigurazzjoni sponsorjata mill-gvern li tipprovdi benefiċċji bħal pensjoni taʼ l-anzjani u kura medika. Madankollu, anki f’każijiet bħal dawn, assigurazzjoni bħal din għandha mnejn tipprovdi parti biss mill-ħlas taʼ l-ispejjeż mediċi jew tipprovdi biss għal ċerti spejjeż mediċi u mhux għal kollha. Għaldaqstant, xi individwi jiksbu assigurazzjoni privata oħra sabiex tgħinhom iħallsu l-bqija. F’ħafna postijiet il-ħaddiema jistgħu jirċievu assigurazzjoni fuq is-saħħa bħala parti mill-kundizzjonijiet taʼ l-impjieg tagħhom.
Ċerti skemi taʼ kura tas-saħħa, inkluż arranġamenti taʼ maniġġar tal-kura u organizzazzjonijiet għaż-żamma tas-saħħa (health maintenance organizations [HMOs]), jipprovdu kura medika komprensiva u jitħallas pagament fiss kull xahar jew darba fis-sena. Dawn l-organizzazzjonijiet jipprovaw inaqqsu l-ispejjeż billi jipprovdu kura medika li tiswa inqas flus u billi jippromwovu l-mediċina preventiva. Madankollu, fil-każ taʼ xi HMO, l-għażla tal-pazjent rigward tobba jew kura tistaʼ tkun iktar limitata milli fil-każ taʼ l-assigurazzjoni tradizzjonali fuq is-saħħa.
Assigurazzjoni f’każ taʼ diżabilità u assigurazzjoni fuq il-ħajja: L-assigurazzjoni f’każ taʼ diżabilità tipprovdi ċertu dħul taʼ flus jekk individwu jkorri u ma jkunx jistaʼ jaħdem. L-assigurazzjoni fuq il-ħajja tipprovdi għajnuna finanzjarja lill-uħud li jiddependu minn persuna fil-każ li din tmut. Dawn it-tipi t’assigurazzjoni għenu lil ħafna familji biex iħallsu d-djun li ma jkunux tħallsu, u b’hekk jibqgħu għaddejjin bir-rutina tal-ħajja tagħhom wara li l-individwu ewlieni li jkun imantni lill-familja jkorri jew imut.
Kif Issib Assiguraturi taʼ Fiduċja
L-assigurazzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li dak li jkun joħroġ il-flus fil-preżent biex igawdi protezzjoni finanzjarja fil-futur. Għalhekk, m’hijiex xi sorpriża li fl-industrija taʼ l-assigurazzjoni jeżistu ħafna wħud li jipprovaw jaqilgħu l-flus minn fuq dahar in-nies. Dan jiġri f’ekonomiji żviluppati u f’ekonomiji li għadhom qed jiżviluppaw. Għaldaqstant, wieħed ikun għaqli jekk joqgħod attent għall-hekk imsejħa assigurazzjonijiet b’rati baxxi u jaħsibha darbtejn fejn tidħol xi skema dubjuża t’assigurazzjoni. Kienu ħafna dawk l-uħud mimlijin tama li spiċċaw b’idhom f’idhom meta l-kumpaniji li kienu xtraw il-polzi mingħandhom naqsu li jagħtuhom kumpens—jew inkella f’daqqa waħda ma baqgħux jeżistu iktar!
Mela, bħal fil-każ taʼ kull akkwist importanti ieħor, tagħmel tajjeb jekk tqabbel dak li joffru diversi kumpaniji taʼ l-assigurazzjoni qabel ma tixtri, għax ġeneralment hekk tiffranka l-flus. Per eżempju, ċerti kumpaniji joffru rati iktar baxxi fuq assigurazzjoni fuq is-saħħa lil nies li ma jpejpux u rati iktar baxxi fuq assigurazzjoni tal-karozzi lil dawk is-sewwieqa li jkunu għaddew minn korsijiet oħra taʼ taħriġ għas-sewwieqa. Imma jekk xi ħadd jixtieq jagħmel assigurazzjoni, kif jistaʼ jsib assigurazzjoni taʼ fiduċja?
L-ewwel pass jistaʼ jkun li tistaqsi lil nies oħra kif marru maʼ kumpaniji u aġenti differenti taʼ l-assigurazzjoni. Il-ħbieb u l-ġirien għandhom mnejn ikunu jafu x’fama għandha għas-servizz ċerta kumpanija jew x’fama għandu l-aġent taʼ l-assigurazzjoni rigward onestà u interess persunali. Ikun tajjeb ukoll jekk toqgħod għassa għal xi aħbarijiet li jindikaw liema kumpaniji taʼ l-assigurazzjoni jistgħu jkunu għaddejjin mill-problemi.
Flimkien maʼ dan, tistaʼ tiċċekkja l-istorja u l-qagħda finanzjarja taʼ kumpanija biex tara f’liema grad tinsab meta mqabbla maʼ kumpaniji oħra t’assigurazzjoni. Din l-informazzjoni tistaʼ ssibha f’kotba apposta fil-librerija, f’ħanut tal-kotba jew fuq l-Internet. B’hekk tkun tistaʼ twieġeb mistoqsijiet bħal: Hija l-kumpanija stabbli finanzjarjament? Ilha tagħmel negozju b’suċċess għal ħafna snin? Hija magħrufa li tissetilja każijiet taʼ kumpens malajr u mingħajr problemi?
Madankollu, kotba li jipprovdu tagħrif dwar f’liema grad jinsabu l-kumpaniji t’assigurazzjoni m’għandhomx jitqiesu bħala infallibbli. Kumpanija t’assigurazzjoni multimiljunarja li kien ilha stabbilita kellha taqaʼ f’idejn il-gvern ġimgħa biss wara li ktieb magħruf kien sejħilha bħala kumpanija superjuri!
L-Irwol taʼ l-Aġenti taʼ l-Assigurazzjoni
Aġent taʼ l-assigurazzjoni jkun normalment marbut maʼ kumpanija partikulari t’assigurazzjoni. Aġent indipendenti jistaʼ jikkonsulta diversi kumpaniji sabiex isib l-aħjar assigurazzjoni fis-suq għal prezz speċifiku. It-tnejn li huma jrid ikollhom relazzjoni tajba mal-klijenti sabiex jibqgħu għaddejjin bin-negozju tagħhom. Meta aġent taʼ l-assigurazzjoni jkun jimpurtah mill-klijenti u taʼ min jafdah, hu jistaʼ jkun t’għajnuna kbira għalihom.
L-ewwelnett, aġent tajjeb jistaʼ jgħin lill-klijent biex jagħżel assigurazzjoni addattata għalih mil-lista li donnha ma tispiċċa qatt taʼ tipi differenti t’assigurazzjonijiet. Jispjega wkoll lill-klijent tiegħu d-dettalji tal-polza. Kif jaf kulħadd, il-polzi taʼ l-assigurazzjoni huma magħrufin għal kemm huma komplikati. President taʼ kumpanija t’assigurazzjoni ammetta li kien hemm xi partijiet fil-polza t’assigurazzjoni fuq id-dar tiegħu li lanqas biss kien jaf x’ifissru!
Jekk l-aġent jispjega sew, il-klijent jistaʼ jevita qtajjaʼ kbar. Per eżempju, ħafna mill-polzi fuq il-propjetà u fuq is-saħħa jkollhom klawsola li teħles lill-assiguraturi mir-responsabbiltà li jħallsu ċertu ammont speċifiku fil-bidu. Dan ikun ammont fiss li l-individwu assigurat irid iħallas—per eżempju, għat-tiswijiet tal-karozza jew kontijiet mediċi—qabel ma l-kumpanija t’assigurazzjoni tħallas is-sehem tagħha tal-kumpens. L-aġent jistaʼ wkoll jagħmilha t’avukat jekk il-klijent isib xi problema biex jieħu kumpens mingħand il-kumpanija t’assigurazzjoni.
L-Assigurazzjoni u l-Kristjani
Kristjan li jafda fl-għajnuna t’Alla u li jaf li din is-sistema t’affarijiet se tispiċċa, għandu bżonn t’assigurazzjoni? Lura fis-sena 1910, xi wħud staqsew din il-mistoqsija lil Charles Taze Russell, editur tar-rivista magħrufa issa bħala It-Torri taʼ l-Għassa, u li toħroġ flimkien maʼ Stenbaħ! Russell irrikonoxxa li l-Bibbja tbassar it-tmiem tas-sistema ekonomika preżenti, u żied li personalment, hu ma kellux assigurazzjoni fuq il-ħajja.
“Madankollu, mhux kulħadd jinsab fl-istess qagħda,” osserva Russell. “Missier li għandu l-mara u t-tfal jiddependu minnu—u jekk dawn taʼ l-aħħar ikunu għadhom żgħar u m’humiex kapaċi jaqilgħu l-għajxien tagħhom—għandu ċerta responsabbiltà lejhom.” (1 Timotju 5:8) Raġel jistaʼ jwarrab xi fondi biex jipprovdi għall-familja tiegħu, innota Russell. “Imma fil-każ li ma jkunx jistaʼ jagħmel dan, forsi jkun jistaʼ jwettaq id-dover tiegħu permezz t’assigurazzjoni fuq il-ħajja.”
Xi ħadd li għandu familja x’jieħu ħsieb jistaʼ wkoll jipprovdi assigurazzjoni fuq is-saħħa, f’każ taʼ diżabilità, jew tipi oħra t’assigurazzjoni għall-membri tal-familja. Ħafna individwi li m’humiex miżżewġin jagħmlu assigurazzjoni biex jiksbu iktar faċilment ċerti servizzi meħtieġa kif ukoll biex ma jaqgħux fid-dejn f’każ taʼ inċident jew mard.
L-onestà hija importanti fejn tidħol l-assigurazzjoni. Kristjan veru żgur li qatt m’hu se jqarraq b’kumpanija t’assigurazzjoni, kemm meta jkun qed jimla l-applikazzjoni għall-assigurazzjoni u kemm meta jitlob xi kumpens. (Lhud 13:18) Hu jew hi jridu jżommu f’moħħhom li l-iskop taʼ l-assigurazzjoni huwa biex tipprovdi kumpens f’każ taʼ telf. M’hijiex xi biljett tal-lotterija—ċans li tgħix ħajja taʼ lussu.—1 Korintin 6:10.
Il-Kristjani jobdu l-liġijiet kollha li huma meħtieġa fejn tidħol l-assigurazzjoni. Jekk il-liġi titlob li jrid ikollhom assigurazzjoni xierqa biex imexxu negozju jew isuqu karozza, huma hekk jagħmlu. (Rumani 13:5-7) L-onestà u l-għerf prattiku jitolbu wkoll li tkompli tħallas il-pagamenti tal-polzi. Jekk il-pagamenti ma jsirux, il-kumpanija tistaʼ tħassar il-polza u ma tipprovdix kumpens. Ikun għaqli jekk kull tant żmien wieħed jivverifika li l-pagamenti jkunu daħlu billi jiċċekkja direttament mal-kumpanija u jżomm il-provi bil-miktub taʼ li jkun ħallas, bħal ċekkijiet ittimbrati li jiġu lura mill-bank.
Sew jekk hemm assigurazzjoni fil-post fejn tgħix u sew jekk le, jeżistu prekawzjonijiet bażiċi li jistgħu jgħinuk tevita t-telf, u b’hekk int u l-maħbubin tiegħek tiskansaw in-niket li l-ebda kumpens t’assigurazzjoni ma jistaʼ jneħħi. Fl-artiklu li jmiss se nikkunsidraw xi wħud minn dawn il-prekawzjonijiet.
[Stampa f’paġna 7]
Aġent taʼ fiduċja jistaʼ jgħinek tieħu deċiżjonijiet rigward assigurazzjoni
[Stampa f’paġna 7]
Ħafna nies jagħmlu assigurazzjoni, avolja ma tkunx mitluba bil-liġi