Is-Sbuħija taʼ li Toqgħod Tosserva l-Għasafar
KEMM tkun differenti d-dinja kieku m’hawnx għasafar! It-tpespis tagħhom, l-għana tagħhom, il-kuluri u t-titjir differenti tagħhom—dawn kollha jikkontribwixxu għall-varjetà sabiħa tal-ħajja. Imma kemm-il darba nieqfu nisimgħuhom u nosservawhom? Jekk int tgħix f’xi belt mimlija tgeġwiġ tan-nies u storbju tat-traffiku, għandek mnejn lanqas biss tinduna li hemm l-għasafar fejn toqgħod int. Anki jekk tgħix fil-kampanja, jistaʼ jiġrilek li lanqas biss tagħti kashom. Imma tixtieq tarahom mill-qrib l-għasafar li jgħixu fl-inħawi tiegħek?
Jistaʼ faċilment jirnexxilek billi sempliċement tuża kontenitur bl-ikel taʼ l-għasafar. Li trid tagħmel hu li tpoġġi l-kontenitur fil-bitħa, f’post addattat fejn tkun tistaʼ tarah minn xi tieqa. Imbagħad, kulma għandek bżonn hija tromba u kamera tar-ritratti b’lenti li tiffoka sew fuq l-oġġett—u ftit paċenzja! Ħu ħsieb li jkollok biżżejjed films addattati għall-veloċità u ktieb taʼ gwida fuq l-għasafar bl-istampi biex tidentifikahom. Imbagħad oqgħod osserva, ismaʼ, u ħu pjaċir!