LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 8/8 pp. 4-7
  • L-Għeruq tal-Mibegħda

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Għeruq tal-Mibegħda
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Injoranza u l-​Biżaʼ
  • Għala Din il-​Vjolenza Kollha?
  • L-​Ivvelenar taʼ l-​Imħuħ
  • L-Uniku Mod Kif Neħilsu Għalkollox mill-Mibegħda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Għaliex Hawn Daqshekk Mibegħda?—X’Tgħid il-Bibbja?
    Iktar Suġġetti
  • Ħafna Nies Għala Jobogħdu lil Oħrajn?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2022
  • Epidemija taʼ Mibegħda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 8/8 pp. 4-7

L-​Għeruq tal-​Mibegħda

Il-​mibegħda dehret fil-​bidu taʼ l-​istorja tal-​bniedem. Ir-​rakkont tal-​Bibbja f’Ġenesi 4:8 jgħid: “Kif kienu fir-​rabaʼ Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu.” “U għaliex qatlu?” jistaqsi l-​kittieb Bibliku Ġwanni. “Għax għemilu kien ħażin u dak taʼ ħuh kien tajjeb.” (1 Ġwann 3:12) Abel spiċċa vittma taʼ waħda mill-​iktar affarijiet komuni li twassal għall-​mibegħda: l-​għira. Fi Proverbji 6:34 insibu li “l-​għira tgħaddab” lil raġel. Illum, l-​għira għall-​istat soċjali, il-​ġid, ir-​riżorsi, u vantaġġi oħrajn għadha ġġiegħel lin-​nies iduru kontra xulxin.

L-​Injoranza u l-​Biżaʼ

Imma l-​għira hija biss waħda mill-​affarijiet li jikkaġunaw il-​mibegħda. Taʼ spiss, l-​injoranza u l-​biżaʼ jkomplu jħeġġu l-​mibegħda. “Qabel ma tgħallimt nobgħod, tgħallimt nibżaʼ,” qal membru żagħżugħ taʼ grupp razzista vjolenti. Biżaʼ bħal dan taʼ spiss ikollu l-​għerq tiegħu fl-​injoranza. Skond The World Book Encyclopedia, nies li għandhom preġudizzju għandhom it-​tendenza li jkollhom opinjonijiet “mingħajr ma jqisu l-​evidenza provduta. . . . Individwi preġudikati għandhom it-​tendenza li jgħawġu, jibdlu, jinterpretaw ħażin, jew saħansitra jinjoraw il-​fatti li jmorru kontra l-​opinjonijiet tagħhom illi jkunu ddeċidewhom minn qabel.”

Dawn l-​opinjonijiet minfejn jiġu? Servizz taʼ tagħrif fuq l-​Internet jgħid li l-​istorja taħti għal ħafna mill-​ideat kulturali ġeneralizzati, imma dak li nkunu għaddejna minnu aħna stess jaħti għall-​ħafna mill-​preġudizzji tagħna wkoll.

Per eżempju, fl-​Istati Uniti s-​suq taʼ l-​iskjavi ħalla wirt taʼ tensjoni li għadda minn ġenerazzjoni għal oħra bejn ħafna bojod u nies taʼ dixxendenza Afrikana—tensjoni li għadha teżisti sa llum. Taʼ spiss, il-​ġenituri jgħaddu lil uliedhom ħarsa razzista li tkun negattiva. Wieħed li jistqarr li hu razzista abjad ammetta li b’dan il-​mod hu żviluppa sentimenti razzisti li kienu negattivi mingħajr lanqas biss qatt iltaqaʼ maʼ nies suwed.

Imbagħad hemm dawk li sempliċement jemmnu li n-​nies li huma differenti minnhom ma jiswew għal xejn. Din l-​opinjoni tistaʼ tkun ibbażata fuq xi esperjenza waħda kerha li kellhom xi darba maʼ xi ħadd taʼ razza jew kultura differenti. Minn hawn imorru fl-​estrem u jikkonkludu li n-​nies kollha taʼ dik ir-​razza jew kultura għandhom karatteristiċi koroh.

Għalkemm meta wieħed ikollu moħħu magħluq tkun ħaġa kerha ħafna, meta ġens sħiħ jew razza sħiħa jkunu effettwati, tistaʼ ssir ħaġa qattiela. It-​twemmin li n-​nazzjonalità, il-​kulur tal-​ġilda, il-​kultura, jew il-​lingwa taʼ dak li jkun tagħmlu superjuri minn oħrajn jistaʼ jinkuraġġixxi l-​moħħ magħluq u x-​xenofobja (disprezz għan-​nies u l-​affarijiet kollha li huma barranin). Matul is-​seklu 20, il-​moħħ magħluq taʼ spiss ġie espress b’mod vjolenti.

Ħaġa taʼ interess hi li l-​mibegħda u l-​moħħ magħluq mhux bilfors ikollhom x’jaqsmu mal-​kulur tal-​ġilda jew in-​nazzjonalità. Ir-​riċerkatur Clark McCauley mill-​Università taʼ Pennsylvania jikteb kif meta xi individwi jinqasmu f’żewġ gruppi bl-​addoċċ, anki billi jgħollu l-​munita, dan ikun biżżejjed biex tqum preferenza għall-​grupp li wieħed ikun parti minnu. Waħda għalliema tat-​tielet sena wriet kemm dan kien veru meta, bħala parti minn esperiment famuż, qasmet il-​klassi tagħha f’żewġ gruppi—tfal b’għajnejhom blu u tfal b’għajnejhom kannella. Fi żmien qasir, iż-​żewġ gruppi bdew jiżviluppaw stmerrija għal xulxin. Anki l-​fatt li ċerti individwi jingħaqdu flimkien fuq ċuċati bħal per eżempju għax ikunu jippreferu l-​istess tim taʼ l-​isports, jistaʼ jirriżulta fi ġlied vjolenti.

Għala Din il-​Vjolenza Kollha?

Imma din l-​istmerrija għala taʼ spiss toħroġ f’imġiba vjolenti? Ir-​riċerkaturi eżaminaw fil-​fond kwistjonijiet bħal dawn u sa issa għadhom jistgħu joffru biss teoriji. Clark McCauley ġabar biblijografija estensiva tar-​riċerka li saret fuq il-​vjolenza u l-​aggressjoni umana. Hu jirreferi għal ċertu studju li sar illi jindika li “l-​kriminalità vjolenti għandha x’taqsam maʼ li wieħed jiggwerra u jirbaħ.” Ir-​riċerkaturi sabu li “l-​ġnus li ħadu sehem fl-​Ewwel u t-​Tieni Gwerra Dinjija, speċjalment ġnus li kienu fuq in-​naħa rebbieħa f’dawn il-​gwerer, juru żjieda fl-​omiċidji wara li spiċċat il-​gwerra.” Skond il-​Bibbja, qegħdin ngħixu fi żmien taʼ gwerer. (Mattew 24:6) Jistaʼ jkun li gwerer bħal dawn b’xi mod għenu fiż-​żjieda taʼ forom oħrajn taʼ vjolenza?

Xi riċerkaturi oħrajn jgħidu li teżisti spjegazzjoni bijoloġika għala l-​bnedmin ikunu aggressivi. Studju wieħed taʼ riċerka pprova jagħmel konnessjoni bejn xi tipi t’aggressjoni u “livelli baxxi taʼ serotonin fil-​moħħ.” Ipotesi popolari oħra hi li l-​aggressjoni hija moħbija fil-​ġeni tagħna lesta biex toħroġ. Xjenzat politiku ġab l-​argument li parti kbira mill-​mibegħda tistaʼ saħansitra tintiret.

Il-Bibbja stess tgħid li l-​bnedmin imperfetti jitwieldu b’tendenzi ħżiena u difetti. (Ġenesi 6:5; Dewteronomju 32:5) M’għandniex xi ngħidu, dak il-​kliem japplika għall-​bnedmin kollha. Imma mhux il-​bnedmin kollha għandhom mibegħda mhux raġunevoli għal nies oħra. Wieħed jitgħallem ikollu dan it-​tip taʼ mibegħda. B’hekk, il-​psikologu magħruf Gordon W. Allport osserva li t-​trabi juru “ftit . . . evidenza taʼ istinti distruttivi. . . . It-​tarbija hija pożittiva, u twieġeb kważi għal kull ħaġa li tqanqalha taġixxi, għal kull tip taʼ persuna.” Minn dawn l-​osservazzjonijiet joħroġ l-​argument li l-​aggressjoni, il-​preġudizzju, u l-​mibegħda huma primarjament imġiba li wieħed jitgħallimha! Din l-​abbiltà li jidher ċar li għandu l-​bniedem, dik li jitgħallem jobgħod, qed tiġi abbużata ferm minn għalliema tal-​mibegħda.

L-​Ivvelenar taʼ l-​Imħuħ

Fuq quddiemnett hemm mexxejja taʼ diversi gruppi tal-​mibegħda, bħan-​neo Nazi taʼ xagħarhom imqaxxar u l-​Ku Klux Klan. Taʼ spiss, dawn il-​gruppi jimmiraw lejn żgħażagħ—żgħażagħ li malajr jiġu influwenzati għax ikunu ġejjin minn familji mkissrin—bl-​iskop li jdaħħluhom magħhom. Il-​gruppi tal-​mibegħda jġagħlu lil żgħażagħ, li jkollhom sentimenti taʼ inċertezza u inferjorità, iħossu li posthom huwa magħhom.

B’mod partikulari, l-​Internet huwa għodda b’saħħitha li xi wħud użawha biex ikebbsu l-​mibegħda. Meta dan l-​aħħar ipprovaw jgħoddu kemm hemm Web sites fuq l-​Internet li jħeġġu l-​mibegħda sabu maʼ l-​1,000 waħda. Ir-​rivista The Economist tikkwota lis-​sid taʼ waħda mill-​Web sites favur il-​mibegħda li ftaħar: “[L-Internet] ipprovdielna l-​opportunità li nesprimu l-​ħarsa tagħna lil mijiet t’eluf taʼ nies.” Il-​Web site tiegħu tinkludi paġna għat-​tfal imsejħa “Kids’ Page.”

Meta l-​adolexxenti jkunu qed ifittxu fl-​Internet għall-​mużika, jistgħu jiltaqgħu maʼ konnessjonijiet għal sites li joffru mużika li tħeġġeġ il-​mibegħda. Mużika bħal din is-​soltu tkun tgħajjat u vjolenti, u l-​kliem tagħha jesprimi messaġġi razzisti qawwijin. Min-​naħa tagħhom, dawn il-​Web sites jagħtu l-​opportunità lil dak li jkun biex jaqbad maʼ gruppi taʼ diskussjoni, chat rooms, jew Web sites oħra li jinkuraġġixxu l-​mibegħda.

Xi Web sites favur il-​mibegħda joffru sezzjonijiet speċjali li jkun fihom logħob u attivitajiet għaż-​żgħażagħ. Waħda mis-​sites neo-Nazisti tipprova tuża l-​Bibbja biex turi li r-​razziżmu u l-​anti-Semitiżmu huma tajbin. Il-​grupp ħoloq ukoll paġna fil-​Web site li toffri tislibiet b’kummenti razzisti. X’inhu l-​iskop tagħha? “Biex tgħin lil membri żgħażagħ tar-​razza bajda jifhmu l-​battalja tagħna.”

Imma mhux dawk kollha li jmexxu ’l quddiem il-​mibegħda jiġu minn gruppi strambi b’opinjonijiet estremisti. Wieħed soċjologu li kiteb dwar il-​ġlied li kien hemm dan l-​aħħar fil-​Balkani spjega kif ħassu dwar nies taʼ fama tajba bħal ċerti awturi u wħud li joħolqu opinjoni pubblika. Qal li baqaʼ mbellah meta rahom jużaw stil taʼ kitba li jpaxxi t-​tendenzi baxxi tan-​nies mill-​istess pajjiż. Dan l-​istil iqajjem il-​mibegħda akkanita tan-​nies, jagħmihom milli jaraw x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin billi jħeġġiġhom biex ma jqisu l-​ebda mġiba bħala projbita. Iġagħluhom ukoll jaraw ir-​realtà differenti milli hi.

M’għandniex ninsew is-​sehem tal-​kleru f’dan ir-​rigward. L-​awtur James A. Haught, fil-​ktieb tiegħu, josserva din il-​ħaġa li tixxokkja: “L-​ironija kbira tas-​snin 90 hija li r-​reliġjon—li suppost hija sors taʼ qalb tajba u interess persunali—kienet fuq quddiem bħala l-​fattur ewlieni li kkontribwixxa għall-​mibegħda, il-​gwerra, u t-​terroriżmu.”—Holy Hatred Religious  Conflicts of the ’90’s (Mibegħda Qaddisa: Il-​Konflitti Reliġjużi tas-​Snin 90).

B’hekk donnu li hemm ħafna fatturi li jikkaġunaw il-​mibegħda u li dawn huma komplikati. Ifisser dan li m’hemm l-​ebda mod kif il-​bnedmin jieqfu jirrepetu l-​bluhat taʼ l-​istorja umana mimlija mibegħda? Jistaʼ jsir xi ħaġa kemm individwalment u kemm globalment biex isir sforz ħalli jingħelbu n-​nuqqas taʼ ftehim, l-​injoranza, u l-​biżaʼ li jnisslu l-​mibegħda?

[Kumment f’paġna 6]

Il-​preġudizzju u l-​mibegħda huma mġiba li wieħed jitgħallimha!

[Stampa f’paġna 4, 5]

Aħna ma nitwildux b’sentimenti taʼ. . . 

. . . mibegħda u b’moħħ magħluq

[Stampa f’paġna 7]

Il-​gruppi tal-​mibegħda qed jinqdew bl-​Internet biex idaħħlu liż-​żgħażagħ magħhom

[Stampa f’paġna 7]

Ir-​reliġjon taʼ spiss qanqlet il-​ġlied

[Sors]

AP Photo

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja