LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 9/8 pp. 23-25
  • Kif Nistaʼ Nagħmel il-Qari tal-Bibbja Iktar taʼ Gost?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Nagħmel il-Qari tal-Bibbja Iktar taʼ Gost?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ippjana Ħin biex Taqra l-​Bibbja
  • Itlob għall-​Għerf
  • Agħmel il-​Qari tal-​Bibbja Wieħed Ħaj
  • Ippersevera!
  • Nibbenefikaw mill-Qari taʼ Kuljum tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Il-Qari tal-Bibbja—Taʼ Siwi u Pjaċevoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Kif Se Tibbenefika l-Iżjed Meta Taqra l-Bibbja?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Agħmel Ħiltek fil-Qari
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 9/8 pp. 23-25

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Kif Nistaʼ Nagħmel il-​Qari tal-​Bibbja Iktar taʼ Gost?

“Xi drabi l-​Bibbja hija diffiċli biex tifhimha, u dan jistaʼ jkun taʼ skuraġġiment.”​—Annalieza, 17-il sena.

“Jiena kont niddejjaq naqra l-​Bibbja.”​—Kimberly, 22 sena.

ĦAFNA nies ma jħobbux jaqraw. Għalhekk, ktieb oħxon bħall-​Bibbja jistaʼ jidher kbir wisq​—anki għal min iħobb jaqra. “Għalija, il-​Bibbja kienet ktieb oħxon li kellu ħafna kliem stramb u diffiċli biex tifhmu,” tgħid Tammy, li għandha 17-il sena. “Biex taqra l-​Bibbja għandek bżonn taʼ ħafna konċentrazzjoni u sabar.”

Barra minn hekk, il-​ħowmwerk, ix-​xogħol tad-​dar, u r-​rikreazzjoni jistgħu jiħdulek ħafna mill-​ħin u l-​enerġija tiegħek. Dan ukoll jistaʼ jagħmilha diffiċli biex tikkonċentra u tieħu gost taqra l-​Bibbja. Alicia, li hi waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah, issib ukoll il-​ħin biex tipprepara u tattendi għal-​laqgħat Kristjani u taqsam it-​twemmin tagħha maʼ ħaddieħor. Hi tammetti: “Il-​qari tal-​Bibbja jistaʼ jkun diffiċli minħabba li jkollok ħafna x’tagħmel.”

Madankollu, Alicia, Tammy, u ħafna żgħażagħ oħra rnexxielhom jegħlbu dawn l-​ostakli. Issa jaqraw il-​Bibbja regolarment u jieħdu gost jagħmlu dan. Inti tistaʼ wkoll! Ikkunsidra tliet affarijiet li tistaʼ tagħmel biex tieħu gost iktar taqra l-​Bibbja.

Ippjana Ħin biex Taqra l-​Bibbja

“Jiena naħseb li ż-​żgħażagħ jgħidu li jiddejqu jaqraw il-​Bibbja għax ma qrawhiex biżżejjed,” tgħid Kelly, li għandha 18-il sena. Bħalma tieħu gost b’xi sport jew logħba li tipprattika jew tilgħab taʼ spiss, se tkun tistaʼ tieħu gost taqra l-​Bibbja meta tagħmel dan b’mod regulari.

Imma xi ngħidu jekk għandek ftit ħin liberu? L-​appostlu Pawlu jwissi: “Araw mela sewwa kif timxu, mhux bħal boloh imma bħal għorrief; irbħu ż-​żmien, għax il-​jiem ħżiena.” (Efesin 5:​15, 16, Saydon) Tistaʼ ‘tirbaħ iż-​żmien’ billi tqattaʼ inqas ħin f’affarijiet inqas importanti bħalma hu li tara t-​televixin. It-​terminu li uża Pawlu għal “żmien” jistaʼ jfisser żmien li huwa fissat għal skop speċifiku. X’jistaʼ jkun iż-​żmien iffissat tiegħek biex taqra l-​Bibbja?

Ħafna jaqraw il-​Bibbja fil-​għodu, wara li jikkunsidraw l-​iskrittura u l-​kummenti Skritturali li nsibu fil-​ktejjeb Neżaminaw l-​Iskrittura Kuljum.a Oħrajn jippreferu jaqraw fil-​għaxija qabel ma jmorru jorqdu. Agħżel ħin realistiku li huwa tajjeb għalik, u irranġa l-​iskeda tiegħek kif ikun hemm bżonn. Alicia osservat: “Meta nkun flessibbli dan jgħinni ħafna biex nibqaʼ nżomm skeda regulari tal-​qari.”

Xi żgħażagħ Kristjani għandhom skeda taʼ minn 10 sa 15-il minuta għall-​qari tal-​Bibbja kuljum. Billi għamlu dan, kienu kapaċi jaqraw il-​Bibbja kollha f’sena jew sentejn! Anki jekk dan jidher impossibbli għalik biex tagħmlu, agħmilha l-​mira tiegħek biex taqra parti mill-​Bibbja kuljum. Billi tkun determinat li żżomm ħin ippjanat għall-​qari tal-​Bibbja, l-​imħabba tiegħek lejn il-​Kelma t’Alla se tikber.​—Salm 119:97; 1 Pietru 2:2.

Itlob għall-​Għerf

Irridu nammettu, li anki dawk li jaqraw il-​Bibbja kuljum isibuha diffiċli biex jifhmu xi siltiet mill-​Kelma t’Alla. L-​Awtur tal-​Bibbja, Alla Jehovah, iridna nifhmu l-​Kelma tiegħu. Il-​ktieb taʼ l-​Atti jgħidilna dwar vjaġġatur Etjopjan li ma setax jifhem għalkollox il-​profezija f’Isaija kapitlu 53. Ir-​raġel kien lest li jikseb għajnuna, u l-​anġlu taʼ Jehovah bagħat lil Filippu l-​missjunarju biex jispjegalu l-​profezija.​—Atti 8:​26-39.

Mela, qari effettiv tal-​Bibbja, ma jiġix sempliċement billi taqra, imma bit-​talb. Qabel ma jiftħu l-​Bibbja, xi wħud ħaduha drawwa li jitolbu lil Jehovah għall-​għerf biex jifhmu u jniżżlu f’qalbhom dawk l-​affarijiet li jitgħallmu mill-​qari tagħhom. (2 Timotju 2:7; Ġakbu 1:5) L-​ispirtu t’Alla jistaʼ saħansitra jfakkrek xi versi mill-​Bibbja li jistgħu jwiġbulek xi mistoqsijiet jew jgħinuk tkampa maʼ provi.

Wieħed żagħżugħ Kristjan jiftakar: “Meta kelli 12-il sena, missieri telaqna. Lejla waħda kont qiegħed fis-​sodda tiegħi, nitlob bi ħrara lil Jehovah biex iqanqal lil missieri jerġaʼ jiġi lura magħna. Jien imbagħad qbadt il-​Bibbja u qrajt Salm 10:14: ‘F’idejk [Jehovah] jintelaq l-​imsejken; taʼ l-​iltim int sirt l-​għajnuna.’ Waqaft naħseb ftit. Ħassejt li Jehovah kien qed ikellimni u qed jgħidli li hu l-​għajnuna tiegħi; hu Missieri. X’missier setaʼ jkolli aħjar minnu?”

Tistaʼ tagħmilha d-​drawwa tiegħek li titlob kull darba li tkun se taqra l-​Bibbja? Adrian jagħti dan il-​parir: “Itlob qabel ma taqra​—u wara, jekk niġu f’dan​—biex ikollok konversazzjoni reċiproka maʼ Jehovah.” Talb li jkun ġej mill-​qalb ħa jkun jistaʼ jgħinek iktar biex iżżomm maʼ l-​iskeda tiegħek tal-​qari tal-​Bibbja u se jsaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħek m’Alla.​—Ġakbu 4:8.

Agħmel il-​Qari tal-​Bibbja Wieħed Ħaj

Kimberly, li ssemmiet fil-​bidu, kienet tiddejjaq taqra l-​Bibbja. Veru, il-​Bibbja hija ktieb antik ferm—li nkiteb ħafna qabel ma ġie vvintat il-​kompjuter, it-​televixin, jew l-​ajruplan—u l-​persunaġġi Bibliċi mietu eluf taʼ snin ilu. Minkejja dan, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija.” (Lhud 4:12) Kif jistaʼ ktieb antik bħal dan juri qawwa?

Fi żmien il-​kopjista Esdra, eluf taʼ rġiel, nisa, u dawk kollha “li kienu jifhmu dak li jisimgħu” nġabru f’Ġerusalemm biex jisimgħu l-​qari tal-​Liġi taʼ Mosè. Dak iż-​żmien il-​Liġi kienet ilha li nkitbet ’il fuq minn 1,000 sena! Madankollu, Esdra u l-​assistenti tiegħu “qraw mill-​Ktieb tal-​Liġi b’mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw il-​qari.” Meta dawn l-​irġiel spjegaw l-​Iskrittura u għamlu l-​qari wieħed ħaj, x’irriżulta? “Il-​poplu kollu telaq biex jiekol u jixrob, u jibgħat jaqsam maʼ ħaddieħor, u biex jagħmel festa b’ferħ kbir, għax kien fehem dak kollu li kienu għallmuh.”​—Korsiv tagħna; Neħemija 8:​1-12.

X’tistaʼ tagħmel biex tpoġġi tifsir fil-​qari tiegħek tal-​Bibbja? Cathy, li tikkunsidra l-​qari bħala sfida iebsa, taqra tgħajjat biex tkun tistaʼ tikkonċentra iktar. Nicki tipprova timmaġina lilha nfisha fil-​ġrajja. “Jiena nipprova nimmaġina kif kieku kont inħossni f’dik is-​sitwazzjoni,” tgħid hi. “L-​iktar ġrajja li minn dejjem għoġbitni hija dik taʼ Rut u Nagħomi. Nistaʼ nibqaʼ naqraha l-​ħin kollu. Meta morna noqogħdu f’belt oħra, ksibt faraġ minn din il-​ġrajja għax stajt nimmaġina kif ħassitha Rut meta marret f’pajjiż stranġier fejn ma kienet taf lil ħadd. Jiena rajt kif hi poġġiet il-​fidi tagħha f’Jehovah, u dan veru għenni biex nagħmel l-​istess jien ukoll.”​—Rut, kapitli 1-4.

Biex il-​Bibbja jkun jistaʼ jkollha ‘qawwa’ fuqek trid timmedita fuq dak li taqra. Kull darba li taqra, ħu l-​ħin biex tirrifletti fuq l-​iskritturi li qrajt u biex tikkunsidra kif se tkun tistaʼ tuża dak li tgħallimt. Forsi tkun tixtieq tuża xi pubblikazzjonijiet t’għajnuna għall-​istudju tal-​Bibbja pubblikati mix-​Xhieda taʼ Jehovah biex tkun tistaʼ tidħol iktar fil-​fond fil-​qari tiegħek.b

Ippersevera!

M’huwiex faċli li żżomm maʼ skeda tal-​qari tal-​Bibbja. Anki l-​aqwa programm taʼ qari tal-​Bibbja jistaʼ jkollu bżonn xi aġġustamenti minn żmien għal ieħor. Kif tistaʼ tippersevera fil-​mira tiegħek taʼ li taqra l-​Bibbja kuljum?

Ħbiebek u l-​familja tiegħek jistgħu jgħinuk. Amber li għandha 15-il sena tgħid: “Jiena norqod fl-​istess kamra maʼ oħti. Xi ljieli tant inkun għajjiena li kulma nkun nixtieq nagħmel hu li mmur norqod, imma oħti tfakkarni biex naqra. Għalhekk, qatt ma ninsa!” Jekk issib xi skrittura partikulari jew xi silta interessanti, tkellem fuqha maʼ oħrajn. Dan se jkabbarlek l-​apprezzament tiegħek lejn il-​Kelma t’Alla u anki tqanqal l-​interess taʼ oħrajn fil-​qari tal-​Bibbja. (Rumani 1:​11, 12) Jekk tittraskura l-​qari tiegħek tal-​Bibbja għal ġurnata jew tnejn, taqtax qalbek! Erġaʼ aqbad aqra fejn kont waqaft u kun determinat iktar mis-​soltu biex iżżomm maʼ l-​iskeda li għamilt.

Qatt tinsa l-​benefiċċji kbar li se jirriżultaw meta taqra l-​Bibbja kuljum. Billi tismaʼ lil Jehovah permezz tal-​Kelma tiegħu, tistaʼ tgawdi relazzjoni mill-​qrib miegħu. Inti se tkun tistaʼ tifhem x’inhuma ħsibijietu u tkun taf x’inhuma s-​sentimenti tiegħu. (Proverbji 2:​1-5) Dawn il-​veritajiet prezzjużi mingħand Missierna tas-​sema se jkunu taʼ protezzjoni. “Kif jistaʼ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu?” staqsa s-​salmista. “Billi jħares il-​kelma tiegħek.” (Salm 119:9) Mela ibda, u żomm, rutina taʼ qari tal-​Bibbja. Għandek mnejn issibha iktar taʼ gost milli qatt stajt ħsibt!

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b Il-ħarġa taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 t’Ottubru 2000, paġni 16-17, tagħti ħafna suġġerimenti prattiċi biex jgħinuk tħaffer iktar fil-​fond fil-​Bibbja.

[Stampi f’paġna 24]

It-​talb u r-​riċerka se jsebbħu l-​qari tiegħek tal-​Bibbja u se jgħinuk tifhem it-​tifsir taʼ l-​Iskrittura

[Stampi f’paġna 25]

Billi timmaġina lilek innifsek fil-​ġrajja se jagħmel l-​Iskrittura ħajja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja