LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 10/8 pp. 12-14
  • X’Nistaʼ Nagħmel biex Ma Nibqax Ninkwieta Żżejjed?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Nistaʼ Nagħmel biex Ma Nibqax Ninkwieta Żżejjed?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Problemi​—Parti mill-​Ħajja
  • “Inkwieta bil-​Għaqal”
  • Ikseb Pariri
  • Tħallix mil-​Lum għall-​Għada
  • Sitwazzjonijiet Serji
  • Kif Tistaʼ Ma Tinkwetax Iżżejjed?
    Iktar Suġġetti
  • Tkunx ansjuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Fittex is-Saltna, mhux l-affarijiet materjali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • 2 Għajnuna biex issolvi l-problemi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2018
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 10/8 pp. 12-14

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

X’Nistaʼ Nagħmel biex Ma Nibqax Ninkwieta Żżejjed?

“Waħda mill-​iktar affarijiet stressanti għal persuna żagħżugħa tistaʼ tkun il-​futur. Tinkwieta dwarek innifsek. Għandi nitlaq mid-​dar? Immur l-​iskola? Nidħol fil-​ministeru full-time? Niżżewweġ? Hija xi ħaġa tal-​biżaʼ li jkollok tagħmel dawn l-​għażliet kollha.”​—Shane, 20 sena.

INTI tinkwieta żżejjed? Ħafna żgħażagħ jagħmlu dan, u għal diversi raġunijiet. Bullettin wieħed ippubblikat biex joffri għajnuna lill-​ġenituri rrapporta: “Stħarriġ li sar dan l-​aħħar mad-​dinja kollha fost adolexxenti taʼ bejn il-​15 u t-​18-il sena f’41 pajjiż wera li l-​iktar ħaġa li jinkwetaw fuqha l-​adolexxenti taʼ llum hi li jkollhom impjieg tajjeb.” It-​tieni fil-​lista kien it-​tħassib dwar is-​saħħa tal-​ġenituri tagħhom. Il-​biżaʼ li jitilfu lil xi ħadd li jħobbu kien ukoll imniżżel lejn il-​bidu tal-​lista.

Stħarriġ li sar mid-​Dipartiment taʼ l-​Edukazzjoni taʼ l-​Istati Uniti wera li “l-​pressjoni biex iġibu marki tajbin” kienet waħda mill-​iktar affarijiet li kienu jinkwetaw fuqha bosta żgħażagħ fl-​Istati Uniti. L-​istess stħarriġ wera li ħafna żgħażagħ qed iħossuhom bħalma ħassu Shane (li ssemma iktar kmieni). Żagħżugħa oħra, jisimha Ashley, tgħid: “Qed ninkwieta minħabba l-​futur tiegħi.”

Madankollu, xi żgħażagħ oħra jinkwetaw minħabba s-​sigurtà fiżika tagħhom. Skond stħarriġ li sar fl-​1996, kważi 50 fil-​mija taż-​żgħażagħ fl-​Istati Uniti ħassew li fl-​iskola tagħhom kienet qed tiżdied il-​vjolenza. Iktar minn tmien miljun adolexxent (37 fil-​mija) irrapportaw li kienu jafu lil xi ħadd li kien qalaʼ tir b’arma tan-​nar!

Madankollu, mhux l-​inkwiet kollu huwa daqshekk ikrah. Għal ħafna żgħażagħ l-​akbar inkwiet li għandhom jinvolvi l-​ħajja soċjali tagħhom. Rivista on-line li hija mmirata għall-​ġenituri tgħid: “Iż-​żgħażagħ jinkwetaw fuq li jkollhom għarus jew għarusa, imma ħafna iktar drabi huma jinkwetaw fuq li ma jkollhomx ħbieb.” Waħda adolexxenti jisimha Meagan tilmenta: “Kif nistaʼ nidher u nimxi skond il-​moda taʼ issa? Jiena għandi bżonn il-​ħbieb.” Bl-​istess mod, żagħżugħ Kristjan taʼ 15-il sena li jismu Natanael josserva: “It-​tfal fl-​iskola jinkwetaw ħafna dwar id-​dehra tagħhom. Jinkwetaw dwar kif jimxu, jitkellmu, u kif iqishom ħaddieħor. Huma jibżgħu li jidhru qishom fidili.”

Il-​Problemi​—Parti mill-​Ħajja

Tkun xi ħaġa sabiħa li kieku nkunu nistgħu ngħixu ħajja mingħajr problemi. Madankollu, il-​Bibbja tgħid: “Il-​bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.” (Ġob 14:1) Il-​problemi, u l-​inkwiet li jġibu magħhom, huma għalhekk parti mill-​ħajja. Imma jekk tħalli l-​inkwiet u l-​ansjetajiet jiddominaw ħsibijietek, tistaʼ tagħmel ħafna ħsara lilek innifsek. Il-​Bibbja twissi: “L-​inkwiet ikiddha qalb il-​bniedem.”​—Proverbji 12:25.

Mod wieħed biex tevita inkwiet żejjed huwa billi tikkontrolla l-​imġiba tiegħek stess. Ana li għandha 16-il sena tgħid: “Ħafna minn sħabi tal-​klassi jinkwetaw li joħorġu tqal jew li jlaqqtu xi marda trasmessa sesswalment.” Imma tistaʼ tevita inkwiet bħal dan billi żżomm mal-​livelli morali tal-​Bibbja. (Galatin 6:7) Xorta waħda, mhux il-​problemi kollha tiegħek jistgħu jkunu daqshekk ċari u faċli biex issolvihom. X’tistaʼ tagħmel biex ma tibqax tinkwieta żżejjed?

“Inkwieta bil-​Għaqal”

Ħafna nies jinħakmu mill-​inkwiet. Imma artiklu li deher f’rivista għaż-​żgħażagħ qal li persuna tistaʼ “tinkwieta bil-​għaqal” billi tbiddel l-​inkwiet f’azzjoni pożittiva! Il-​Bibbja għandha ħafna prinċipji biex tgħinek tagħmel dan. Ikkunsidra Proverbji 21:5: “Min hu bil-​għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu.” Ejja ngħidu li tixtieq tistieden lil xi ħbieb tal-​kongregazzjoni. Li tippjana tajjeb jistaʼ jiffrankalek ħafna inkwiet. Staqsi lilek innifsek, ‘Eżattament, lil min se nistieden? Fi x’ħin irridhom jiġu? Fi x’ħin irridhom jitilqu? Kemm se jkolli bżonn nipprepara ikel u xorb? X’tip taʼ divertiment jistaʼ jieħu gost bih kulħadd?’ Iktar ma tippjana tajjeb, iktar se jkollok iċ-​ċans li kollox imur sew.

Madankollu, tistaʼ tispiċċa tinkwieta minħabba li tkun għamilt l-​affarijiet wisq komplikati. Ġesù Kristu ta dan il-​parir lil waħda mara li ħadet ħafna xogħol iktar milli kien hemm bżonn biex tipprovdi lill-​mistieden tagħha: “Ftit jew ħaġa waħda hi biżżejjed.” (Luqa 10:42, Saydon) Mela staqsi lilek innifsek, ‘X’inhu verament importanti biex kollox imur sew?’ Billi żżomm kollox sempliċi se jgħinek biex ikollok inqas ansjetà.

Xi ħaġa oħra li tistaʼ tinkwetak tistaʼ tkun is-​sigurtà tiegħek fl-​iskola. Forsi ma tantx tistaʼ tagħmel wisq biex tbiddel din is-​sitwazzjoni. Imma tistaʼ tieħu passi prattiċi biex tipproteġi lilek innifsek. “Min hu bil-​għaqal jara l-​għawġ u jwarrab,” jgħid Proverbji 22:3. Billi sempliċement twarrab minn postijiet perikolużi​—mhux biss postijiet imwarrba imma anki postijiet oħra neqsin mis-​superviżjoni fejn iħobbu jinġabru wħud daqsxejn imħarbtin​—jistaʼ jnaqqaslek ir-​riskju li tidħol fl-​inkwiet.

Il-ħowmwerk jistaʼ jkun xi ħaġa oħra li jġagħlek tinkwieta. Forsi tawk ħafna ħowmwerk importanti u inti inkwetat għax mhux se tilħaq tlesti kollox fil-​ħin. Il-​prinċipju li nsibu f’Filippin 1:10 huwa taʼ għajnuna: ‘Agħrfu agħżlu l-​aħjar.’ Iva, tgħallem organizza l-​affarijiet wara xulxin skond l-​importanza tagħhom! Ipprova ara liema ħowmwerk huwa l-​iktar urġenti, u agħmlu l-​ewwel. Imbagħad, agħmel li jkun imiss. Bil-​mod il-​mod, se tibda tħoss li għandek il-​kontroll tas-​sitwazzjoni.

Ikseb Pariri

Meta Aaron kien żagħżugħ, tant kien jinkwieta fuq jekk hux se jgħaddi mill-​eżamijiet taʼ l-​aħħar tas-​sena li kien jaqbdu uġigħ f’sidru. Hu jiftakar: “Tkellimt mal-​ġenituri tiegħi, u bagħtuni għand it-​tabib. Hu mill-​ewwel induna li ma kelli xejn ħażin f’qalbi u spjega kif l-​ansjetà tistaʼ teffettwa lill-​ġisem. Iktar tard, il-​ġenituri tiegħi għenuni nirrealizza li kont għamilt dak kollu li stajt biex nipprepara għall-​eżamijiet u li issa iktar kelli ninkwieta dwar li nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. L-​ansjetà li kelli naqset, l-​uġigħ li kelli f’sidri telaq, u mort tajjeb fl-​eżamijiet.”

Jekk tħossok mgħobbi bl-​inkwiet, toqgħodx issofri billi tingħalaq fik innifsek. Proverbji 12:25, li parti minnu ġiet kwotata iktar kmieni, ikompli: “L-​inkwiet ikiddha qalb il-​bniedem, imma kelma tajba tferraħha.” Jekk biss titkellem maʼ xi ħadd dwar “l-​inkwiet” li qed tħoss se tkun tistaʼ tingħata “kelma tajba” taʼ inkuraġġiment!

L-ewwel, forsi tkun tixtieq tiddiskuti l-​affarijiet mal-​ġenituri tiegħek, li jistgħu wkoll joħorġu b’xi suġġerimenti. Dawk l-​uħud maturi fil-​kongregazzjoni tiegħek huma wkoll sors ieħor taʼ inkuraġġiment. Janelle li għandha 15-il sena tirrakkonta: “Kont ninkwieta li rrid immur l-​iskola sekondarja, imwerwra b’dak li kelli nħabbat wiċċi miegħu​—id-​drogi, is-​sess, il-​vjolenza—sakemm tkellimt maʼ anzjan fil-​kongregazzjoni. Hu tani ħafna suġġerimenti prattiċi. Mill-​ewwel ħassejtni aħjar għax issa kont irrealizzajt li nistaʼ nikkontrolla s-​sitwazzjoni.”

Tħallix mil-​Lum għall-​Għada

Xi kultant ikollna nagħmlu xi ħaġa, imma nerfgħuha għal iktar tard għax niddejqu nagħmluha. Per eżempju, Shevone, li għandha 19-il sena, kellha nuqqas taʼ qbil maʼ ħuha Kristjan. Kienet taf li kellha titkellem miegħu fuq dan, imma bdiet tħalli mil-​lum għall-​għada. “Iktar ma pprovajt inżomm lura, iktar bdejt inħossni skomda,” tistqarr hi. Imbagħad, Shevone ftakret fil-​kliem taʼ Ġesù f’Mattew 5:23, 24, li jħeġġeġ lill-​Kristjani biex jirranġaw problemi bħal dawn mill-​iktar fis possibbli. “Meta fl-​aħħar irnexxieli nagħmel dan,” tiftakar Shevone, “ħassejtni striħajt.”

Qiegħed int tħalli xi ħaġa għal iktar tard​—xi biċċa xogħol mhux pjaċevoli, jew għandek bżonn tirranġa xi sitwazzjoni kerha maʼ xi ħadd? Mela, ħu ħsieb dan malajr, u b’hekk ikollok ħaġa inqas fuqiex tinkwieta.

Sitwazzjonijiet Serji

Mhux is-​sitwazzjonijiet kollha jistgħu jitranġaw faċilment. Ikkunsidra raġel żagħżugħ jismu Abdur. Ommu għandha kanċer, u hu jrid imantni lilha u lil ħuh iż-​żgħir. Naturalment, Abdur jinkwieta minħabba l-​kundizzjoni t’ommu. Imma hu jgħid: “Jien nieħu l-​parir taʼ Ġesù, ‘Min minnkom, bl-​inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss?’ Minflok ma nħalli lili nnifsi niġi eżawrit, nipprova nikkunsidra s-​sitwazzjoni u nara x’se jkunu l-​aħjar riżultati.”—Mattew 6:​27.

Li tibqaʼ kalm fi kriżi m’huwiex faċli. Xi wħud isiru tant imnikkta li jibdew jittraskuraw lilhom infushom, u jirrifjutaw li jieklu. Madankollu, il-​ktieb Helping Your Teenager Deal With Stress (Għin lill-​Adolexxent Tiegħek Ikampa maʼ l-​Istress) iwissi li meta ċċaħħad lilek innifsek minn nutriment bażiku, se tkun “inqas kapaċi li tiffaċċja l-​ħsara li jġib miegħu l-​istress u ssir iktar suxxettibbli għal problemi serji taʼ saħħa.” Għalhekk, agħti kas tiegħek innifsek fiżikament. Strieħ u ħu nutriment biżżejjed.

Tistaʼ ssib l-​akbar serħan billi ssegwi l-​parir tal-​Bibbja: “Qiegħed it-​tagħbija tiegħek fuq il-​Mulej, u hu jgħinek: hu qatt ma jħalli l-​ġust jitfixkel.” (Salm 55:22, Karm Żammit) Shane, li ssemma iktar kmieni, kien ansjuż minħabba l-​futur tiegħu. “Bdejt niffoka iktar fuq il-​Kelma t’Alla u fuq l-​iskop tiegħu,” jgħid hu. Malajr induna li jekk kien se juża ħajtu biex jaqdi lil Alla, il-​futur tiegħu setaʼ jkun wieħed hieni. (Apokalissi 4:11) “Waqaft ninkwieta dwari nnifsi,” jgħid Shane. “Kelli xi ħaġa iktar importanti fuqiex naħseb.”

Għalhekk, meta ssib lilek innifsek tinkwieta żżejjed, fittex affarijiet pożittivi li jgħinuk biex tkampa mal-​problema. Ikseb parir mingħand xi ħadd matur. U fuq kollox, ħu l-​ansjetajiet tiegħek għand Jehovah ‘għax hu jieħu ħsiebek.’ (1 Pietru 5:7, Saydon) Bl-​għajnuna tiegħu, forsi se tkun tistaʼ ma tibqax tinkwieta żżejjed.

[Stampa f’paġna 13]

Tkellem dwar dak li qed jinkwetak mal-​ġenituri tiegħek

[Stampa f’paġna 14]

Iktar ma tirranġa l-​problemi mill-​iktar fis possibbli, inqas se tinkwieta

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja