Kente—id-Drapp tas-Slaten
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-GANA
B’ĦEFFA liema bħalha, in-nissieġ imexxi idejh ’l hemm u ’l hawn fuq wiċċ id-drapp. Hu u jiċċaqlaq mar-ritmu tat-taljoli u l-lievi jżaqżqu, in-nissieġ tas-sengħa jikkonċentra fuq l-istrixxa kulurita tad-drapp li għandu quddiemu. Bejn is-swabaʼ taʼ saqajh għandu l-ħbula; dawn il-ħbula jħaddmu l-injar tan-newl li jimxu ’l fuq u ’l isfel biex jifirdu u jidderieġu l-medd, jew ħjut, vertikali, li jlaħħaq is-6 metri quddiem in-newl.a Imbagħad jinseġ bil-ħeffa minn naħa orizzontali s’oħra kull ħajta taʼ ħarir kulurit mal-ħajt wieqaf li jkun mifrud. B’hekk hu joħloq disinn minsuġ tat-tgħama u x’ħin ilesti jissikkah sew mad-drapp li jkun diġà niseġ.
Il-biċċa drapp minsuġa li toħroġ tkun wiesgħa għaxar ċentimetri biss. Imma tkun tixgħel b’kuluri brillanti u disinni komplikati. In-nissieġ jitbissem b’sodisfazzjon x’ħin jeżamina l-kapulavur tiegħu—biċċa drapp ġenwina tal-kente.
Sengħa Antika Ħafna
Għal eluf taʼ snin, l-artiġjani taʼ ħila użaw is-sengħa antika ħafna taʼ l-insiġ. Il-ħajt mibrum mill-kittien, mill-qoton, u mill-ħarir dejjem kien sors tajjeb taʼ materjal għall-insiġ. Il-kuluri bażiċi kienu joħorġuhom mill-għeruq u l-weraq tal-pjanti, u b’hekk in-nissieġa setgħu joħolqu xogħol b’disinni sempliċi.
In-nissieġa fost in-nies nomadi taʼ l-Afrika vvintaw inwiel taʼ l-insiġ li kienu żgħar u setgħu jinġarru faċilment minn post għal ieħor. Dan in-newl kien magħruf bħala n-newl taʼ l-istrixxa, għax bih kienu jinsġu strixxa taʼ drapp wiesgħa biss minn xi sebaʼ ċentimetri u nofs sa ħdax-il ċentimetru u nofs. Imbagħad, dawn it-tulijiet dojoq taʼ drapp kienu jinħietu flimkien, tarf maʼ tarf, biex jifformaw biċċa drapp akbar li wieħed setaʼ jdawwarha miegħu bħal libsa. Dawn l-inwiel żgħar taʼ l-insiġ kienu jinġarru fuq id-dahar t’annimali tat-tagħbija minn ġo deżerti, xmajjar, u minn fuq muntanji għoljin. In-newl taʼ l-istrixxa, li n-nissieġa kienu jġorruh minn rotot antiki tan-negozjanti, kellu influwenza qawwija fuq min kien jaħdem bih.
Ix-Xewqa għad-Drapp
Għal ħafna sekli s-slaten u l-kapijiet taʼ l-Afrika tal-Punent kienu jikkontrollaw l-art abbundanti bil-minerali li l-esploraturi Ewropej kienu jsejħulha l-Kosta tad-Deheb.b Hemmhekk kienu jħaffru minn ġo l-art ammonti kbar taʼ deheb, u dan kien jipprovdi ġid lis-slaten mexxejja taʼ l-Ashanti u l-familji rjali tagħhom. Imżejnin b’ġojjelli tqal tad-deheb u mgeżwrin fi drapp minsuġ speċjali, dawn is-slaten u l-kapijiet prominenti tagħhom kienu jiddandnu quddiem is-sudditi biex juru l-ġid, il-poter, u l-awtorità li kellhom. Id-drapp uniku li kienu jilbsu dawn is-slaten beda jissejjaħ kente, kelma li setgħet kellha x’taqsam max-xebh li kellu d-drapp man-nisġa taʼ qoffa. Kien hemm tribujiet oħra tal-Kosta tad-Deheb li kienu jinsġu l-istrixxi tad-drapp, imma għas-slaten taʼ l-Ashanti, id-drapp tal-kente sar jirrappreżenta l-prestiġju u l-istat irjali.
In-nissieġa taʼ l-istrixxi tad-drapp fil-Kosta tad-Deheb kienu jużaw qoton mibrum lokalment. Kulma kellhom disponibbli kien ħajt mogħti l-kulur blu. Dan il-ħajt blu kien jintiseġ maʼ l-abjad mitfi tad-drapp tal-qoton biex jipproduċi linji u kaxxi b’disinni ġeometriċi sempliċi għan-nies lokali.
L-insiġ iktar fin tad-drapp irjali tal-kente li kien jilbes is-sultan kien limitat għal ċerti klassijiet taʼ nies. Twaqqfu gruppi rjali taʼ nissieġa tas-sengħa biex joħolqu u jipproduċu materjal taʼ kwalità għolja. Il-metodu taʼ l-insiġ kien jinżamm sigriet assolut u ma jingħad lil ħadd. In-nissieġa l-oħra kollha ma kinux jitħallew jinsġu d-drapp bid-disinni li kienu merfugħin biss għas-sultan u membri tal-palazz irjali tiegħu. Is-sultan kien jakkumula mijiet taʼ drappijiet, kull biċċa bid-disinn uniku tagħha. Tradizzjonalment, hu qatt ma kien jilbes l-istess biċċa drapp fil-pubbliku iktar minn darba.
It-Tfittxija għall-Kuluri
Fis-seklu 16, beda jidher tip ieħor taʼ drapp fil-Kosta tad-Deheb. Dan id-drapp ġdid ma kienx minsuġ fuq l-inwiel taʼ l-istrixxa Afrikani imma kien inħadem f’artijiet imbiegħda u kienu ġabuh magħhom l-ewwel baħħara Ewropej fit-tfittxija tagħhom għall-avorju, id-deheb, u l-ilsiera. Id-drapp importat kien fih ħjut taʼ kuluri jgħajtu u li jolqtu l-għajn. Dan id-drapp importat u minsuġ bi ħjut sbieħ ħomor, sofor, u ħodor malajr sar merkanzija taʼ valur. Ftit kienu n-nies li kienu sinjuri biżżejjed biex jixtru dan id-drapp għali min-negozjanti Ewropej. L-uniċi wħud li setgħu jiksbuh kienu l-Ashanti sinjuri, għax huma kienu jikkontrollaw in-negozju tad-deheb, l-avorju, u l-ilsiera għal fuq ix-xwieni li kienu jkunu qed jistennew mal-kosta. Imma s-sultan taʼ l-Ashanti u l-kapijiet tiegħu mhux dan id-drapp minsuġ riedu.
Ladarba kienu jiksbu d-drapp, in-nissieġa rjali kienu b’attenzjoni kbira joftqu d-drapp u jneħħu l-ħjut kuluriti tant mixtieqa. Id-drapp li kien jibqaʼ kienu jarmuh. Imbagħad kienu jerġgħu jinsġu dawn il-ħjut prezzjużi fuq l-inwiel taʼ l-istrixxa tagħhom. Iktar ma bdiet tiżdied l-għażla tal-kuluri fid-drappijiet, iktar daħlet l-inizjattiva u żdiedu l-ideat, u n-nissieġa bdew jesprimu l-abbiltajiet kreattivi u tekniċi tagħhom fis-sengħa tad-drapp aħjar minn qatt qabel. Is-slaten taʼ l-Ashanti bdew iħaddmu nissieġa tas-sengħa minn tribujiet oħra, u b’hekk bdew jipproduċu drapp tal-kente taʼ l-aqwa kwalità.
Ir-riżultat kien li beda jinħadem drapp b’disinni ġeometriċi li kienu qishom ħut, għasafar, frott, weraq, inżul ix-xemx, qawsalli, u xeni oħra tan-natura. Din l-arti fid-drapp kienet tidħol ħafna fid-dettall u kellha tifsir simboliku. Drapp minsuġ bi ħjut kulur id-deheb kien jirrappreżenta l-għana, il-kulur aħdar kien jindika xi ħaġa friska u ġdida, l-iswed kien jissimbolizza d-dwejjaq, l-aħmar ir-rabja, u l-fidda s-safa u l-ferħ.
In-nissieġa kienu jaħdmu bil-paċenzja u bla għaġla taʼ xejn għal xhur sħaħ fuq biċċa drapp waħda. Huma kienu jafu li minn xogħolhom kienu jiġu ġudikati kemm kellhom ħila u kapaċità kreattiva taʼ l-għaġeb. Ma kienx hemm talba kbira għal dan ix-xogħol mill-isbaħ, peress li ftit kienu dawk li setgħu jixtru drapp tal-kente rari u għali.
Il-Kente Modern
Mal-medda taż-żmien, l-influwenza tas-slaten u l-kapijiet kbar bdiet tonqos. Ma kienx għad baqaʼ l-bżonn li n-nies irjali u dawk komuni jintgħarfu mid-drapp li jilbsu. Id-drapp beda jintuża għal affarijiet li ma kellhomx x’jaqsmu mas-sultan, u b’hekk żdiedet it-talba għal dan id-drapp mill-isbaħ. Biex ilaħħqu mad-domanda, id-drapp tal-kente beda jintiseġ malajr u minħabba f’hekk tbaxxew il-kwalità, is-sengħa, u l-prezz.
Illum il-biċċa l-kbira tal-kente jintiseġ b’ħajt sintetiku u mbagħad jintuża biex jinħadem fi kwantitajiet kbar bħala basktijiet, ingravati, ċinturini, kpiepel, u ħwejjeġ. Ftit huma n-nissieġa li huma interessati li jipproduċu drapp tal-kente bil-metodi antiki li tant riedu xogħol u ħin. Id-drapp tal-kente antik u taʼ kwalità għolja sar xi ħaġa prezzjuża u jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra. Tabilħaqq, id-drapp tal-kente m’għadux bħal taʼ dari, taʼ kwalità liema bħalha u maħdum b’sengħa taʼ l-għaġeb fuq inwiel sempliċi taʼ l-injam u mfaħħar bħala d-drapp tas-slaten.
[Noti taʼ taħt]
a Il-medd—ringiela taʼ ħjut vertikali mqabbdin man-newl. It-tgħama—ringiela taʼ ħjut orizzontali li jintisġu mal-medd.
b Il-Gana taʼ llum.
[Stampi f’paġna 16]
L-inwiel taʼ l-istrixxa huma ħfief u jistgħu jinġarru faċilment
[Stampa f’paġna 17]
In-nissieġ juża saqajh biex jidderieġi l-injar tan-newl taʼ l-insiġ