LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 10/8 pp. 28-31
  • Il-Glorja Minsija taʼ l-Imperu Biżantin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Glorja Minsija taʼ l-Imperu Biżantin
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kapitali mill-​Isbaħ
  • Wirt Dejjiemi
  • Liġi u Ordni
  • Imperu Mibni fuq il-​Kummerċ
  • Il-​Palazz Irjali Biżantin
  • It-​Triq għan-​Niżla
  • Il-Knisja u l-Istat f’Biżanzju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • B9 Qawwiet dinjin imbassrin minn Danjel
    Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
  • Kostantinu l-Kbir—Ċampjin tal-Kristjanità?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Titwila lejn il-passat—Kostantinu
    Stenbaħ!—2014
Stenbaħ!—2001
g01 10/8 pp. 28-31

Il-​Glorja Minsija taʼ l-​Imperu Biżantin

UŻA L-​KELMA “BIŻANTIN” U F’XI LINGWI TKUN QED TIMPLIKA KONFOFFI, SEGRETEZZA, U INGANN. MADANKOLLU, FTIT HUMA N-​NIES LI JIRREALIZZAW LI DAN L-​AĠĠETTIV XI DARBA KIEN L-​ISEM TAʼ DOMINJU VAST LI ŻAMM IL-​QAWWA TIEGĦU GĦAL KWAŻI 12-IL SEKLU.

MILL-​KAWKASU sa l-​Atlantiku, mill-​Krimea sas-​Sinaj, mid-​Danubju sas-​Saħara—daqshekk kien kbir ir-​renju taʼ l-​Imperu Biżantin meta kien fl-​aqwa tiegħu. Ħafna storjografi jgħidu li l-​imperu dam mis-​seklu 4 sas-​seklu 15 E.K. Dan kien imperu li mhux biss ippreserva l-​kultura Greko-Rumana imma kellu wkoll x’jaqsam ħafna mat-​tixrid taʼ l-​hekk imsejħa Kristjanità. Ħoloq u għamel kodiċi taʼ prattiċi politiċi, soċjali, u reliġjużi li għadhom jgħoddu ħafna sal-​ġurnata taʼ llum.

Minkejja dan, b’mod taʼ l-​għaġeb dan l-​imperu qawwi kellu bidu kwiet u bla daqq taʼ trombi. Skond l-​istorja, l-​Imperu Biżantin kien kontinwazzjoni taʼ l-​Imperu Ruman fil-​Lvant. Id-​data tat-​twelid taʼ l-​imperu għadha ma ġietx deċiża. Xi storjografi jqisu lil Dijoklezjanu (ċ. 245–ċ. 316 E.K.) bħala l-​ewwel imperatur Biżantin; oħrajn lil Kostantinu l-​Kbir (ċ. 275-337 E.K.); u jerġaʼ oħrajn lil Ġustinjanu I (483-565 E.K.). Madankollu, il-​biċċa l-​kbira jaqblu li l-​Imperu Biżantin sar entità distinta meta l-​Imperatur Kostantinu ħa l-​kapitali taʼ l-​imperu tiegħu minn Ruma għal Biżanzju fis-​sena 330 E.K. Hu biddel l-​isem tal-​belt u semmieha għalih—Kostantinopli (Istanbul taʼ llum).

Taʼ interess, la l-​ħakkiema u lanqas iċ-​ċittadini taʼ l-​imperu ma kienu jirreferu għalihom infushom bħala Biżantini. Huma kienu jqisu lilhom infushom bħala Rumani, jew Romaioi. Il-​kelma “Biżantin” ma bdietx tintuża ħlief wara s-​seklu 14.

Kapitali mill-​Isbaħ

Wieħed storjografu jiddeskrivi lil Kostantinopli tal-​qedem bħala “sinjura fil-​fama u iktar sinjura fil-​ġid li tippossiedi.” Peress li kienet tinsab fejn jiltaqgħu l-​Ewropa u l-​Asja—l-​Istrett tal-​Bosforu—Kostantinopli kienet tokkupa kemm peniżola protetta għall-​aħħar kif ukoll port kenni, il-​Qarn tad-​Deheb. Fis-​sena 657 Q.E.K., Griegi li marru biex jgħaqqdu kolonja semmew il-​post Biżanzju, għall-​mexxej leġġendarju tagħhom Biżas. Iktar minn għaxar sekli wara, din ġiet meqjusa bħala Ruma l-​Ġdida, u fl-​aqwa tagħha bejn is-​seklu 6 u s-​seklu 11 E.K. kienu jgħixu fiha nofs miljun ruħ.

Viżitaturi mill-​Punent kienu jibqgħu mgħaġġba b’din il-​belt u ċentru prinċipali fejn kien isir in-​negozju minn mad-​dinja kollha. Il-​port tagħha kien mimli għall-​aħħar bil-​bastimenti. Is-​swieq kienu joffru ħarir, ġlud taʼ l-​annimali, ħaġar prezzjuż, injam ifuħ, avorju minqux, deheb, fidda, ġojjellerija miksija bl-​iżmalt, u ħwawar. Mhux taʼ b’xejn li Kostantinopli kienet l-​għira taʼ qawwiet oħra, u għaldaqstant ipprovaw jegħlbuha kemm-il darba. Qabel il-​konkwista Ottomana taʼ l-​1453, il-​belt darba biss irnexxielhom jirbħuha—il-​“Kristjani” tar-​Rabaʼ Kruċjata. “Sa mill-​bidu tad-​dinja qatt ma deher jew intrebaħ teżor daqshekk kbir,” esklama l-​kruċjat Robert taʼ Clari.

Wirt Dejjiemi

Għandek mnejn tistagħġeb, imma l-​gvern, il-​liġijiet, il-​konċetti reliġjużi, u l-​isplendur ċerimonjali tal-​Biżantini għadhom jeffettwaw il-​ħajjiet taʼ eluf taʼ miljuni taʼ nies sa llum. Per eżempju, il-​ġabra famuża taʼ prinċipji legali taʼ Ġustinjanu msejħa l-​Corpus Juris Civilis (Ġabra tal-​Liġi Ċivili) saret il-​bażi tal-​liġi Rumana fl-​Ewropa kontinentali taʼ llum. Permezz tal-​Kodiċi Napuljunika, prinċipji legali Biżantini ttieħdu fl-​Amerika Latina u pajjiżi oħra, fejn għadhom jgħoddu ħafna sa llum.

Xi ħaġa oħra kienet li l-​periti Biżantini tgħallmu kif jibnu koppla kbira fuq spazju forma taʼ kaxxa—stil li nfirex sar-​Russja. Xi wħud anki jgħidu li kienu l-​Biżantini li żiedu l-​popolarità taʼ l-​użu tal-​frieket waqt l-​ikel. F’Venezja fis-​seklu 11, meta prinċipessa Biżantina użat furketta b’żewġ ponot minflok ma kielet b’idejha, u n-​nies taʼ madwarha baqgħu mbellhin! Madankollu, sekli wara, il-​furketta bdiet tintuża ħafna mis-​sinjuri. Il-​papiet taʼ Ruma wkoll influwenzaw ruħhom mill-​Biżantini u bdew jilbsu tjara bħal taʼ l-​imperatur Biżantin. Il-​monarki taʼ l-​Ingilterra kkopjaw ukoll il-​globu bis-​salib fuqu u x-​xettru taʼ l-​imperatur.

Liġi u Ordni

L-​Imperu Biżantin ħalla wkoll warajh ġabra affaxxinanti taʼ politika governattiva. Per eżempju, min kien fil-​bżonn kien jintbagħat jaħdem fil-​fran u l-​ġonna tas-​swieq taʼ l-​istat. “L-​għażż iġib il-​ħażen,” kien jemmen l-​Imperatur Iljun III (ċ. 675-741 E.K.). Peress li kienu jaħsbu li s-​sokor kien iwassal għat-​taqlib u r-​rewwixti, il-​ħwienet tax-​xorb kienu jagħlqu fit-​8:00 p.m. Skond in-​National Geographic Magazine, “l-​inċest, il-​qtil, il-​produzzjoni u l-​bejgħ bil-​moħbi tal-​porpra (merfugħa għan-​nies irjali biss) jew li wieħed jgħallem is-​sengħa tal-​bini tal-​vapuri lill-​għedewwa setgħu jwasslu biex wieħed jaqtgħulu rasu, idendluh maʼ zokk—jew jiġi mgħarraq fi xkora flimkien maʼ ħanżir, serduq, lifgħa, u xadina. Bejjiegħ tal-​ħanut li kien jinqabad iqarraq fl-​użin kienu jaqtgħulu idu. Min kien jagħti n-​nar apposta lil xi propjetà kien jiġi maħruq.”

Taʼ interess, l-​Imperu Biżantin kien jipprovdi wkoll ħafna mill-​kura li jipprovdu s-​sistemi tas-​servizzi soċjali llum minn meta wieħed jitwieled sa ma jmut. L-​imperaturi u ċ-​ċittadini sinjuri kienu jaħdmu ħafna biex jipprovdu flus għall-​isptarijiet, djar tal-​fqar, u orfanatrofji. Kien hemm djar għal prostituti li nidmu—li xi wħud minnhom saru “qaddisin”—u anki riformatorju għal nisa nobbli li kienu jaqgħu fid-​dnub.

Imperu Mibni fuq il-​Kummerċ

Din il-​ġenerożità kienet tirrifletti l-​ġid li kien igawdi l-​imperu. L-​Istat kien jikkontrolla l-​prezzijiet, il-​pagi, u l-​kera. Il-​qamħ kien jinħażen biex jagħmel tajjeb għal meta kien ikun hemm ħsad batut. L-​uffiċjali kienu jduru l-​ħwienet biex jiċċekkjaw l-​użin u l-​kejl, il-​kotba tan-​negozju, u l-​kwalità tal-​merkanzija. Min kien jinqabad jaħbi xi prodotti, jagħmel kuntrabandu, jagħmel frodi, jiffalsifika l-​affarijiet, jew jevadi t-​taxxa kien jieħu kastigi ħorox.

L-imperatur innifsu kien in-​negozjant u l-​manifattur ewlieni taʼ l-​imperu, bil-​monopolji li kellu fuq iz-​zekka, l-​armi, u oġġetti taʼ lussu Biżantini magħrufin. Ġustinjanu nnifsu waqqaf industrija magħrufa għal dan l-​imperu, l-​industrija tal-​ħarir u dan għamlu permezz taʼ bajd tad-​dud tal-​ħarir maħruġ miċ-​Ċina bil-​kuntrabandu.

Kienu żviluppaw ukoll servizzi taʼ assigurazzjoni u kreditu u kienet issir reviżjoni tajba tal-​kontijiet fil-​banek. Is-​solidus tad-​deheb, il-​munita li daħħal Kostantinu, baqaʼ jżomm il-​valur tiegħu għal għaxar sekli! Kienet il-​munita l-​iktar stabbli fl-​istorja.

Il-​Palazz Irjali Biżantin

Allura, il-​kelma “Biżantin” kif saret assoċjata maʼ konfoffi, segretezza, u ingann? Skond l-​istorjografu William Lecky, wara d-​dehra falza tlellex tal-​palazz Biżantin, kien hemm minsuġa “sensiela taʼ konfoffi mill-​qassisin, l-​ewnuki, u n-​nisa, avvelenamenti, konġuri, nuqqas taʼ gratitudni li ma tinbidilx, u qtil fost l-​aħwa stess li ma jaqtgħu xejn.”

Il-kittieb Merle Severy jinnota: “Imdawwar b’nies li riedu jaħtfu t-​tron u assassini, l-​ebda imperatur inkompetenti ma kien idum wisq bħala l-​vigarju t’Alla fuq l-​art. Mit-​88 imperatur minn Kostantinu I sa XI, 13 minnhom daħlu f’monasterju. Tletin oħra mietu mewta vjolenti—qatluhom bil-​ġuħ, ivvelenawhom, għamewhom, sawtuhom għall-​mewt, fgawhom, qatluhom b’daqqiet taʼ sikkina, qattgħuhom biċċiet, u qatgħulhom rashom. L-​iskutella tar-​ras taʼ Niċeforu I spiċċat tintuża bħala tazza miksija bil-​fidda li minnha Khan Krum tal-​Bulgari kien jixrob għas-​saħħa tal-​bojardi [nobbli] tiegħu.”

Anki l-​“qaddis” Kostantinu l-​Kbir ġiegħel li ibnu l-​kbir jinqatel u martu tiġi mgħarrqa fil-​banju tagħha. L-​Imperatriċi Irene (ċ. 752-803 E.K.) tant kienet ossessjonata li tibqaʼ fil-​poter li ġagħlet li binha jagħmuh u ħaditlu t-​titlu taʼ imperatur.

It-​Triq għan-​Niżla

Imma r-​raġuni għala l-​imperu qabad it-​triq għan-​niżla ma kinitx minħabba l-​konfoffi politiċi. Il-​Punent taʼ l-​Ewropa beda jinbidel permezz tar-​Rinaxximent, ir-​Riforma, u t-​Tidwil kif ukoll minħabba l-​influwenza tax-​xjenza. Madankollu, f’Biżanzju, kwalunkwe bidla mhux biss kienet titqies bħala ereżija iżda maż-​żmien bdiet titqies ukoll bħala att kriminali kontra l-​Istat.

Flimkien maʼ dan, kien hemm ċerti movimenti politiċi li ġabu bidla u dan beda jħalli effett ikrah. Fis-​sebaʼ seklu, l-​Islam ħa taħt idejh lil Antjokja, Ġerusalemm, u Lixandra. Invażjonijiet Slaviċi fil-​Balkani u konkwisti Lombardi fl-​Italja ħolqu firda bejn Ruma u Kostantinopli. Ruma, ladarba ma kienx baqgħalha appoġġ imperjali, ipprovat issib xortiha mal-​Punent tal-​Ġermanja li kien qed jissoda. L-​imperu taʼ Kostantinopli li kien dejjem qed jiċkien beda jsir iktar u iktar Grieg. Imbagħad, fl-​1054, il-​patrijarka Ortodoss Grieg u l-​Papa Kattoliku Ruman skomunikaw lil xulxin minħabba differenzi teoloġiċi, u dan ħoloq firda bejn il-​knejjes Ortodossi u Kattoliċi li għadha teżisti sa llum.

Fis-​sena 1204 l-​imperu ġarrab diżastri oħra. Fit-​12 t’April, armati tar-​Rabaʼ Kruċjata fi triqithom lejn Ġerusalemm ikkommettew dak li l-​istorjografu Sir Steven Runciman sejjaħlu “l-​akbar att kriminali fl-​istorja”—huma għamlu ħerba minn Kostantinopli. Il-​kruċjati ħarqu u serqu kulma sabu, u kkommettew stupri f’isem Kristu. Qerdu l-​belt u ħadu l-​priża tagħhom lejn Venezja, Pariġi, Turin, u ċentri oħra fil-​Punent.

Kellhom jgħaddu iktar minn 50 sena qabel ma l-​Biżantini reġgħu ħadu lil Kostantinopli taħt idejhom. Sa dakinhar l-​imperu ma kien jiswa xejn ħdejn dak li kienet qabel. In-​nies taʼ Venezja u Ġenova kellhom qabda soda fuq il-​kummerċ tiegħu. U fi ftit żmien l-​Imperu Biżantin sab ruħu taħt pressjoni mill-​Ottomani Islamiċi.

Din il-​pressjoni wasslet għall-​waqgħa inevitabbli taʼ l-​imperu. Fil-​11 t’April, 1453, is-​Sultan Meħmed II assedja l-​belt u organizza 100,000 suldat u flotta qawwija. It-​truppa żgħira taʼ 8,000 difensur taʼ Kostantinopli żammet sod għal sebaʼ ġimgħat. Imbagħad, fit-​28 taʼ Mejju, l-​invażuri daħlu minn port li ma kienx mgħasses biżżejjed fil-​ħandaq taʼ madwar il-​belt. Sal-​ġurnata taʼ wara, il-​belt kapitali kienet waqgħet f’idejn oħra. Meħmed—li issa kien sar konkwistatur—jintqal li qabiżlu d-​dmugħ u qal: “X’belt ħallejna għas-​serq u l-​qerda!” L-​Imperu Biżantin kien waqaʼ. Imma l-​influwenza li ħalla għadha hawn sa llum.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 29]

L-​IMPERU BIŻANTIN U L-​BIBBJA

Il-​monastiċiżmu kien wieħed mill-​iktar tendenzi reliġjużi qawwija fl-​imperu. Il-​monasterji kienu jservu taʼ ċentri fejn kienu jiġu kopjati u maħżunin eluf taʼ manuskritti Bibliċi. Tlieta mill-​iktar manuskritti Bibliċi importanti u mill-​iktar kompleti li għadhom jeżistu—il-​Vatikan 1209, is-​Sinajtiku (l-istampa ż-​żgħira), u l-​Alessandrin (fl-isfond)—jistaʼ jkun li ġew prodotti jew preservati fil-​monasterji u fil-​komunitajiet reliġjużi taʼ Biżanzju.

[Sors]

Iż-​żewġ manuskritti: Photograph taken by courtesy of the British Museum

[Kaxxa/Stampa f’paġna 31]

IR-​RELIĠJON FL-​IMPERU BIŻANTIN

Fil-​kummenti tiegħu dwar ir-​rabtiet mill-​qrib li kien hemm bejn il-​Knisja u l-​Istat, Norman Davies jikteb fil-​ktieb tiegħu Europe—A History: “L-​istat u l-​knisja kienu magħquda f’ħaġa waħda b’tali mod li ma jinfirdux. L-​Imperatur . . . u l-​Patrijarka kienu meqjusa bħala l-​pilastri sekulari u ekkleżjastiċi t’awtorità divina. L-​Imperu kien jiddefendi l-​Knisja Ortodossa, u l-​Knisja kienet tfaħħar l-​Imperu. Dan iċ-​‘Ċesaropapiżmu’ ma kienx hemm bħalu fil-​Punent.”

[Stampa]

Il-​Hagia Sophia f’Istanbul—xi darba kien l-​akbar knisja Biżantina, fl-​1453 ġie mibdul f’moskea u fl-​1935 f’mużew

[Tabella f’paġna 30]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

ĠRAJJIET IMPORTANTI

286 Dijoklezjanu jibda jmexxi minn Nikomedja, fl-​Asja Minuri

330 Kostantinu jagħmel lil Biżanzju l-​kapitali taʼ l-​imperu, u jsemmi lil din il-​belt Kostantinopli

395 L-​Imperu Ruman jinqasam b’mod permanenti fil-​Lvant u l-​Punent

1054 Tinħoloq firda reliġjuża bejn il-​Knisja Ortodossa Griega u l-​Knisja Kattolika Rumana

1204 Armati tar-​Rabaʼ Kruċjata jagħmlu ħerba minn Kostantinopli

1453 Kostantinopli u l-​imperu jaqgħu f’idejn it-​Torok

[Mappa f’paġna 28]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

IL-​BAĦAR L-​ISWED

KOSTANTINOPLI

Nikomedja

Niċea

Efesu

Antjokja

Ġerusalemm

Lixandra

IL-​BAĦAR MEDITERRAN

Il-​partijiet skuri juru l-​imperu meta kien fl-​aqwa tiegħu (527-565 E.K.)

[Stampi f’paġna 28]

L-​iskulari jiddibattu jekk l-​ewwel imperatur Biżantin kienx (1) Dijoklezjanu, (2) Kostantinu l-​Kbir, jew (3) Ġustinjanu I

[Sors]

Musée du Louvre, Paris

[Stampa f’paġna 31]

Pittura f’manuskritt li turi l-​assedju taʼ Kostantinopli fl-​1204

[Sors]

© Cliché Bibliothèque nationale de France, Paris

[Stampa f’paġna 31]

Munita tas-​solidus tad-​deheb, 321 E.K., murija mwaħħla fiċ-​ċentru taʼ pendent

[Sors]

Ritratt meħud bil-​korteżija tal-​British Museum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja