LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 11/8 pp. 16-19
  • L-Iktar Muntanji Ġodda fil-Muntanji Rockỵ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Iktar Muntanji Ġodda fil-Muntanji Rockỵ
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iż-​Żjara Lura
  • Il-​Ġeoloġija u t-​Taqsimiet f’Wiċċ l-​Art
  • L-​Ilma u s-​Silġ Jagħmluha taʼ Skulturi
  • L-​Annimali
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2001
Stenbaħ!—2001
g01 11/8 pp. 16-19

L-​Iktar Muntanji Ġodda fil-​Muntanji Rockỵ

GĦAJJENIN MEJTA, ħriġna l-​cooker żgħir li ġibna magħna u bdejna nħejju l-​kolazzjon. Konna għadna kif ivvjaġġajna minn New York għal Wyoming u għamilna kważi 5,000 kilometru f’ħamest ijiem. Aħna u nieklu l-​kolazzjon, qgħadna nħarsu lejn l-​ambjent taʼ madwarna.

Id-dawl qawwi tax-​xemx kien jgħammixlek għajnejk u l-​arja kienet friska u tagħtik l-​enerġija. Imma l-​post ma kellu xejn x’jaqsam mal-​postijiet fejn ġieli morna nieklu xi ikla fil-​beraħ—il-​veduta kienet issaħħrek! Fil-​fatt konna qed nieklu max-​xatt tal-​Lag Jackson fil-​Park Nazzjonali taʼ Grand Teton. Quddiemna kellna xena mill-​isbaħ taʼ muntanji maestużi. Fil-​vjaġġ taʼ 16,000 kilometru li għamilna nżuru l-​Punent taʼ l-​Istati Uniti, ma konna rajna xejn iktar li kien daqstant spettakolari. Konna nafu li jekk xi darba jerġaʼ jkollna l-​opportunità li niġu hawn, hekk konna se nagħmlu.

Il-Muntanja Grand Teton hija għolja xi 4,200 metru u f’din ir-​ringiela taʼ muntanji hemm madwar tnax-il muntanja oħra li jaqbżu t-​3,700 metru. Għalkemm m’humiex muntanji żgħar, lanqas m’huma l-​ogħla muntanji li jeżistu. Jekk tasal bil-​karozza minn ċerta direzzjoni, għandek mnejn lanqas biss tinduna bir-​ringiela tal-​Muntanji Teton. Jekk tiġi min-​naħa tal-​punent, x’aktarx li kulma tara huwa li l-​art qiegħda kemxejn għat-​telgħa, u m’għandha xejn impressjonanti. Imma jekk tiġi min-​naħa tal-​lvant, dawn il-​muntanji jogħlew f’daqqa mill-​pjanuri u jitilgħu ’l fuq mill-​wied taʼ taħthom għal iktar minn kilometru u nofs. Minn hawnhekk tassew iġagħluk tħares lejhom.

Iż-​Żjara Lura

Wara tant snin irnexxielna naqtgħu xewqitna biex inżuru dawn l-​inħawi. Din id-​darba morna bl-​ajruplan sal-​Ħofra taʼ Jackson, f’Wyoming, u soqna lejn it-​tramuntana għall-​Muntanji Teton. Ejja magħna hekk kif nibdew il-​ġurnata fil-​Lag Jenny, il-​ġmiel taʼ post b’ilma inġazzat u li jinsab eżatt taħt l-​ogħla muntanji f’din ir-​ringiela partikulari.

L-arja friska taʼ fil-​għodu tqajjimlek ġismek xewk xewk. Ix-​xemx għadha ma telgħetx, imma m’aħniex waħedna. Bħalna hemm nies oħra kuraġġużi li diġà qamu u qed iduru. Maʼ l-​ewwel raġġi tad-​dawl, il-​muntanji jieħdu xejra oħra taʼ lewn roża u lewn id-​deheb, u xi fotografi jixtiequ jieħdu xi ritratti taʼ din ix-​xena taʼ sbuħija kbira. F’daqqa waħda waqafna zopptu—eżatt quddiemna hemm ċerva kbira tħares lejna! Dritta dritta, qiegħda tgħasses u attenta, għax il-​ferħ tagħha qed jiekol il-​ħaxix xi disaʼ metri biss ’il bogħod minna. Bil-​mod il-​mod ħriġna l-​kamera tar-​ritratti, bilkemm nieħdu n-​nifs. Kollna eċċitament, immirajna, iffokajna l-​kamera, u ġbidna ritratt. Issa nistgħu nerġgħu nieħdu n-​nifs; il-​ġurnata tagħna fil-​Lag Jenny għadha kif bdiet.

Wara li ngħaqadna maʼ grupp taʼ nies li ġew iżuru l-​post, irkibna dgħajsa u malajr wasalna fil-​bidu taʼ passaġġ twil kilometru u nofs li jwassal sa fuq il-​Ponta taʼ l-​Ispirazzjoni. Inżilna mid-​dgħajsa, u mill-​ewwel ħassejna l-​arja friska tal-​foresta. Aħna u telgħin maʼ l-​għolja wieqfa, il-​lag jibda iktar jitbiegħed u jiċkien. Qed nisimgħu l-​ħoss qawwi tal-​kaskati fil-​bogħod. B’nifisna maqtugħ, noħorġu mill-​foresta u nieqfu nistrieħu fuq il-​blat. Qegħdin nitgħaxxqu bid-​dawl qawwi taʼ fil-​għodu u qed nieħdu nifsijiet twal mill-​arja friska muntanjuża. Taħtna nistgħu naraw il-​Lag Jenny, roqgħa tleqq taʼ ilma ikħal nir. Il-​lag jinsab imdawwar b’kullana taʼ siġar imħawla iktar fl-​għoli u qisu ġojjell maħdum minn ġojjellier tas-​sengħa.

’Il fuq fl-​għoli ħafna, stajna naraw il-​qċaċet tal-​muntanji magħrufa bħala l-​Grupp tal-​Katidral. Fis-​snin 30 tas-​seklu l-​ieħor, Dr. Fryxell, naturalista li studja din ir-​ringiela taʼ muntanji, kiteb: “Ogħla minn kwalunkwe ħaġa oħra, [dawn il-​muntanji] bil-​qċaċet ippontati ’l fuq iġorru l-​vista u l-​ħsibijiet taʼ dak li jkun saħansitra iktar fl-​għoli.” Mimlijin stagħġib, qed nammiraw il-​kobor u l-​ġmiel tal-​Ponta taʼ l-​Ispirazzjoni. Diġà qed inħossuna premjati biżżejjed taʼ l-​isforzi li għamilna. Imma għad baqaʼ x’naraw.

Il-​passaġġ minfejn għaddejjin f’daqqa waħda jiġi għall-​wita u jserrep maʼ qiegħ il-​Kanjon tal-​Kaskati. Malajr insibu ruħna mdawrin minn irdumijiet tal-​blat għoljin ħafna b’torrenti taʼ ilma neżlin mal-​ġnub tagħhom. Staqsejna lil xulxin, ‘Liema forzi ġagħlu lil dan il-​post jieħu din l-​għamla?’ F’daqqa waħda tfeġġ quddiemna tifla eċċitata għall-​aħħar. Bilkemm felħet titkellem. B’nifisha maqtugħ, qaltilna minn taħt l-​ilsien: “Rajna ċerv kbir! Ħaffu ħalli tarawh intom ukoll!”

Issa m’għadniex naħsbu dwar il-​mod kif kienu msawrin dawn il-​muntanji. Qbadna l-​kamera tar-​ritratti għal-​lest biex nieħdu ritratt lil wieħed mill-​annimali sbieħ li jgħixu f’dan il-​park. It-​tifla ħaditna f’post minfejn stajna narawh. Hemmhekk hemm il-​bqija tal-​familja tagħha u kwieti kwieti dawn qed jippontaw subgħajhom lejn fejn hemm iċ-​ċerv (moose). Jinsab f’roqgħa art mgħaddra maġenb ix-​xmara. Bil-​kamera tagħna lesta għal ritratt, qed inħarsu lejh iċċassati. Kemm fraħna li nzertajna hemm f’dak il-​ħin.

Il-​Ġeoloġija u t-​Taqsimiet f’Wiċċ l-​Art

B’daqstant affarijiet x’tara, huwa faċli li tinsa tistaqsi dwar kif issawwar dan il-​post straordinarju. Madankollu, fil-​park isir kull sforz biex in-​nies jiġu informati u edukati. Dan isir permezz taʼ diversi fuljetti stampati kif ukoll passiġġati bħala grupp immexxijin minn uffiċjali li joqogħdu għassa mal-​park u jistudjaw in-​natura.

Dawn spjegawlna li għalkemm l-​art taʼ taħtna għandha mnejn tinħass soda, hi qisha bħal lag friżat fir-​rebbiegħa u għalhekk ma tantx hi soda daqskemm tidher! Il-​ġeoloġi saru jemmnu fit-​teorija li l-​qoxra taʼ barra taʼ l-​art hija magħmula minn numru taʼ taqsimiet tettoniċi, u li dawn it-​taqsimiet li jistrieħu fuq qishom ibħra taʼ blat imdewweb, jitħarrku. Li laqatna f’din it-​teorija huwa li meta dawn it-​taqsimiet jaħbtu maʼ xulxin, jiġu fformati ringieli taʼ muntanji.

Fil-każ tar-​ringiela tal-​Muntanji Teton, milli jidher waħda minn dawn it-​taqsimiet aġixxiet taʼ lieva u tellgħet taqsima oħra ’l fuq. Ir-​riżultat kien li blokok kbar mill-​qoxra taʼ l-​art telgħu ’l fuq matul linja taʼ ksur fil-​blat u fformaw muntanji. Jingħad li mill-​aspett ġeoloġiku, ir-​ringiela tal-​Muntanji Teton m’ilhiex wisq li ġiet ifformata. Għaldaqstant, fil-​fuljett tal-​park dawn il-​muntanji jissejħu “l-​iktar muntanji ġodda u impressjonanti fil-​katina tal-​Muntanji Rocky.”

L-​Ilma u s-​Silġ Jagħmluha taʼ Skulturi

Bqajna impressjonati b’dawn it-​tweġibiet imma dawn ġagħluna nistaqsu iktar mistoqsijiet. Ġietna f’moħħna l-​ħarġa li konna għamilna fil-​Lag Jenny. Għala kien hemm daqstant ġebel ippontat fil-​qċaċet taʼ dawk il-​muntanji? U xi ngħidu wkoll dwar l-​art għolja unika mdawra mal-​lag, tant iffollata bis-​siġar? X’jgħidu l-​ġeoloġi? It-​tweġiba hija li l-​ilma huwa responsabbli għal dan kollu. It-​teorija hija li xi darba żmien twil ilu, il-​glaċieri tas-​silġ naqqxu l-​kanjons li hemm fir-​ringiela tal-​Muntanji Teton. Dik l-​art għolja mdawra mal-​lag, imsejħa morena, ġiet ifformata minn silġ miexi. Din il-​morena żammet lura xi ftit mill-​glaċier li beda jinħall u qabdet ġo fiha wkoll il-​ħamrija l-​iktar fertili.

Din it-​teorija kieku tispjega l-​fatt għala hemm daqstant ħdura madwar il-​lag, speċjalment meta tqabbel il-​post mal-​pjanuri viċin li fihom biss art biż-​żrar li qisha deżert u pjanti taʼ l-​artemiżja. Aħna bqajna impressjonati b’dan kollu u tlabna lill-​uffiċjal tal-​park biex tgħidilna iktar. Hi qaltilna li l-​ġebel ippontat fil-​qċaċet taʼ dawn il-​muntanji kienu saru minn fenomenu differenti ieħor. L-​ilma jirnexxilu jidħol fix-​xquq tal-​blat, u meta jiffriża jespandi. Bil-​mod il-​mod din il-​qawwa taqlaʼ biċċiet sħaħ taʼ blat, donnu xi ħadd uża skarpell. Aħna rringrazzjajnieha minn qalbna taʼ l-​ispjegazzjoni li tatna u taʼ l-​entużjażmu li kellha għal dawn il-​muntanji.

L-​Annimali

Minbarra l-​ġeoloġija taʼ l-​għaġeb li għandu dan il-​post, fih jgħixu ħafna annimali. Għaldaqstant, il-​mawra tagħna li għamilna fuq il-​famuża Xmara tas-​Serp kienet iktar memorabbli. Minbarra x-​xeni li kien hemm, rajna wkoll ajkli taʼ rashom bajda u arpi jittajru fl-​għoli u mbagħad jippontaw ’l isfel lejn ix-​xmara biex jaqbdu l-​ħut. Il-​gwida u bijologu mħarreġ li kellna magħna fuq id-​dgħajsa qalilna xi ħaġa li ssorprendietna. Hu ġibdilna l-​attenzjoni li minkejja li l-​ajkla taʼ rasha bajda hija akbar fid-​daqs u iktar impressjonanti fid-​dehra, l-​arpa fil-​fatt hija aqwa minnha biex taqbad il-​ħut. Qalilna li ġieli ra ajkli jisirqu l-​ħut li jkunu qabdu l-​arpi. Lanqas laħaq spiċċa l-​kelma li ma rajniex ajkla taʼ rasha bajda tagħmel għal arpa żgħira. L-​arpa telqet il-​ħuta u taret ’l hemm.

Kienet xi ħaġa eċċitanti ħafna għalina li naraw l-​annimali salvaġġi fl-​ambjent naturali tagħhom. Fil-​viċin hemm ir-​Refuġju Nazzjonali taʼ l-​Elk, u ħafna minn dan it-​tip taʼ ċerv matul is-​sajf ikun ukoll fil-​Park Nazzjonali taʼ Grand Teton. Taʼ spiss konna nieqfu bil-​karozza biex noqogħdu naraw dawn iċ-​ċriev jirgħu bil-​mod. Drabi oħra konna noqogħdu fil-​veranda tal-​kamra tagħna fil-​lukanda u naraw iċ-​ċriev il-​kbar jirgħu bil-​kwiet qalb is-​siġar taż-​żafżaf. Bil-​lejl, dawn l-​annimali kien donnhom qed jagħmlu xi wirja lill-​folol li kienu jinġabru biex joqogħdu jarawhom. Għalkemm konna nkunu għajjenin, konna nibqgħu barra biex naraw xi ħaġa li min jgħix fil-​belt bħalna rari jaraha—sema kważi dlam ċappa mimli kwiekeb ileqqu.

Fl-aħħar ġurnata kellna sorpriża taʼ l-​aħħar. Beżgħana u mistagħġba fl-​istess ħin, bqajna deħlin dritt bil-​karozza ġo nofs merħla bufli. Din il-​merħla bhejjem enormi u muswafa xterdet maż-​żewġ naħiet tat-​triq. Kemm xtaqna nibqgħu hemm! Imma kien sar il-​ħin biex immorru.

X’ħin konna fl-​ajruplan nistennew biex nitilqu, qgħadna nirriflettu fuq iż-​żjara li għamilna. Konna gawdejna kemm flaħna dak li għal żmien qasir kien tagħna—il-​muntanji, l-​arja tagħhom, u l-​annimali. Kemm konna ferħanin li sa fl-​aħħar qtajna xewqitna li nerġgħu nżuru r-​ringiela tal-​Muntanji Teton! Tabilħaqq, il-​muntanji l-​iktar ġodda mill-​Muntanji Rocky huma fost l-​isbaħ li hemm.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 19]

Xi Suġġerimenti għall-​Viżitaturi

Agħti ċans biex tidra l-​arja iktar ħafifa. Il-​wied innifsu jinsab iktar minn 1,800 metru ’l fuq mil-​livell tal-​baħar. Xi turisti li jkunu ġejjin minn postijiet iktar fil-​baxx għandhom mnejn iħossuhom ma jifilħux, u jistaʼ jaqbadhom uġigħ taʼ ras jew iħossuhom irritati. Persuni anzjani fl-​età, speċjalment dawk li jbatu bi problemi tal-​qalb jew tan-​nifs, jagħmlu tajjeb jekk jieħdu parir mingħand it-​tabib tagħhom qabel ma jagħmlu vjaġġ bħal dan.

Ħejji ruħek kif jixraq qabel ma tibda miexi. Żomm f’moħħok li f’dawn il-​postijiet għolja fejn tagħmel ftit xita, huwa iktar faċli li l-​ġisem jinxef mill-​ilma malajr. Għaldaqstant, ġorr ħafna ilma miegħek.

Dan huwa park naturali fejn jgħixu ħafna annimali kbar u sbieħ, imma salvaġġi. Xi viżitaturi tiġihom il-​ħajra li jersqu qrib tagħhom, imma ħadd ma jaf kif se jirreaġixxu l-​annimali. Agħti kas x’jgħid l-​uffiċjal tal-​park dwar kif għandek iġġib ruħek mal-​ħlejjaq salvaġġi fl-​ambjent tagħhom. Minbarra li tieħu pjaċir b’dak li għandu x’jgħid, kliemu jistaʼ jsalvalek ħajtek.

[Mapep f’paġna 17]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

IL-​PARK NAZZJONALI TAʼ GRAND TETON

[Stampa f’paġna 16, 17]

Il-​Muntanja Moran, fir-​ringiela tal-​Muntanji Teton

[Stampa f’paġna 17]

Il-​Kanjon tal-​Kaskata taʼ Fuq

[Stampa f’paġna 18]

Buflu

[Stampa f’paġna 18]

Ajkla taʼ rasha bajda

[Stampa f’paġna 18]

Inżul ix-​xemx fil-​Muntanji Teton

[Stampa f’paġna 18]

Ċerv kbir raġel

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja