Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
X’Hemm Ħażin f’li Tivvindika Ruħek?
“Offendieni.”—Conneel, taʼ 15-il sena, ġie mitfugħ il-ħabs minħabba li qatel.
Andrew, taʼ 14-il sena, li qatel lil waħda mill-għalliema tiegħu waqt ballu taʼ l-iskola, qal li jobgħod lill-għalliema u lill-ġenituri tiegħu u li hu rrabjat għat-tfajliet minħabba li warrbuh.
SKOND ir-rivista Time din hi “tendenza fatali.” Żagħżugħ irrabjat idaħħal bil-moħbi arma qattiela fl-iskola tiegħu u jibda jispara fuq sħabu taʼ l-iskola u fuq l-għalliema. Fl-Istati Uniti, inċidenti traġiċi bħal dawn saru donnhom tant komuni li kumpanija televiżiva taʼ l-aħbarijiet iddeskriviet din it-tendenza bħala “splużjoni taʼ vjolenza.”
Fortunatament, l-isparar fl-iskola għadu xi ħaġa rari sa ċertu punt. Madankollu, id-delitti reċenti li saru minħabba d-dagħdigħa juru kemm xi żgħażagħ huma verament irrabjati. X’inhi dik il-ħaġa li ġġiegħel li tfaqqaʼ din id-dagħdigħa? Evidentement, xi wħud minn dawn iż-żgħażagħ kienu rrabjati ferm minħabba xi inġustizzja jew abbuż taʼ poter li esperjenzaw min-naħa taʼ wħud fl-awtorità. Oħrajn kienu rrabjati minħabba li sħabhom kienu joqogħdu jinbxuhom il-ħin kollu. Ġuvnott taʼ 12-il sena li spara lil wieħed minn sħabu taʼ l-iskola, imbagħad lilu nnifsu, kien ġie mgħajjar minħabba li kien oħxon.
Ikollna nammettu, li l-biċċa l-kbira miż-żgħażagħ qatt m’huma se jaħsbu serjament li jinvolvu ruħhom fi vjolenza daqshekk estrema. Madankollu, m’huwiex faċli li tirreżisti sentimenti taʼ wġigħ u niket li tistaʼ tibda tħoss meta tkun vittma taʼ razziżmu, abbuż, jew tinbix kattiv. Meta qagħad jaħseb dwar iż-żmien taʼ l-iskola, Ben qal: “Dejjem kont iqsar mill-maġġuranza tat-tfal taʼ l-età tiegħi. U minħabba li kelli xagħri mqaxxar, it-tfal kienu kontinwament jinbxuni u jagħtuni d-daqqiet fuq rasi. Dan kien jirrabjani ħafna. Biex tgħaxxaqha, meta tlabt l-għajnuna minn xi nies fl-awtorità, injorawni kompletament. Dan għamilni saħansitra iktar irrabjat!” Ben iżid: “L-unika ħaġa li żammitni milli nġib arma tan-nar u naqbad nispara fuq dawn in-nies kienet minħabba li ma kellix aċċess għal waħda.”
Kif għandek tħares lejn żgħażagħ li jfittxu biex jagħmlu ħsara lil dawk li jkunu għamlulhom l-istess ħaġa? U x’għandek tagħmel jekk inti stess tispiċċa vittma taʼ maltrattament? Bħala tweġiba, ikkunsidra x’tgħid il-Kelma t’Alla.
Il-Kontroll Fuqek Innifsek —Sinjal taʼ Sodizza!
Il-maltrattament u l-inġustizzja m’humiex xi ħaġa ġdida. Wieħed kittieb tal-Bibbja ta l-parir: “Ħallik mill-korla u la tirrabjax; tinkedd xejn, għax deni jiswielek.” (Salm 37:8) Ħafna drabi, id-dagħdigħa tinvolvi nuqqas taʼ kontroll fuqek innifsek u hija espressa mingħajr ma jiġu kunsidrati l-konsegwenzi. Meta tħalli lilek innifsek “tinkedd” dan jistaʼ jirriżulta fi splużjoni taʼ dagħdigħa! X’jistaʼ jiġri?
Ikkunsidra l-eżempju Bibliku taʼ Kajjin u Abel. “Kajjin għalhekk saħan sewwa” għal ħuh Abel. Bħala riżultat, “kif kienu fir-rabaʼ Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu.” (Ġenesi 4:5, 8) Eżempju ieħor taʼ dagħdigħa bla kontroll kien jinvolvi lis-Sultan Sawl. Minħabba li kien qed jgħir għall-ħila militari kbira li kellu ż-żagħżugħ David, hu xeħet il-lanez mhux biss lil David imma anki lil Ġonatan, ibnu stess!—1 Samwel 18:11; 19:10; 20:30-34.
Veru, xi drabi jistaʼ jkollok raġun tirrabja. Imma anki f’dak il-każ, rabja ġusta tistaʼ tirriżulta f’ħażen jekk ma tiġix kontrollata. Per eżempju, Simgħon u Levi żgur li kellhom raġun jirrabjaw għal Sikem meta saru jafu li stupra lil oħthom Dina. Imma minflok ma baqgħu kalmi, qajmu rabja kbira ħafna, bħalma jidher fil-kliem li qalu iktar tard: “Forsi kellhom jimxu maʼ oħtna bħallikieku maʼ xi mara żienja?” (Ġenesi 34:31) U meta r-rabja li kellhom telgħet għal rashom, “kull wieħed bix-xabla tiegħu, daħlu l-belt b’qalbhom qawwija u qatlu l-irġiel kollha” li kienu jgħixu fir-raħal taʼ Sikem. Ir-rabja tagħhom bdiet tittieħed għax “ulied Ġakobb” ngħaqdu f’dan l-attakk taʼ qtil. (Ġenesi 34:25-27) Anki snin wara, Ġakobb, missier Simgħon u Levi, akkużahom minħabba r-rabja bla kontroll li wrew.—Ġenesi 49:5-7.
Minn dan kollu nitgħallmu punt importanti: Rabja mhix kontrollata hija sinjal taʼ dgħjufija u mhux taʼ sodizza. Proverbji 16:32 jistqarr: “Min għandu s-sabar aħjar mill-qalbieni, min jitrażżan aħjar mir-rebbieħ taʼ belt.”—Korsiv tagħna.
Il-Bluha taʼ Meta Tpatti
L-Iskrittura b’hekk tagħti l-parir: “Troddu lil ħadd deni b’deni. . . . Tivvendikawx ruħkom b’idejkom.” (Rumani 12:17, 19) Meta tpatti—kemm jekk jinvolvi vjolenza fiżika jew sempliċement kliem kattiv—tkun qed tidneb kontra Alla. Fl-istess ħin, vendetta bħal din la hija prattika u lanqas għaqlija. Biss biss, il-vjolenza normalment iġġib iktar vjolenza. (Mattew 26:52) U kliem kattiv ħafna drabi jwassal għal iktar kliem kattiv. Ftakar ukoll, li ħafna drabi r-rabja hija bla bażi. Per eżempju, se taqbad u tikkonkludi li l-persuna li offendietek għamlet dan għax vera ma tistax għalik? Jistaʼ jkun li l-persuna għamlet dan sempliċement b’nuqqas taʼ konsiderazzjoni? U anki jekk kien hemm xi malizzja involuta, jekk tirritalja se tkun qed tagħmel l-aħjar ħaġa?
Ikkunsidra l-kliem li nsibu fil-Bibbja f’Koħèlet 7:21, 22: “Tagħtix widen għall-għajdut kollu tan-nies li ma tmurx tismaʼ l-qaddej tiegħek jidgħilek ħażin fuqek, għax qalbek stess tgħidlek li kemm-il darba int ukoll dgħajt lil ħaddieħor.” Iva, m’hijiex xi ħaġa pjaċevoli meta jkun hemm xi nies li jgħidu affarijiet koroh fuqek. Imma l-Bibbja tistqarr li dan huwa parti mill-ħajja. Ma jistax ikun li inti wkoll wisq probabbli għedt xi affarijiet fuq ħaddieħor li kien ikun aħjar kieku m’għedthomx? Allura, għala għandek tirreaġixxi żżejjed meta xi ħadd jgħid xi ħaġa mhux xierqa fuqek? Ħafna drabi, l-aħjar mod kif tkampa mat-tinbix hu li tinjorah.
Bl-istess mod, m’hijiex xi ħaġa għaqlija li meta tħossok li ġejt maltrattat tirreaġixxi żżejjed. Żagħżugħ li jismu David jiftakar xi ġralu meta kien qed jilgħab il-basketball maʼ sħabu Kristjani. “Xi ħadd mit-tim l-ieħor laqatni bil-ballun,” jgħid David. Minħabba li kkonkluda malajr li dan sar b’malizzja, David patta, u tefaʼ l-ballun lura lill-plejer l-ieħor. “Kont vera rrabjat,” jammetti David. Imma qabel ma l-affarijiet marru għall-agħar, David talab lil Jehovah. Qal bejnu u bejn ruħu, ‘X’qed nagħmel, se niġġieled maʼ ħija Kristjan?’ Iktar tard, talbu skuża lil xulxin.
F’każijiet bħal dawn ikun tajjeb li tiftakar fl-eżempju taʼ Ġesù Kristu. “Meta għajjruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx.” (1 Pietru 2:23) Iva, meta tkun taħt stress, minflok ma tirreaġixxi, itlob lil Alla biex jgħinek iżżomm il-kontroll fuqek innifsek. Hu se jagħti b’mod ġeneruż “spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu.” (Luqa 11:13) Meta xi ħadd joffendik, minflok tpatti, forsi jkun aħjar li tavviċina lil dak li jkun u titkellem miegħu. (Mattew 5:23, 24) Jew jekk int vittma taʼ xi tip taʼ fastidju serju li qed isirlek kontinwament, forsi minn xi bùli fl-iskola, tipprovax tiffaċċjah b’tali mod li jistaʼ jwassal għall-vjolenza. Minflok, għandek bżonn tieħu xi passi prattiċi biex tipproteġi lilek innifsek.a
Żagħżugħa li Warrbet id-Dagħdigħa
Ħafna żgħażagħ applikaw dawn il-prinċipji Bibliċi u kellhom riżultati tajbin. Per eżempju, Catrina ngħatat għall-adozzjoni t’età żgħira. Hi tgħid: “Kelli problema bir-rabja minħabba li ma stajtx nifhem għala ommi li wilditni kienet abbandunatni. Għalhekk kont niżvoga r-rabja tiegħi fuq ommi li adottatni. Għal xi raġuni stramba, kont inħossni li billi nweġġaʼ lilha kont qiegħda nivvendika ruħi minn ommi li wilditni. Għalhekk għamilt minn kollox—abbuż verbali, tisbit tas-saqajn, u tfaqqigħ taʼ rabja kbira. L-iktar li kont nieħu gost nagħmel kien li nsabbat il-bibien. Kelli wkoll il-vizzju li ngħid, ‘Nobogħdok!’—kollu minħabba li kont irrabjata. Meta nħares lura, ma nistax nemmen li għamilt dawn l-affarijiet.”
X’għen lil Catrina tikkontrolla r-rabja tagħha? Hi twieġeb: “Il-qari tal-Bibbja! Dan huwa tant importanti minħabba li Jehovah jaf kif inħossuna.” Catrina sabet ukoll faraġ meta hi u l-familja tagħha qraw l-artikli fi Stenbaħ! li kienu jitkellmu dwar is-sitwazzjoni partikulari tagħhom.b Hi tiftakar: “Qgħadna bil-qiegħda kollha flimkien u konna kapaċi nifhmu dak li lkoll konna qegħdin inħossu.”
Inti wkoll tistaʼ titgħallem tikkontrolla sentimenti taʼ dagħdigħa. Meta tiġi ffaċċjat b’tinbix, abbuż, jew maltrattament, ftakar fil-kliem taʼ Salm 4:4 (NW): “Kunu aġitati, imma tidinbux.” Dan il-kliem jistaʼ jgħinek tevita li tinvolvi ruħek f’rabja distruttiva.
[Noti taʼ taħt]
a Għal parir prattiku dwar kif tistaʼ tkampa maʼ għalliema inġusti, maʼ wħud li jagħmluha tal-bùli fl-iskola, u maʼ dawk li jagħtuk fastidju, ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Lulju, 1999, u kapitli 19 u 20 fil-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom.
b Ara s-serje intitolata “Adoption—The Joys, the Challenges” (L-Adozzjoni—Il-Ferħ, l-Isfidi) li nsibu fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 taʼ Mejju, 1996.
[Stampa f’paġna 15]
Ħafna drabi, l-aħjar mod kif tkampa mat-tinbix hu li tinjorah