Mingħand il-Qarrejja
Ħabsijiet Grazzi ħafna għall-artikli dwar is-suġġett “Jistgħu l-Ħabsin Jirranġaw Ħajjithom?” (8 taʼ Mejju, 2001) Jien qattajt 14-il sena l-ħabs. Waqt li kont hemm, ġejt f’kuntatt max-Xhieda taʼ Jehovah u bdejt nistudja l-Bibbja. Wara li ħriġt mill-ħabs, komplejt nistudja, u wara ftit tgħammidt. Iva, jekk isegwu l-prinċipji li jitgħallmu mill-Bibbja, il-ħabsin jistgħu jirranġaw ħajjithom. Bħali, huma jistgħu wkoll ikunu grati li Xhieda bieżla jagħtu mill-ħin tagħhom biex jgħinu lil dawk li qegħdin il-ħabs.
R. S., Stati Uniti
L-ewwel darba li smajt dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah kien mingħand dak li kien fiċ-ċella miegħi. Veru nħossni grat meta naqra dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah li b’kuraġġ jieħdu r-riskju u jidħlu f’dawn il-ħabsijiet biex jgħinu nies bħali biex isibu lil Jehovah qabel ma jkun tard wisq. Ix-Xhieda għandhom jiġu mfaħħrin għall-imħabba li juru.
M. N., Stati Uniti
Truxa u Għamja Grazzi għall-artiklu dwar Janice Adams, “Għalkemm Truxa u Għamja, Sibt is-Sigurtà.” (8 taʼ Mejju, 2001) Qatt ma ħsibt li xi ħadd li hu trux u agħma setaʼ jinkuraġġini daqshekk. Jien u żewġi għaddejna minn ħafna perijodi taʼ mard, kemm fiżiku u kemm emozzjonali. Artikli bħal dawn isaħħulna l-fidi li tgħinna nistabru sat-tmiem.
P. G., Stati Uniti
Taʼ spiss ma nurux daqshekk apprezzament għal dak li jkollna, forsi billi nfallu l-laqgħat Kristjani sempliċement għax ikollna xi wġigħ taʼ ras. Imma Janice, għalkemm kellha raġunijiet validi biex toqgħod id-dar—bħad-dipressjoni li kellha u l-abbuż li sofriet—tgħallmet tistrieħ fuq Jehovah li setaʼ jagħtiha s-saħħa li kellha bżonn biex ikollha ħajja spiritwali attiva.
C. D., Italja
Saħħti hija tajba ħafna, allura l-esperjenza tiegħi hi waħda differenti minn dik taʼ Janice. Imma taʼ spiss inbati minn dipressjoni minħabba l-abbużi tal-bulijiet li ġarrabt meta kont immur l-iskola elementari. Ninfaqaʼ nibki u ma nkunx nistaʼ nieqaf u nispiċċa verament imdejqa. L-aħwa Kristjani jinkuraġġuni ħafna u l-ġenituri tiegħi jagħtuni appoġġ kbir. Però xorta nixtieq nirringrazzjakom minn qalbi għall-istorja taʼ Janice Adams. Din tant għamlitli kuraġġ.
M. T., Ġappun
In-Nanniet Grazzi għall-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu. . . Għala Għandi Nsir Naf lin-Nanniet Tiegħi?” (8 taʼ Mejju, 2001) Jien u nannti għandna rabta speċjali bejnietna. Meta l-ġenituri tiegħi ddivorzjaw, kont staqsejt ħafna mistoqsijiet u bkejt ħafna drabi. In-nanna kienet dejjem hemm lesta biex tgħinni. Kienet toħroġni magħha nippridkaw, u kienet tnaqqax fija l-imħabba għall-ministeru. Jien segwejt l-eżempju tagħha u erbaʼ snin ilu sirt evanġelizzatriċi full-time. Anki wara li qabditha l-marda taʼ l-Alzheimer u ma setgħetx tagħrafni, għajnejha kienu jixegħlu meta kont naqralha l-iskritturi dwar il-Ġenna taʼ l-art. Hi raqdet fil-mewt f’Settembru tas-sena 2000. Grazzi ħafna talli tgħallmu lilna ż-żgħażagħ napprezzaw lin-nanniet tagħna.
C. R., Stati Uniti
Il-ġenituri tiegħi ilhom għaxar snin divorzjati. Minħabba li ħassejt li kelli nibqaʼ leali lejn ommi, qtajt kull relazzjoni li kelli mal-familja taʼ missieri. Imma wara li qrajt dawn l-artikli, nistaʼ nara l-importanza u l-benefiċċji li jkolli relazzjoni tajba man-nanniet tiegħi. Minħabba dawk l-artikli, issa għandi suġġerimenti bbażati minn fuq il-Bibbja li permezz tagħhom nistaʼ nikkultiva dik ir-relazzjoni.
G. V., Stati Uniti
Għalkemm l-erbaʼ nanniet li għandi m’humiex Kristjani, jien għandi relazzjoni tajba magħhom. Għandi wkoll “nanna” fil-kongregazzjoni—oħt Kristjana li għandha fuq is-sittin. Meta jkolli xi problema, hi taqrali mill-Bibbja u tinkuraġġini. Xi kultant, hi sempliċement iżżommli idi jew titfaʼ idha madwar spallejja. Xi drabi, lanqas biss inħoss li hemm dik id-differenza kollha fl-età bejnietna.
M. K., Ġappun