Dak in-Nhar li Ġġarrfu t-Twin Towers
DAK li ġara fil-11 taʼ Settembru, 2001, fil-Belt taʼ New York, f’Washington, D.C., u f’Pennsylvania se jibqaʼ stampat għal dejjem f’moħħ miljuni, jekk mhux biljuni, taʼ nies fid-dinja. Fejn kont int meta rajt jew smajt bl-aħbar taʼ l-attakk fuq il-World Trade Center fi New York u fuq il-Pentagon f’Washington?
Il-qerda inkredibbli u fi ftit ħin taʼ tant propjetà u, bil-wisq iktar importanti, taʼ dawk il-ħajjiet kollha tat lil kulħadd raġuni biex jieqaf u jaħseb.
X’tgħallimna dwar il-prijoritajiet u l-għażliet tagħna fil-ħajja? Dawk il-ġrajjiet traġiċi, kif enfasizzaw ftit mill-aħjar kwalitajiet li għandna bħala bnedmin—is-sagrifiċċju, il-mogħdrija, is-sabar, u n-nuqqas t’egoiżmu? Dan l-artiklu u l-ieħor taʼ warajh se jipprovaw iwieġbu din l-aħħar mistoqsija.
Dawk li Baqgħu Ħajjin Jirrakkontaw l-Istorja Tagħhom
Eżatt wara d-diżastru fi New York, is-sistema tas-subway għalqet, u folol kbar taʼ nies ħarġu mill-parti taʼ isfel taʼ Manhattan bil-mixi. Ħafna minnhom qasmu l-pontijiet taʼ Brooklyn u Manhattan. Dawn setgħu jaraw ċar l-uffiċini u l-fabbriki tal-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Xi refuġjati mid-diżastru malajr irħewlha lejn dan il-bini.
Alisha (lemin), bint waħda Xhud, kienet fost l-ewwel uħud li waslu. Kienet miksija minn rasha sa saqajha bit-trab u l-irmied.a Hi spjegat: “Waqt li kont fuq il-ferrovija sejra x-xogħol, stajt nara d-duħħan ħiereġ mill-World Trade Center. Meta wasalt ħdejn il-post tad-diżastru, l-art kienet kollha ħġieġ, u stajt inħoss is-sħana li kienet ħierġa. In-nies kienu qed jiġru ’l hemm u ’l hawn, waqt li l-uffiċjali tal-pulizija kienu qed jipprovaw jevakwaw il-post. Kienet qisha żona taʼ gwerra.
“Mort niġri nistkenn ġo bini fil-viċin. Imbagħad smajt splużjoni hekk kif it-tieni ajruplan daħal ġot-tieni torri. Ma nistax niddeskrivi x-xena li kien hemm, kollox kien miksi b’duħħan iswed. Ordnawlna biex noħorġu miż-żona tal-periklu. Bagħtuni fuq dgħajsa u qsamna l-East River għal Brooklyn. Meta wasalt in-naħa l-oħra, ħarist ’il fuq u rajt tabella kbira, ‘WATCHTOWER.’ Il-kwartieri ġenerali tar-reliġjon t’ommi! Minnufih qbadt it-triq lejn dawn l-uffiċini. Kont naf li ma stajtx inkun f’post aħjar biex nirċievi l-għajnuna. Irnexxieli nitnaddaf u nċempel lill-ġenituri tiegħi.”
Wendell (fuq il-lemin) kien bewwieb li jilqaʼ n-nies fil-Marriott Hotel li kienet tinsab bejn iż-żewġ torrijiet. Hu spjega: “Kont xogħol fis-sala hekk kif tidħol fil-lukanda meta saret l-ewwel splużjoni. Rajt ħafna tifrik nieżel maʼ kullimkien. Ħarist in-naħa l-oħra tat-triq, u kien hemm raġel jinħaraq stendut maʼ l-art. Ċarratt il-ġakketta u l-qmis minn fuqi u ġrejt lejh biex nipprova nitfilu n-nar. Persuna oħra li kienet għaddejja pprovat tgħin ukoll. Il-ħwejjeġ li kien liebes ir-raġel inħarqu kollha minbarra l-kalzetti u ż-żarbun. Imbagħad ġew il-pompiera u ħaduh biex jingħata għajnuna medika.
“Ftit wara, Bryant Gumbel mill-aħbarijiet tas-CBS TV ċempilli u talabni nirrakkonta x’kien qed jiġri bħala wieħed li rajt b’għajnejja kulma ġara. Il-familja tiegħi fil-Virgin Islands semgħuni fuq it-televixin u, għalhekk, saru jafu li kont ħaj.”
Donald, li huwa twil kważi żewġ metri u fih raġel, kien jaħdem fil-World Financial Center. Hu kien fil-31 sular taʼ dan il-bini u kien qed jittawwal eżatt faċċata tat-Twin Towers u l-Marriott Hotel. Qal: “Bqajt iċċassat u mwerwer b’dak li rajt. In-nies kienu qed jaqgħu u jaqbżu mit-twieqi taʼ l-ewwel torri. Tani l-isteriżmu u ġrejt kemm flaħt ’il barra mill-bini fejn kont.”
Esperjenza oħra kienet dik taʼ waħda omm fuq is-sittin sena u taż-żewġ uliedha bniet li għandhom fuq l-erbgħin sena. Ruth u oħtha Joni kienu qed joqogħdu f’lukanda ħdejn it-Twin Towers m’ommhom Janice. Ruth, li għandha l-liċenzja taʼ infermiera, tgħid l-istorja: “Kont qed ninħasel. F’daqqa waħda ommi u oħti għajtuli biex noħroġ. Konna fis-16-il sular, u huma setgħu jaraw it-tifrik nieżel minn quddiem it-tieqa. Ommi fil-fatt rat ġisem taʼ raġel itir fuq bejt fil-viċin bħallikieku nbeżaq minn xi mkien.
“Ilbist malajr, u bdejna neżlin it-taraġ. Kien hemm ħafna twerżiq. Ħriġna fit-triq. Smajna splużjonijiet u rajna ħafna xrar tan-nar. Ordnawlna nħaffu lejn il-parti taʼ isfel għal Battery Park, fejn ikun hemm id-dgħajsa għall-Gżira taʼ Staten. Aħna u sejrin tlifna lil mamà, li tbati mill-ażżma kronika. Kif kienet se ssalva f’dak id-duħħan, l-irmied, u t-trab kollu? Għamilna nofs siegħa nfittxuha imma kollu għalxejn. Madankollu, ma inkwetajniex iżżejjed għax konna nafu li hi bniedma kapaċi u taf iżżomm ruħha kontrollata.
“Imbagħad bagħtuna lejn Brooklyn Bridge u qalulna biex naqsmu għan-naħa l-oħra. Tistgħu timmaġinaw x’serħan ħassejna meta wasalna fuq in-naħa l-oħra tal-pont fi Brooklyn u rajna t-tabella daqsiex ‘WATCHTOWER’! Konna nafu li ħlisna mill-periklu.
“Laqgħuna ħafna u tawna post fejn noqogħdu. Tawna wkoll xi ħwejjeġ, peress li ma kellna xejn magħna. Imma fejn kienet il-mamà? Qattajna l-lejl kollu nipprovaw infittxuha fl-isptarijiet imma għalxejn. L-għada, għall-ħabta tal-ħdax u nofs taʼ fil-għodu rċivejna messaġġ. Il-mamà kienet isfel fl-intrata! X’kien ġralha?”
Min-naħa tagħha Janice, l-omm, tkompli tirrakkonta: “Meta ħriġna bil-ġiri mil-lukanda, ħsibt f’ħabiba tiegħi anzjana li ma kienx irnexxielha titlaq magħna. Ridt immur lura għaliha u nġorrha ’l barra jien stess. Imma kien perikoluż wisq. Sadattant fil-konfużjoni ntlift minn mat-tfal. Madankollu, ma kontx ansjuża żżejjed, għax huma sensibbli u Ruth hija infermiera kwalifikata.
“Kulfejn ħarist kien hemm nies li kellhom bżonn l-għajnuna—speċjalment tfal u trabi. Għent lil kemm nies stajt. Mort fil-post fejn kienu qed jittieħdu l-vittmi u hemmhekk kienu qed iqassmuhom fi gruppi u jagħtuhom kura skond kemm kienu gravi l-ġrieħi tagħhom. Tajthom daqqa t’id billi qgħadt naħsel idejn u wiċċ il-pulizija u l-pompiera, li kienu miksijin trab u nugrufun. Qgħadt hemmhekk sa xi t-tlieta taʼ fil-għodu. Imbagħad qbadt l-aħħar dgħajsa għall-Gżira taʼ Staten. Ħsibt li forsi t-tfal kienu marru jistkennu hemmhekk. Imma ma sibthomx.
“Fil-għodu pprovajt naqbad l-ewwel dgħajsa lura lejn Manhattan, imma ma stajtx peress li ma kontx waħda mill-ħaddiema t’emerġenza. Imbagħad rajt lil wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija li kont għentu. Sejjaħtlu: ‘John! Għandi bżonn nerġaʼ mmur Manhattan.’ Weġibni: ‘Ejja miegħi.’
“Meta wasalt Manhattan, mort lura lejn il-Marriott Hotel. Forsi kien għad kelli ċans li ngħin lil ħabibti l-anzjana. Lanqas qatt! Il-lukanda kienet munzell tifrik. Dik il-parti ċentrali tal-belt kienet mejta—imkien ma kien hemm ħajja. Kien hemm biss il-pulizija u l-pompiera għajjenin mejta, b’wiċċhom mimli dwejjaq jidher minn sebaʼ mili ’l bogħod.
“Irħejtilha lejn Brooklyn Bridge. Malli wasalt fit-tarf nett, stajt nara tabella familjari, ‘WATCHTOWER.’ Forsi stajt insib lil uliedi hemmhekk. U hekk kien. Dawn ġew jiġru jilqgħuni fl-intrata. Kemm għannaqna lil xulxin u bkejna flimkien!
“Ħaġa taʼ l-għaġeb kienet li lanqas tani attakk wieħed taʼ l-ażżma, minkejja dak id-duħħan, it-trab, u l-irmied kollu. Bqajt nitlob biex inkun utli u mhux taʼ piż.”
“M’Għandux Fejn Jinżel!”
Rachel, mara li għandha ftit iktar minn 20 sena, qalet lil kittieb taʼ Stenbaħ!: “Kont miexja ħdejn il-blokk tiegħi fil-parti taʼ isfel taʼ Manhattan meta smajt il-ħoss t’ajruplan għaddej fuq rasi. Tant kien qawwi li kelli bilfors inħares ’il fuq. Ma stajtx nemmen lil għajnejja—kien hemm ġett enormi li deher ovvju li kien nieżel. Bejni u bejn ruħi tħassibt għala kien għaddej daqshekk fil-baxx u b’veloċità daqstant qawwija. M’għandux fejn jinżel! Forsi l-pilota tilef il-kontroll. Imbagħad smajt lil waħda mara tgħajjat, ‘Dak l-ajruplan għadu kemm laqat il-bini!’ Mill-ewwel torri ħareġ ballun kbir tan-nar. Stajt nara toqba sewda ġganteska fit-torri.
“Kienet l-iktar ħaġa orribbli li qatt rajt f’ħajti. Kienet donnha xi ħaġa mhix reali. Bqajt wieqfa hemm b’ħalqi miftuħ. Fi żmien qasir, it-tieni torri ntlaqat minn ajruplan ieħor, u wara ftit iż-żewġ torrijiet iġġarrfu. Tani l-isteriżmu. Ma flaħtx nara dan kollu!”
“Jekk Ikolli Ngħum, Ngħum”
Denise, li għandha 16-il sena, kienet għadha kemm tasal l-iskola ħdejn l-istabbilimenti tal-Borża Amerikana, li jinsabu tliet blokkijiet ’l isfel mill-World Trade Center. “Kienu għadhom kemm daqqew id-9:00 a.m. Ħassejt li kien ġara xi ħaġa, imma ma kontx naf xiex. Kont fil-11-il sular taʼ l-iskola għal-lezzjoni taʼ l-istorja. L-istudenti kollha kienu jidhru mwerwrin. L-għalliema xorta riditna nagħmlu test. Aħna ridna nitilqu ’l barra u mmorru d-dar.
“Imbagħad il-bini theżżeż hekk kif it-tieni ajruplan laqat it-tieni torri. Imma xorta konna għadna ma nafux x’ġara. F’daqqa waħda smajt ir-radju żgħir taʼ l-għalliema: ‘Żewġ ajruplani daħlu ġot-Twin Towers!’ Jien ħsibt, ‘Ma jagħmilx sens li nibqgħu hawn. Dan terroriżmu, u issa jmiss lill-Borża.’ Għalhekk ħriġna ’l barra.
“Tlaqna niġru lejn Battery Park. Ħarist lura biex nara x’kien qed jiġri. Stajt nara li t-tieni torri kien se jinżel dalwaqt. Imbagħad għaddieli l-ħsieb li l-bini għoli kollu setaʼ jaqaʼ wieħed wara l-ieħor. Tħabatt biex nieħu n-nifs, għax imnieħri u griżmejja kienu imblokkati bl-irmied u t-trab. Ġrejt kemm flaħt lejn East River, u ħsibt, ‘Jekk ikolli ngħum, ngħum.’ Waqt li kont qed naħrab, tlabt lil Jehovah biex isalvani.
“Fl-aħħar poġġewni fuq dgħajsa lejn New Jersey. Ommi damet ħames sigħat biex sabitni, imma għallinqas kont qawwija u sħiħa!”
“Tgħid Din l-Aħħar Ġurnata taʼ Ħajti?”
Joshua, li għandu 28 sena, minn Princeton, New Jersey, kien qed jgħallem lil klassi fl-40 sular taʼ l-ewwel torri. Hu jiftakar: “Ħabta u sabta, inħasset qisha bomba tisplodi. Kien hemm it-theżżiż, u mbagħad ħsibt, ‘Le, naħseb terremot.’ Ħarist barra, u ma temminx x’kien hemm—duħħan u biċċiet t’affarijiet kienu qed iduru madwar il-bini. Għedt lill-klassi, ‘Kulħadd jitlaq kollox. Ejja ħa mmorru!’
“Bdejna neżlin it-taraġ, li kien qed jimtela bid-duħħan, u l-ilma kien ħiereġ mill-apparat taʼ mas-soqfa li jintuża biex jintefa n-nar. Imma ma kienx hemm paniku. Il-ħin kollu bdejt nitlob li konna għażilna t-taraġ it-tajjeb biex ma niġux wiċċ imbwiċċ man-nar.
“Jien u nieżel niġri, bdejt naħseb, ‘Tgħid din l-aħħar ġurnata taʼ ħajti?’ Bqajt nitlob lil Jehovah, u ħassejt sens taʼ paċi mhux tas-soltu. Qatt ma ħassejt dan it-tip taʼ paċi ġewwinija. Qatt ma se ninsa dak il-mument.
“Meta fl-aħħar ħriġt mill-bini, il-pulizija bdiet tmexxi lil kulħadd. Ħarist ’il fuq lejn it-torrijiet u stajt nara li t-tnejn li huma kienu nfetħu fi tnejn. Kienet qisha xi ħolma.
“Imbagħad smajt ħoss li jkexkxek—silenzju tal-biżaʼ bħallikieku eluf taʼ nies kienu qed iżommu nifishom ’il ġewwa. New York kienet donnha waqfet. Eżatt wara nstemaʼ twerżiq kbir. It-tieni torri kien nieżel kollu f’daqqa! Imbagħad ħarġet mewġa kbira taʼ duħħan, irmied, u trab li kienet qed tikber u ġejja lejna b’ħeffa kbira. Kien qisu l-effett speċjali taʼ xi film. Imma dan kien taʼ veru. Hekk kif is-sħaba laħqitna, bilkemm stajna nieħdu nifs.
“Irnexxieli nasal Manhattan Bridge, fejn dort lura u rajt l-ewwel torri bl-antenna tat-TV kbira tiegħu jisfronda. Jien u naqsam il-pont, bdejt sempliċement nitlob li nasal sa Betel, il-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Qatt ma ħassejtni daqshekk ferħan li nara dan il-post f’għomri kollu. U hemmhekk fuq il-ħajt tal-fabbrika kien hemm it-tabella kbira li eluf jistgħu jarawha kuljum, ‘Read God’s Word the Holy Bible Daily’ (Aqra l-Kelma t’Alla l-Bibbja Mqaddsa Kuljum)! Bdejt naħseb, ‘Kważi wasalt. Ibqaʼ miexi.’
“Meta naħseb fuq dak li ġara, l-effett li kellu fuqi kien li verament għandi bżonn nara li l-prijoritajiet tiegħi huma tajbin—li l-iktar affarijiet importanti fil-ħajja għandhom jiġu l-ewwel.”
“Rajt lin-Nies Jaqbżu għal Isfel mit-Torri”
Jessica, li għandha 22 sena, rat dan kollu jiġri meta ħarġet mill-istazzjon tas-subway viċin t’hemmhekk. “Ħarist ’il fuq u rajt irmied, ġebel, u kull tip taʼ biċċiet tal-metall neżlin ’l isfel. In-nies bdew jistennew biex jużaw it-telefon pubbliku u kienu qed isiru iktar isteriċi minħabba d-dewmien. Jien tlabt li nibqaʼ kalma. Imbagħad kien hemm splużjoni oħra. Il-ħadid u l-ħġieġ beda jaqaʼ mis-sema. Smajt lil xi ħadd jgħajjat, ‘Ajruplan ieħor!’
“Ħarist ’il fuq, u l-affarijiet li rajt kienu tal-waħx—nies jaqbżu mis-sulari taʼ fuq minfejn kienu ħerġin id-duħħan u l-fjammi. Għadni nġib din l-istampa quddiem għajnejja—raġel flimkien maʼ mara. Kienu qed iżommu maʼ tieqa għal ftit. Imbagħad kellhom jitilqu idejhom, u baqgħu neżlin ’l isfel u ’l isfel u ’l isfel. Ma flaħtx naraha din ix-xena.
“Fl-aħħar, wasalt ħdejn Brooklyn Bridge fejn neħħejt iż-żarbun li ma kien komdu xejn u ġrejt lejn in-naħa tax-xmara li kienet tagħmel maʼ Brooklyn. Dħalt ġewwa l-uffiċini tal-Watchtower, fejn mill-ewwel għenuni nikkalma.
“Dak il-lejl, id-dar, qrajt fl-Awake! tat-22 t’Awissu, 2001, is-serje t’artikli ‘Coping With Post-traumatic Stress’ (Kif Tkampa maʼ l-Istress Wara Xi Ġrajja Trawmatika). Kemm kelli bżonnha din l-informazzjoni!”
Il-kobor tad-diżastru qanqal lin-nies biex jgħinu b’kull mezz li setgħu. L-artiklu li jmiss jispjega dik il-parti taʼ l-istorja.
[Nota taʼ taħt]
a Stenbaħ! intervista lil ħafna iktar nies li salvaw iżda li ma setgħux jiġu inklużi f’din ir-reviżjoni qasira. Il-kooperazzjoni tagħhom għenet biex dawn ir-rakkonti jkunu kompluti u konfermati.
[Dijagramma/Stampi f’paġna 8, 9]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
MEQRUDIN
1 L-EWWEL TORRI 1 World Trade Center
2 IT-TIENI TORRI 2 World Trade Center
3 MARRIOTT HOTEL 3 World Trade Center
7 7 WORLD TRADE CENTER
ĦSARA KBIRA
4 4 WORLD TRADE CENTER
5 5 WORLD TRADE CENTER
L ONE LIBERTY PLAZA
D DEUTSCHE BANK 130 Liberty St.
6 U.S. CUSTOMS HOUSE 6 World Trade Center
T N PONTIJIET TAL-PEDESTRIANI TAT-TRAMUNTANA U TAN-NOFSINHAR
ĦSARA F’ĊERTI PARTIJIET
2F 2 WORLD FINANCIAL CENTER
3F 3 WORLD FINANCIAL CENTER
W WINTER GARDEN
[Sors]
As of October 4, 2001 3D Map of Lower Manhattan by Urban Data Solutions, Inc.
[Stampi]
Fuqnett: It-tieni torri waqaʼ l-ewwel
Fuq: Xi wħud ġrew lejn il-bini tal-Watchtower għall-kenn
Lemin: Mijiet taʼ ħaddiema tat-tifi tan-nar u tas-salvataġġ ħadmu bla heda fi Ground Zero
[Sorsi]
AP Photo/Jerry Torrens
Andrea Booher/FEMA News Photo
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
AP Photo/Marty Lederhandler
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 4]
AP Photo/Suzanne Plunkett