LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 1/8 pp. 10-12
  • Appoġġ u Mogħdrija Minn Ħafna Bnadi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Appoġġ u Mogħdrija Minn Ħafna Bnadi
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ix-​Xhieda Joffru Għajnuna Prattika
  • “Iż-​Żmien u ċ-​Ċirkustanzi”
  • Ministeru taʼ Faraġ
  • Għandu Jġagħalna Nirriflettu
  • Dak in-Nhar li Ġġarrfu t-Twin Towers
    Stenbaħ!—2002
  • Farrġu lill-Imnikktin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Konsolazzjoni Mingħand “Dak Alla tal-Faraġ Kollu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Il-Barkiet li Ġġib Magħha l-Aħbar Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 1/8 pp. 10-12

Appoġġ u Mogħdrija Minn Ħafna Bnadi

IL-​VOLONTIERI ġew minn partijiet oħrajn taʼ l-​Istati Uniti kif ukoll minn pajjiżi oħrajn. Fost dawn il-​volontieri kien hemm Tom (li jidher hawn fuq), li għandu 29 sena u li hu ħaddiem tat-​tifi tan-​nar minn Ottawa, il-​Kanada. Hu qal lil Stenbaħ!: “Rajt x’ġara fuq it-​TV u ridt nagħti l-​appoġġ morali tiegħi lil sħabi l-​pompiera fi New York. Il-​Ġimgħa qbadt il-​karozza u soqt s’hemmhekk u s-​Sibt mort lejn il-​post tad-​diżastru biex noffri l-​għajnuna tiegħi. Qegħduni fl-​hekk imsejħa brigata tal-​bramel, u bdejna nġorru t-​terrapien billi ngħaddu barmil wara l-​ieħor.

“Qgħadna nagħżlu t-​tifrik bil-​mod, pala pala, u nfittxu għal oġġetti li setgħu jidentifikaw lil pompiera mejtin. Sibt għodda li tintuża biex tiftaħ bibien imsakkrin, imsejħa l-​għodda taʼ Halligan, kif ukoll xi ġewżiet taʼ xi pajp. Qlajna fwiedna f’dan ix-​xogħol iebes. B’madwar 50 volontier, domna sagħtejn biex imlejna trakk wieħed bir-​radam.

“It-​Tnejn, 17 taʼ Settembru, ħriġna l-​iġsma taʼ xi pompiera li kienu daħlu malajr fil-​bini t-​Tlieta taʼ qabel. Qatt ma se ninsa x-​xena—il-​ħaddiema kollha tas-​salvataġġ waqfu jaħdmu, neħħew il-​kpiepel u l-​elmi protettivi tagħhom, u qamu bil-​wieqfa—b’rispett għall-​kollegi tagħna li mietu.

“Hekk kif kont wieqaf inħares lejn din ix-​xena fil-​post tad-​diżastru, ġieni l-​ħsieb dwar kemm hija fraġli l-​ħajja llum. Ġagħlitni nirrifletti fuq ħajti, xogħli, u l-​familja tiegħi. Minkejja r-​riskji, xogħli huwa premjanti ħafna—nistaʼ ngħin lin-​nies u saħansitra nsalvalhom ħajjithom.”

Ix-​Xhieda Joffru Għajnuna Prattika

Fl-​ewwel jumejn tad-​diżastru, madwar 70 ruħ fittxew il-​kenn fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Xi wħud li kienu tilfu l-​kmamar tal-​lukanda u l-​bagalji tagħhom ngħataw post fejn jorqdu u ħwejjeġ oħrajn. Ngħataw x’jieklu. Forsi xi ħaġa iktar importanti, ngħataw appoġġ emozzjonali minn anzjani Kristjani t’esperjenza.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah bagħtu wkoll l-​apparat u l-​provvisti t’emerġenza li kien hemm bżonn lill-​ħaddiema tat-​tfittxija u s-​salvataġġ fil-​post tad-​diżastru li sar magħruf bħala Ground Zero. Ipprovdew ukoll mezzi taʼ trasport għad-​dipartiment tat-​tifi tan-​nar biex iwassal lill-​pompiera lejn iż-​żona tas-​salvataġġ. Ricardo (lemin, fuq), Xhud taʼ 39 sena u li jaħdem fid-​dipartiment tas-​sanità, kien involut, flimkien maʼ mijiet oħrajn, fit-​tneħħija taʼ tunnellati taʼ radam jum wara l-​ieħor. Hu qal lil Stenbaħ!: “Ix-​xeni kienu stressanti ferm, speċjalment għall-​ħaddiema tat-​tifi tan-​nar, li kienu qed ifittxu lil sħabhom mitlufin. Rajthom jiġbdu lil pompier li kien għadu ħaj. Pompier ieħor kien inqatel meta waqaʼ fuqu ġisem. Ħafna pompiera kienu qed jibku. Jien infqajt nibki wkoll. Dak in-​nhar ħadd ma kien iktar kuraġġuż minnhom.”

“Iż-​Żmien u ċ-​Ċirkustanzi”

Eluf taʼ nies mietu f’dan id-​diżastru. Fosthom hemm minn taʼ l-​inqas 14-il Xhud, li inzertaw kienu fuq il-​post tat-​traġedja jew fil-​viċin. Joyce Cummings, li kellha 65 sena u li propjament kienet mit-​Trinidad, kellha appuntament għand id-​dentist ħdejn il-​World Trade Center. Sfortunatament, kien madwar il-​ħin li ġara d-​diżastru. Milli jidher inqabdet fid-​duħħan u ħaduha malajr fi sptar fil-​viċin. Ma setgħux isalvawha. Il-​każ tagħha kien wieħed mill-​ħafna każi taʼ nies li ġarrbu l-​effetti taż-​“żmien u ċ-​ċirkustanzi” mhux mistennijin. (Koħèlet 9:11) Kulħadd kien jafha bħala evanġelizzatriċi żeluża ħafna.

Calvin Dawson (ara l-​kaxxa) kien jaħdem f’kumpanija tas-​sensarija fl-​84 sular tat-​tieni torri. Kien fl-​uffiċċju tiegħu u setaʼ jara sew l-​ewwel torri wara li dan kien għadu kemm intlaqat minn ajruplan. L-​imgħallem tiegħu, li dak in-​nhar ma kienx fl-​uffiċċju, ċempillu biex jara x’ġara. Hu qal: “Calvin kien qed jipprova jgħidli x’ra. Qalli, ‘In-​nies qed jaqbżu!’ Jien għedtlu jitlaq minn hemm u joħroġ lill-​oħrajn mill-​uffiċċju.” Calvin ma rnexxilux joħroġ. L-​imgħallem kompla jgħid: “Calvin kien raġel mill-​aħjar u kien apprezzat minna lkoll, anki minn dawk fostna li m’aħniex spiritwali. Konna nammirawh għall-​qalb tajba tiegħu u għall-​fatt li kien devot lejn Alla.”

Xhud ieħor li safa vittma kien James Amato (lemin, isfel fil-​paġna l-​oħra), missier t’erbat itfal u kaptan fid-​dipartiment tat-​tifi tan-​nar taʼ New York. Dawk li kienu jafuh qalu li tant kien kuraġġuż li “kien jidħol ġo bini jaqbad avolja n-​nies ikunu qed jaħarbu minnu.” Wara li miet, James ngħata l-​grad taʼ kap taʼ battaljun.

Xhud ieħor li kien ħaddiem tat-​tifi tan-​nar, b’sebaʼ snin t’esperjenza, kien George DiPasquale. Kien miżżewweġ lil Melissa u kellu tifla taʼ sentejn, Georgia Rose. Kien anzjan f’waħda mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah tal-​Gżira taʼ Staten u kien fl-​għaxar sular tat-​tieni torri meta dan iġġarraf. Hu wkoll ħallas b’ħajtu hekk kif kien qiegħed jipprova jsalva lil ħaddieħor.

Dawn huma biss tnejn mill-​mijiet taʼ pompiera, pulizija, u ħaddiema taʼ l-​emerġenza li tilfu ħajjithom hekk kif bil-​qlubija pprovaw jeħilsu lin-​nies. Il-​kuraġġ taʼ dawn il-​ħaddiema tas-​salvataġġ ma jistax jiġi enfasizzat iżżejjed. Is-​sindku tal-​Belt taʼ New York, Rudolph Giuliani, iktar tard qal lil grupp taʼ pompiera li għolew grad: “Ir-​rieda tagħkom li taġixxu bla biżaʼ fl-​iktar ċirkustanzi diffiċli hija ispirazzjoni għalina lkoll. . . . U m’hemm . . . l-​ebda eżempju aħjar taʼ kuraġġ mid-​Dipartiment tat-​Tifi tan-​Nar tal-​Belt taʼ New York.”

Ministeru taʼ Faraġ

Matul il-​jiem taʼ wara t-​traġedja, madwar 900,000 Xhud taʼ Jehovah fl-​Istati Uniti b’determinazzjoni għamlu sforz mal-​pajjiż kollu biex joffru faraġ lil dawk li kienu qed jitnikktu. L-​imħabba għal għajrhom qanqlithom ifarrġu lil dawk li kienu qed jibku lil xi ħadd. (Mattew 22:39) Fil-​ministeru tagħhom stinkaw ukoll biex jidderieġu l-​attenzjoni lejn l-​unika tama vera għall-​bnedmin imnikktin.—2 Pietru 3:13.

Ix-Xhieda wrew mogħdrija fil-​mod kif avviċinaw lill-​pubbliku. L-​intenzjoni tagħhom kienet li joffru faraġ mill-​Iskrittura u jimitaw l-​eżempju taʼ Kristu li kien jagħti s-​serħan u li qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​toqol tiegħi ħafif.”—Mattew 11:28-30.

Gruppi t’anzjani mill-​kongregazzjonijiet lokali tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Manhattan tħallew jidħlu fil-​post tad-​diżastru biex jitkellmu mal-​ħaddiema tas-​salvataġġ u jfarrġuhom. Ir-​reazzjoni kienet waħda tajba ħafna. Dawn il-​ministri kkummentaw: “Dawn l-​irġiel kellhom id-​dmugħ f’għajnejhom hekk kif qsamna xi skritturi magħhom.” Xi ħaddiema tas-​salvataġġ kienu fuq dgħajsa fil-​marina jipprovaw jerġgħu jiġu f’tagħhom. “Kienu jidhru ddisprati, b’rashom baxxuta għax ma setgħux ikampaw maʼ dak li kienu raw. Aħna poġġejna ħdejhom u qsamna magħhom versi mill-​Bibbja. Dawn l-​irġiel irringrazzjawna ħafna talli morna, u qalulna li verament kellhom bżonn dan il-​faraġ.”

Ħafna drabi, in-​nies li ġew kuntattjati wara t-​traġedja riedu xi ħaġa x’jaqraw u ngħataw eluf taʼ browxers b’xejn. Xi wħud minn dawn kienu Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut, Will There Ever Be a World Without War? (Qatt Se Jkun Hawn Dinja Mingħajr Gwerer?), u Veru li Alla Jimpurtah Minna? Ukoll, ngħatat attenzjoni speċjali lis-​serje t’artikli taʼ quddiem f’żewġ ħarġiet taʼ l-​Awake!: “The New Look of Terrorism” (Id-Dehra l-​Ġdida tat-​Terroriżmu) (22 taʼ Mejju, 2001) u “Coping With Post-traumatic Stress” (22 t’Awissu, 2001). F’ħafna każi x-​Xhieda spjegaw it-​tama tal-​Bibbja dwar l-​irxoxt. (Ġwann 5:28, 29; Atti 24:15) Forsi miljuni taʼ nies intlaħqu b’dan il-​messaġġ taʼ faraġ.

Għandu Jġagħalna Nirriflettu

Traġedji bħal din li ġrat fil-​Belt taʼ New York għandhom iġagħluna lkoll nirriflettu dwar kif qed nużaw ħajjitna. Qed ngħixu biss għall-​interessi persunali tagħna stess, jew qed nipprovaw nagħmlu xi ħaġa biex inżidu l-​ferħ t’oħrajn? Il-​profeta Mikea qal: “Huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-​Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun [“modest,” NW] fl-​imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.” (Mikea 6:8) Il-​modestja għandha tqanqalna biex infittxu fil-​Kelma t’Alla għat-​tama vera dwar il-​mejtin u biex niskopru x’se jagħmel Alla dalwaqt biex jerġaʼ jġib kundizzjonijiet bħal taʼ Ġenna fuq l-​art. Jekk tixtieq tkun taf iktar dwar il-​wegħdi tal-​Bibbja, inħeġġuk li tikkuntattja lix-​Xhieda taʼ Jehovah fejn toqgħod int.—Isaija 65:17, 21-25; Apokalissi 21:1-4.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 11]

IT-​TALBA TAʼ TATIANA

L-​armla taʼ Calvin Dawson, Lena, irrakkontat lil Stenbaħ! dwar it-​talba li qalet bintha taʼ sebaʼ snin ftit ġranet wara li saret taf illi missierha ma kienx se jerġaʼ jiġi lura d-​dar. Lena kienet qalet talba, u Tatiana staqsietha, “Mà, nistaʼ ngħid talba?” Ommha qablet magħha. Tatiana talbet: “Jehovah, Missierna tas-​sema, nixtiequ ngħidulek grazzi għal dan l-​ikel u għal dan il-​jum taʼ ħajja. U nixtiequ nitolbuk li l-​ispirtu tiegħek ikun miegħi u mal-​mamà sabiex nistgħu nkunu b’saħħitna. U nixtiequ nitolbuk li l-​ispirtu tiegħek ikun mal-​papà, ħalli jkun b’saħħtu meta jerġaʼ jiġi lura. U meta jerġaʼ jiġi, nitolbuk li jkun ħelu, b’saħħtu, ferħan u jiflaħ, u aħna nerġgħu narawh. F’isem Ġesù . . . e, u tinsiex tagħti s-​saħħa lill-​mamà. Amen.”

Lena, li ma kinitx ċerta jekk Tatiana fehmitx x’kien ġara, qalet: “Tiana, kemm kienet sabiħa. Imma, qalbi, kont taf li l-​papà mhux ġej lura?” Wiċċ Tatiana mill-​ewwel inbidel bil-​qatgħa li ħadet. “Mhux ġej?” qalet hi. “Le,” wiġbitha ommha. “Mingħalija li għedtlek. Ħsibt li fhimt li l-​papà mhux se jerġaʼ jiġi.” Tatiana qalet: “Imma int dejjem għedtli li se jerġaʼ jiġi fid-​dinja l-​ġdida!” Fl-​aħħar, Lena ntebħet x’riedet tfisser bintha, u qalet: “Jiddispjaċini Tatiana. Fhimtek ħażin. Ħsibt li ridt tgħid li l-​papà ġej lura għada.” Lena qalet: “Ħassejtni ferħana li kont naf li d-​dinja l-​ġdida hija tant reali għaliha.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja